QUDDIESA FIL- BAŻILIKA TA’ SAN PAWL
FIL-XV-IL ĊENTENARJU TAT-TWELID TA’
SAN BENEDITU U SANTA SKOLASTIKA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 21 ta’ Marzu 1981
Meqjumin ħuti u għeżież uliedi.
1. “Et benedicam tibi…, erisque benedictus” (Ġen 12,3). Bħala lħiq tal-ogħla punt tad-diversi laqgħat u tal-kliem, li f’diversi dati, kelli l-okkażjoni li nippronunzja matul is-sena ċentinarja tal-qaddisin Benedittu u Skolastika f’Norcia, f’Montecassino u f’Subiaco, nieħu pjaċir nassumi – kif għadha kif għamlet il-liturġija sagra – din is-sabiħa espressjoni bibblika, li tiġbor fiha xi wegħdiet misterjużi minn Alla magħmula lill-patriarka Abraham, u napplikaha għall-patrijarka tal-monakiżmu oċċidentali, imbierek ugwalment fl-isem u fl-opri. Infatti inħoss ferm opportun u sinifikattiv ir-rit tal-lejla, qrib il-qabar tal-Appostlu tal-ġnus, bil-għan li nerġà nonora lil Benedittu u ntemm denjament iċ-ċelabrazzjonijiet kommemorattivi fruttużi, l-istess kif għall-XIV -il ċentenarju tal-mewt l-iżjed grazzjuża tiegħu kien għamel diġa, f’din l-istess Bażilika, il-predeċessur tiegħi Piju XII, ta’ tifkira meqjuma, f’Settembru tal-1947. Wara t-tmiem tal-konflitt drammatiku li kien ħarbat u demmem tant nazzjonijiet, propju hawn huwa ried isejjaħ il-protezzjoni speċjali ta’ Benedittu, “Europae altor et pater”, għall-qwmien mill-ġdid spiritwali u materjali mhux biss tal-Kontinent Ewropew, imma wkoll tad-dinja kollha kemm hi (cf. Piju XII, Discorsi e Radiomessaggi, IX, pp. 237-241).
2. Lilkom ilkoll, hawn preżenti, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, nixtieq nestendi t-tislima kordjali tiegħi: nindirizza, qabel kollox, lill-Komunità Benedittina lokali bl-Abbati Ordinarju tagħha u bl-Abbati President tal-Kongregazzjoni Cassinista. Insellem imbagħad lis-superjuri u lill-membri tal-familji monastiċi maskili u femminili ta’ Ruma, hawn miġbura flimkien ma’ tant rappreżentanti ta’ Ordnijiet u Kongregazzjonijiet reliġjużi, biex jiċċelebraw fl-ispirtu tal-komunjoni fraterna vera lill-kbir mgħallem tal-ħajja kkonsagrata. U fl-aħħarnett insellem lill-fidili tal-parroċċa ta’ San Pawl, li lilhom l-istess patrijiet benedittini tal-Monasteru anness jiddedikaw għal tradizzjoni ultrasekulari is-servizz apprezzat tagħhom, waqt li b’hekk jagħtu xhieda tal-ideal monastiku u fl-istess ħin tal-ħila tiegħu ta’ illuminazzjoni apostolika.
Fir-realtà, qrib din il-Bażilika l-istitut monastiku huwa msejjaħ biex jagħti prova tal-konsistenza tiegħu: huwa msejjaħ biex joffri l-eżempju tal-istil liturġiku l-iktar eżatt, tal-impenn regolari fil-ministeru sagramentali indispensabbli tar-Rikonċiljazzjoni:, tal-lqugħ ospitali lejn il-pellegrini u l-viżitaturi, ġejjin minn kull rokna tad-dinja; imma huwa msejjaħ fl-istess ħin, biex jieħu ħsieb program addattat ta’ laqgħat reliġjużi, ta’ inizjattiva għad-difiża tal-konvivenza familjari, ta’ taħdidiet ekumeniċi. U dan kollu jikkostitwixxi kontribut prezzjuż mhux biss għall-pastorali dijoċeżana, imma wkoll għall-animazzjoni tal-Knisja kollha. Hawn, iktar milli fil-Monasteri l-oħra allokati fil-qalba tal-ħajja ekkleżjali u ċivili, l-ispiritwalità tal-kontemplazzjoni titqiegħed għas-servizz tal-impenn apostoliku, skont it-tagħlim ta’ San Girgor il-Kbir, li, ftit qabel il-mewt tal-Patrijarka Cassinjan, impenja lill-irħieb fl-impriża diffiċli tal-evanġelizzazzjoni tal-Ingilterra, billi ta impuls lil dik is-serje meraviljuża ta’ vjaġġi missjunarji li fetħu l-Ewropa tal-Punent għall-Kristjaneżmu u għaċ-ċiviltà, l-istess bħal ma f’dik tal-Lvant operaw bl-istess żelu pastorali l-appostli l-kbar tad-dinja Slava, Ċirillu u Metodju.
3. Bħala frott tas-sena ċentinarja, li matulha l-figura u l-opra ta’ San Benedittu firxu fil-Knisja u fis-soċjetà messaġġ sorprendenti ta’ dawl, wieħed jistà diġa jħoss b’mod iktar ċar il-bżonn li l-monakiżmu jerġà jgħix it-tradizzjonijiet ġenwini u multepliċi tiegħu, kemm ta’ ħajja strettament klawstrali, kif ukoll ta’ preżenza attiva fis-setturi tal-pastorali, tal-artiġjanat jew tal-biedja, tar-riċerka xjentifika, eċċ. Dan kollu jkollu applikazzjoni faċli u iktar effett sikur, biss kemm-il darba jiġu mwettqa il-primat tar-riċerka ta’ Alla fil-liturġija u fil-“lectio divina”, ir-rispett tal-esiġenzi konnaturali għall-ħajja komunitarja u l-attakkament fidil għax-xogħol fil-forom differenti tiegħu.
Waqt li nerġà naqbad dak li kien iddikjarat fi tmiem is-Simpożju, li f’Settembru li għadda ra miġburin l-Abatijiet u l-Badessi u s-Superjuri Benedittini, Ċistersensi u Trappisti, nesprimi voluntarjament l-awspiċju li “il-komunitajiet monastiċi li jipproklamaw li l-ġenerazzjonijiet kollha, il-mentalitajiet, ir-razez u l-klassijiet soċjali jistgħu jsibu lilhom infushom fi Kristu; ikunu huma ċentri ta’ talb, li fihom il-Kelma ta’ Alla tkun meqjusa u riċevuta; ikunu bis-sempliċità ta’ ħajjithom qrib il-maħqurin u ż-żgħar ta’ din id-dinja: ifittxu l-paċi u l-ġustizzja għal kulħadd; jissensibilizzaw lin-nies ta’ żmienna bil-ħażen tal-konsumiżmu, tal-individwaliżmu u tal-vjolenza” (cf. Messaggio del Simposio monastico).
Bħal ma fi tmiem l-età antika, San Benedittu u l-irħieb tiegħu għarfu jagħmlu lilhom infushom bennejja u għassiesa taċ-ċiviltà, hekk ukoll f’din l-età tagħna, immarkata minn evoluzzjoni kulturali mgħaġġla, huwa meħtieġ li niksbu kuxjenza tal-isfidi li jiġuna mid-dinja moderna u nikkonfermaw, fl-istess ħin, l-aċċettazzjoni sinċiera tal-valuri perpetwi. Il-valur ewlieni u li ma jintemm qatt huwa l-Kelma ta’ Alla, li hemm bżonn li tkun mismugħa kuljum għall-konverżjoni tal-ħajja, b’referenza eżatta għall-problemi preżenti u għal dawk li jfiġġu fuq l-orizzont: it-Tielet Dinja, il-kriżi tal-familja, il-firxa tad-droga u tal-vjolenza, it-theddida tal-armamenti, l-istess diffikultajiet ta’ ordni ekonomika.
Kemm-il darba, bħal f’Benedittu, tkun profonda l-ispiritwalità fin-nisrani, fir-reliġjuż, fis-saċerdot; jekk kull wieħed u waħda minna nkunu – kif imiss – “bnedmin ta’ Alla”, allura nistgħu nkunu b’mod effikaċi “qaddejja tal-bniedem”. Is-smigħ attent ta’ Alla li jitkellem jiftaħ lil ruħek għal dixxerniment tas-sinjali taż-żminijiet, bħal ma seħħ propju f’dan il-Monasteru nhar il-25 ta’ Jannar 1959, meta l-Papa Ġwanni XXIII laqqà, barra s-Sinodu ta’ Ruma, il-kbir Konċilju Ekumeniku, li kien il-Vatikan II bil-frott abbundanti, li diġa ta u li se jagħti mill-ġdid lill-Poplu kollu ta’ Alla.
Il-kredibiltà tal-messaġġ nisrani tiddependi mill-integrazzjoni bejn il-katekeżi, il-liturġija u l-ġustizzja pperfezzjonata fil-karità. Ix-xandir tal-kelma fiċ-ċelebrazzjonijiet sagri, ir-riflessjonijiet mibdija fil-katekeżi tagħna, għandhom ikunu opra ta’ xhieda ta’ ġustizzja u ta’ karità, ta’ Komunitajiet deċiżi għall-konverżjoni kontinwa fil-karità u fil-ħniena. Il-Kelma għandha twassal lis-semmiegħ għall-koxjenza personali tal-problemi u tal-impenji, għandha tistimola l-komunità għal għażliet ta’ servizz, bi preferenza – kif jgħid il-Vanġelu – għall-foqra (cf. Mt 11,5; Lq 4,18).
4. F’dan il-punt jiena jidhirli – minħabba kombinazzjoni singolari, u jkolli ngħid providenzjali – it-tmiem taċ-Ċentinarju ta’ San Benedittu jistà jintroduċi, b’attenzjoni speċjali għall-faqar, it-VIII Ċentinarju tat-twelid ta’ San Franġisk, li se jibda f’Ottubru li ġej. Difatti, din hija waħda mill-esiġenzi l-iktar rilevanti, li ħarġu mil-laqgħat monastiċi taċ-Centinarju Benedittin li issa ntemm: ma kienx possibbli, mill-bqija, li nagħlqu għajnejna quddiem il-mewġa ta’ materjaliżmu, ta’ edoniżmu, ta’ ateiżmu tejoriku u prattiku li nxteħtet mill-pajjiżi tal-Punent fuq il-bqija tad-dinja. L-irħieb tas-siġra benedittina l-kbira, l-ulied tal-familji differenti franġiskani, u b’mod ġenerali r-reliġjużi kollha, għandhom ir-responsabiltà li jerġgħu jintroduċu fis-soċjetà, b’xhieda unika, permezz tal-konverżjoni tal-qalb u tal-istil ta’ ħajja, il-valuri tal-faqar reali, tas-sempliċità tal-ħajja, tal-imħabba fraterna u tal-kondiviżjoni ġeneruża. Hawn ukoll, waqt li nagħmel tiegħi l-kliem kontenut fil-Messaġġ tal-Benedittini u tan-nisa Benedittini tal-Asja, jiena nittama li l-eżempju tal-qaddisin Benedittu u Franġisku jwassluna biex “nirrejalizzaw s-sejħa tagħna biex inkunu foqra ma’ Kristu fqir u jħeġġuna biex ferrieħa nsegwuh permezz ta’ solidarjetà ikbar mal-iktar foqra tal-pajjiżi tagħna u tad-dinja kollha. B’dan il-mod nemmnu li nistgħu naslu, flimkien mal-umanità kollha biex nifhmu b’mod iktar profond l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin u biex nimpenjaw ruħna konkretament favur il-bnedmin ħutna”. Barra minn dan, għal dan l-istess impenn favur il-bniedem u s-soċjetà umana, enfasizzaw ukoll l-Isqfijiet tal-Ewropsa fil-messaġġ “Għal Ewropa tal-bnedmin u tal-popli” imferrex fuq medda wiesgħa minn Subiaco f’Settembru li għadda.
5. Imma huwa evidenti, ħuti u wliedi l-għeżież, li dan l-impenn globali u d-dmirijiet u l-ministeri speċjali, li fih ifisser ruħu b’mod ċar, jirriferuna lkoll u dejjem għas-sors tagħhom spiritwali. Min ma jafx li l-azzjoni titlob il-kontemplazzjoni? U din, b’mod speċjali fl-Ordnijiet monastiċi u mendikanti, ma tesiġix forzi, ma tassumix ċelebrazzjoni ewkaristika ħajja, liturġija korali fidila u forma komunitarja mpenjata, biex tevita l-predominju tal-għemil” fuq “li jkun”, jew l-iżvilupp ta’ attiviżmu skwilibrat imqabbel mal-primat tal-ħajja nterna? Iva, għaliex f’kull ministeru apostoliku, minn kull min u f’kull tip ta’ forma jiżvolġi ruħu, is-servizz jeħtieġ il-katekeżi, u l-impenn jeħtieġ it-talb, sabiex il-karità ma tirriduċix ruħha għal sempliċi filantropija, imma l-imħabba tal-proxxmu tkun ordnata, animate, mogħnija mill-imħabba ta’ Alla.
Għal dan, aħna wkoll issa rridu nitolbu. Jekk iċ-ċentinarju benedittin, li issa wasal biex jintemm, sejħilna mill-ġdid – qiegħed ngħid aħna r-rgħajja tal-Knisja ta’ Alla, u intom ilkoll reliġjużi rġiel u nisa, u intom lajċi wkoll li qegħdin tisimgħu iktar qawwija l-vokazzjoni tal-apostolat – għal din id-dimensjoni primarja bħala bażi u premessa ta’ kwalunkwè attività ministerjali, aħna dlonk nistgħu u b’mod ferm opportun niqdew bil-kelma għolja tal-Vanġelu, li għadna kemm smajna. Huwa Ġesù nnifsu, li qiegħed jitlob fiċ-Ċenaklu u joffrilna mudell insuperabbli ta’ stil u ta’ kontenut, rigward it-talb tagħna, kemm dak personali jew komunitarju, sew liturġiku kif ukoll privat. Wasal kważi fil-mument kruċjali tal-missjoni tiegħu, “pridie quam pateretur”, huwa jgħallimna f’din is-silta konklussiva tal-hekk imsejħa “talba saċerdotali” x’għandna nitolbu, għal min għandna nitolbu u għaliex għandna nitolbu. Fi djalogu dirett mal-Missier, f’kuntatt dirett Miegħu (tu in me et ego in te), Ġesù jitlob mhux biss għall-Appostli tiegħu li jara miġburin madwaru, imma wkoll għal dawk li, grazzi għall-predikazzjoni tagħhom se jemmnu fih: jitlob, jiġifieri, għall-fidili taż-żminijiet u tal-ġenerazzjonijiet suċċessivi, u jitlob “sabiex ikunu ħaġa waħda”.
Kemm drabi tidwi f’din is-silta sublimi l-invokazzjoni jew, aħjar, l-appell u x-xenqa għall-unità?
Hija l-unità ta’ dawk “tiegħu”; hija l-unità bħala nota distintiva tal-“Knisja tiegħu”; hija l-unità li, b’effett simultanju, tgħaqqad b’mod intimu lil dawk li diġa għandhom il-fidi u fl-istess waqt tħeġġeġ biex taċċetta l-fidi d-dinja, jew aħjar dawk li għadhom ma jemmnux: “ut omnes unum sint… ut credat mundus”… (Ġw 17,21) “et cognoscat mundus” (Ġw 17,23). Dwar l-Unità il-Mulej jgħidilna kollox: il-mod u l-qies, in-natura u l-effett, il-kawża eżemplari li hija l-unità eżistenti bejnu stess u l-Missier, il-kawża aħħarija li hija l-fidi li għandha titqanqal f’min għad ma għandux.
Issa, kif tistà tiċħad li tali kliem jassumi sinifikat kbir u qawwa speċjali f’dan il-post sagru u f’ċirkustanza bħal din? Barra mudell ta’ talb, dan jikkostitwixxi program ta’ xogħol, dan għandu l-preġju u l-meritu li jarmonizza kontemplazzjoni u azzjoni. U jolqotna tant iktar, fuq kollox, għaliex dan huwa l-post li fih jistrieħ l-Appostlu Pawlu, li kien messaġġier infatikabbli fost il-ġnus tal-għaqda tal-Knisja ta’ Kristu fil-viżjoni superjuri ta’ din bħala ġisem mistiku u bħala għarusa mistika (cf. 1Kor 12,12-27; Gal 3,28; Ef 4,1-5); u mbagħad għaliex iċ-ċirkostanza li ġabritna hawn hija ċ-ċentinarju ta’ Benedittu ta’ Norcia, il-qaddis tal-“ora et labora”, li għall-unità talab u ħadem bil-Vanġelu u bis-Salib, waqt li b’mod effikaċi kkontribwixxa biex jagħmel l-unità fid-dinja Ewropea, li kienet parti kbira mid-dinja magħrufa dak iż-żmien.
Hawn hu għaliex din il-kelma-talba ta’ Kristu, Mgħallem u Mulej tagħna, maħtufa u mxerrda minnufih minn Pawlu, iktar tard mismugħa u mwettqa minn Benedittu, għandha tiskolpixxi fl-ispirtu tagħna, bħala terminu li ma jitħassarx tat-talb tagħna u parametru permanenti tal-operożità apostolika tagħna. “Ut omnes unum sint!” Din il-kelma li tiġbor fiha u tesprimi s-“sacramentum unitatis” (cf. San Ċiprijanu, De Ecclesiae catholicae unitate, 7: PL IV, 504),hija bħal kelma ta’ amar u, għaċ-ċirkustanzi li fihom kienet fil-bidu ppronunzjata, għandha l-valur ta’ legat testamentarju, u għalhekk għandha tillumina u tiggwida l-inizjattivi pastorali u ekumeniċi , billi tikkoordina u tiffinalizza singoli lejn id-dimensjoni suprema tal-karità: “sabiex l-imħabba, li biha ħabbejtni, tkun fihom” (Ġw 17,26). Dan – ma ninsewh qatt – huwa l-punt tal-wasla, din hija l-linja finali, għaliex l-unità u l-karità fil-ħajja ekkleżjali jimxu pass wieħed. L-unità hija karità, u l-karità unità.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb