VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA
TAL-QADDISIN PIETRU U PAWLU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 22 ta’ Marzu 1981
1. “Għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna, Huwa Hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu, il-merħla li Huwa jmexxi” (Sal 95,6-7).
B’dan il-kliem tal-liturġija tallum, jiena ndur lejkom, għeżież ħuti, parruċċani tal-Komunità tal-EUR, li hija ddedikata lill-Qaddisin Pietru u Pawlu.
Din hija l-istedina biex naduraw lil Alla li ħalaqna. Hija l-istedina għal adorazzjoni speċjali ta’ Alla f’dan il-perijodu ta’ fidwa u ta’ grazzja li huwa r-Randan.
Dan infatti, huwa ż-“żmien propizju” (2Kor 6,2), li fih il-Mulej jirrivela ruħu lil min jisforza li jagħrfu u li jħobbu. Huwa ż-żmien tal-“waqt”, li fih niftakru fih b’mod fattiv. Din hija metanojja: induru lejh b’ruħna kollha biex inservuh u niżżuh ħajr. Dan ifisser li naduraw lill-Mulej, u għal dan il-mottiv il-Knisja ma tgħejja qatt li ttenni flimkien mas-Salmista:
“Ejjew nersqu lejh biex niżżuh ħajr, / lilu nfaħħru bil-kant ta’ ferħ”(Sal 95,2)u mill-ġdid: “Ejjew, wiċċna mal-art nadurawh” (Sal 95,6). L-adorazzjoni ta’ Alla tifforma r-raġuni li tkun tal-Knisja u ta’ kull bniedem li ma jistax jagħti espressjoni mwettqa għall-eżistenza tiegħu, kemm-il darba ma jurix dan l-att amorevoli, spontanju u koxjenti lil Alla, Ħallieq tiegħu. U dan l-att ta’ adorazzjoni jitwettaq fuq kollox fil-komunità miġbura għaċ-ċelebrazzjoni tal-festin tal-Mulej, fil-“fractio panis”, li aħna wkoll se nġeddu minn hawn u ftit ieħor.
2. F’dan l-ispirtu nsellem lill-Komunità parrokkjali tagħkom intitolata għall-Qaddisin Pietru u Pawlu. Din, kif nafu, hija żagħżugħa ħafna, billi l-knisja nfetħet għall-kult fl-1955, u tgħolliet għal parroċċa f’Diċembru tal-1958 u elevata għad-dinjità ta’ Bażilika fl-1965. Insellem lill-Kardinal Viġarju, li wkoll hawn iħossu ta’ ġewwa bħal fi kwalunkwè parroċċa tad-dijoċesi, lill-Isqof Awżiljarju tas-settur Sud, Mons. Clemente Riva, li għadu kemm temm jiżvolġi ġimgħa preparatorja għal din il-laqgħa tal-fidili tal-EUR mal-Papa; insellem b’mod speċjali lill-kappillan, Patri Fausto Casa, flimkien mal-grupp tal-Franġiskani Konventwali li jgħinu fl-animazzjoni nisranija ta’ din iż-żona. Naf li ma jiqfux jipprofondixxu ir-rikkezzi tat-tħejjija kulturali u tal-esperjenza umana u reliġjuża tagħhom. Grazzi għad-dedikazzjoni tagħhom u għall-kollaborazzjoni ta’ saċerdoti oħrajn, assoċjati ma’ ħiliet oħra pastorali, il-ħajja tal-parroċċa kull ma jmur issaħħet b’mod progressiv u immaturat frott spiritwali, li jippermetti li wieħed jittama sewwa għall-ġejjieni, minkejja it-tant problem ippreżentati mit-tendenza, pjuttost imxerrda f’tant familji, biex jiżolaw ruħhom u biex forsi jipprivileġġjaw ċertu tip ta’ individwaliżmu.
Waqt li nagħrfu l-mixja li ġa għamilna, indawwar ħsiebi fuq il-membri tad-diversi Assoċjazzjonijiet, b’mod speċjali lejn dawk tal-Azzjoni Kattolika, tal-Ordni Franġiskan Sekolari, tal-Apostolat tat-Talb, tal-Assoċjazzjoni ta’ San Vinċenz u tal-Iscouts. Permezz ta’ tali soċjetajiet il-lajkat huwa preżenti fil-pastorali tal-parroċċa. Kelma ta’ tislima, ukoll, lir-reliġjużi rġiel u lir-reliġjużi nisa li għandhom l-Istituti tagħhom fiż-żona u li jieħdu ħsieb il-formazzjoni taż-żgħażagħ u ta’ inizjattivi karitatevoli oħra, billi b’dan il-mod jipprovdu kontribut validu għall-isforz komuni ta’ promozzjoni nisranija u soċjali tal-fidili.
Lil kulħadd, fl-aħħarnett, imma b’mod speċjali li dawk li jbatu minħabba l-mard, minħabba s-solitudni u minħabba l-faqar, l-assikurazzjoni ta’ mħabbti u tat-tifkira kostanti tiegħi fit-talb. U issa nerġgħu lura għall-kumment tal-qari bibbliku, li għadna kemm smajna.
3. “Inti tħabbat fuq il-blata: u joħroġ l-ilma” (Es 17,6).
Il-vjaġġ twil tal-Lhud fid-deżert jagħti minnufih sfond għas-silta tal-Esodu. Waħda mid-diffikultajiet maġġuri li jippreżentaw ruħhom minn vjaġġ fid-deżert għal poplu hekk numeruż, li miegħu jġorr imrieħel u bhejjem, kienet bla ebda dubju in-nuqqas tal-ilma. Wieħed għalhekk jifhimha li, fil-jiem tal-ġuħ u l-għatx kienu jsemmgħu leħinhom b’mod għoli, l-Iżraeliti bdielhom dwar l-Eġittu u gergru kontra Mosè. Alla, li kien wera b’diversi modi it-tjubija tiegħu speċjali lejn dak il-poplu, issa esiġa l-fidi, it-telqà assuluta Fih, l-għelib tas-sikurezzi umani tagħhom. U propju fil-waqt li fih hu ma jistax iktar jorbot fuq ir-riżorsi propji, u sfinit u mgħaffeġ, u madwaru mhemmx għajr blat għeri sterili u niexef u bla ħajja, Alla jintervieni, juri l-preżenza tiegħu u jġiegħel igelgel minn dak il-blat ilma abbundanti li jagħti l-ħajja. Huwa propju minn dak il-blat kumpatt, li l-Lhud setgħu jiksbu ilma fil-vjaġġ tagħhom lejn l-art imwegħda, bħal ma mill-Qalb ta’ Kristu, bil-għatx fuq is-Salib, igelgel l-ilma li jsalva lil dawk li qabdu triqthom tal-fidi. Għal dan ix-xebħ, Pawlu jidentifika l-blata ma’ Kristu stess, Tempju ġdid u Sors li jaqtà l-għatx fil-ħajja eterna (cf. 1Kor 10,4).
Hawn hu kif il-qawwa ta’ Alla turi ruħha fil-misteru tal-ilma ħaj, li jgelgel għall-eternità, għaliex huwa ilma restoratur tal-grazzja u rivelatur tal-verità.
Bħal fi żmien l-Esodu, illum ukoll il-bnedmin iħossu l-għatx ta’ dan l-ilma salvanti u liberatorju li jiġi minn kristu, u l-Knisja, bi tweġiba, ma tgħejjiex ixxandru lill-popli kollha taż-żminijiet kollha. Hija hi preżenti fid-dinja essenzjalment “biex tgħin lill-bnedmin biex jemmnu li Ġes huwa l-Iben ta’ Alla, sabiex, permezz tal-fidi, huma jkollhom il-ħajja f’ismu, biex tedukahom u biex tgħallimhom f’din il-ħajja u hekk jibnu l-Ġisem ta’ Kristu. Il-Knisja ma qatgħetx tikkonsagra għal dan il-għan l-energiji tagħha” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 1).
4. Dwar l-ilma li jgelgel għall-ħajja eterna jkellem Kristu lis-Sammaritana maġemb il-bir ta’ Sikar.
Huwa, għajjien mill-vjaġġ, joqgħod bilqiegħda fuq il-ħerża tal-bir. Id-dixxipli kienu marru fil-belt jixtru dak meħtieġ. Ġesù jitlob lil waħda Sammaritana, li kienet ġiet biex timla l-ilma, biex tagħtih jixrob. Din tibqà mistagħġba. Kif setà jkun li hu, Lhudi, jitlob xi ħaġa lil waħda Sammaritana? Għal sekli sħah il-Lhud u s-Sammaritani kienu ilhom jgħixu f’mibegħda bla ħniena. Ġesù iżda juri lilu nnifsu superjuri għal dan il-preġudizzju, kif ukoll għall-opinjoni Lhudija li kienet tqis bħala ħaġa baxxa għal għalliem li jitkellem b’mod pubbliku ma’ mara. Għalih ma tgħoddx id-distinzjoni ta’ nazzjon u ta’ razza u linqas dik bejn raġel u mara. Mill-ilma naturali, element materjali, li Ġesù għall-ewwel jitlob lill-mara, huwa jwassal id-diskors għall-pjan tar-rivelazzjoni, dwar l-ilma tassew ħaj.
L-espressjoni “ilma ħaj” fil-lingwa tal-Profeti tindika il-ġid tas-salvazzjoni taż-żmien messjaniku (cf. Iż 12,3; 49,10; Ġer 2,13; 17,13).Imma l-mara, billi ma setgħetx tifhem dak il-lingwaġġ, taħseb dwar ilma mirakoluż li jaqtà l-għatx tal-ġisem, li għalih ma jkunx hemm bżonn li tmur timla. B’dan il-mod Ġesù qanqal fiha ix-xewqa tad-don tiegħu: “Mulej, tgħidlu l-mara, tini minn dan l-ilma, sabiex ma jaqbadnix għatx iktar u ma jkollix għalfejn niġi nimla l-ilma” (Ġw 4,14). Ġesù allura jirrivela lill-mara li huwa hu personalment is-sors tal-ilma ħaj. U juri kif it-triq tal-fidi fih tgħaddi permezz tal-għarfien tal-missjoni divina tiegħu, waqt li turi l-għarfien tagħha profetiku, propju ta’ mibgħut minn Alla. Hija kien kellha ħamest irġiel u mas-sitt wieħed kienet qiegħda tgħix b’mod illegali. Il-mara tibda tirrifletti: tali għarfien tal-qlub mhuwiex dak ta bniedem komuni u f’att ta’ fidi mqanqal tissuġġerixxi: Mulej, qiegħda nara li inti Profeta” (Ġw 4,19). U mbagħad tmur tħabbar lill-abitanti ta’ beltha li ltaqgħet mal-Messija u tistedinhom biex “ejjew ħalli taraw lil Ġesù” (Gw 4,29). F’din is-silta evanġelika stupenda, li tilħaq quċċata sublimi għas-sbuħija formali u għal profondità duttrinali, hemm karatteristiċi edukattivi interessanti għal kull edukatur tal-fidi. Ir-rivelazzjoni personali ssir min-naħa ta’ Ġesù, billi jitlaq mis-sitwazzjoni konkreta biex jasal għal reviżjoni ideali tal-ħajja: dik id-dehra fid-dawl tal-verità, għaliex il-verità biss, tistà twassal biex isseħħ il-laqgħa ma’ Kristu li jippersonifika l-istess verità.
5. Huwa appuntu meta s-Sammsritana ddur fuq Ġesù bil-kliem: “Tini minn dan l-ilma” (Ġw 4,15) li allura Hu ma jaħsibhiex li jindika t-triq li twassal għalih. Hija t-triq tal-verità nterna, it-triq tal-konverżjoni u tal-opri tajba. “Mur sejjaħ lil żewġek” (Ġw 4,16), igħid il-Mulej lill-mara: din hija stedina biex teżamina l-propja kuxjenza, biex teżamina fl-intimu tal-qalb, biex fiha tqajjem mill-ġdid l-istennijiet l-iktar profondi, dawk li tippretendi li taħbi taħt tweġiba evażiva.
Lil din il-mara jġegħlha tiskopri l-bżonn li tkun salvata u li tistaqsi lilha nfisha dwar il-mixja li tistà twassalha għas-salvazzjoni, billi jiżvolġi magħha “eżami tal-kuxjenza” veru u propju u billi jgħinha ssejjaħ b’isimhom id-dnubiet ta’ ħajjitha. Għal dan il-għan il-Mulej jinsisti: “Sewwa għidt m’għandix raġel”, infatti kellek ħamest irġiel u dak li għandek issa mhuwiex żewġek” (Ġw 4,17-18). B’dan il-mara mhux biss tagħraf l-istat tagħha tad-dnub, imma tiġi mgħejjuna biex issejjaħ b’isimhom id-dnubiet ta’ ħajjitha. Santu Wistin fi priedka meraviljuża tiegħu hekk imur jesprimi d-diqa tal-qalb ta’ din il-mara: “Fil-bidu kont iggwidata mis-sensi tal-ġisem; imbagħad wasalt għall-età li fiha trid tuża r-raġuni, u ma lħaqtx l-għerf; anzi waqajt fl-iżball; għalhekk, wara dawk il-ħamest irġiel, dak li għandek issa mhuwiex żewġek. U jekk ma kienx żewġek, x’kien jekk mhux adulteru?
Mela, sejjaħ, imma mhux l-adulteru, sejjaħ lil żewġek, sabiex bl-intellett int tkun tistà tifhimni, u l-iżball ma jkollux għalfejn jiksiblek opinjoni falza tiegħi… Warrab mela l-adulteru li jikkorrompik, u mur sejjaħ lil żewġek. Sejjaħlu, u erġà lura hawn miegħu, u tifhimni” (Santu Wistin, In Io. Evang. Tr. 15, 22).
F’din is-sitwazzjoni, Ġesù f’salt wieħed jeleva ruħu ‘il hemm mill-immedjata tweġiba biex iħabbar is-superament tal-kult miżmum b’veru u forma ġdida ta’ adorazzjoni, li tiffoka fuq il-qalb milli fuq is-sagrifiċċji, adorazzjoni mqanqla mill-Ispirtu, appuntu l-adorazzjoni “fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4,24). Tadura fl-ispirtu jfisser li tqiegħed ruħek taħt l-influss tal-azzjoni ta’ Alla, jiġifieri tad-don tal-ħajja operat mill-Ispirtu u jitlob l-attenzjoni fuq il-ħajja soprannaturali li minnha jgawdu l-insara u li hija kondizzjoni ndispensabbli biex inkunu oraturi “tassew”. Tadura fil-verità jfisser tqiegħed ruħek fl-ordni tar-rivelazzjoni tal-Verb: dik ir-rivelazzjoni li għaliha hija mpenjata l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ verità. Il-post il-ġdid tal-adorazzjoni huwa t-tempju spiritwali, jiġifieri Kristu-verità, taħt l-illuminazzjoni tal-Ispirtu tal-varità. Il-kondizzjoni mitluba minn Ġesù għal kult validu hija dik li nittrasformaw ruħna fil-persuna tiegħu, rivelatriċi ta’ fidi operata mill-Ispirtu. Dawk li jagħrfu jilqgħu d-“don”, meraviljuż “ta’ Alla” (Ġw 4,10) li huwa l-ilma ħaj tal-Ispirtu Santu, ikunu mibdula, bħas-Sammaritana, isiru tassew adoraturi, billi jsibu ċ-ċentru tal-kult tal-ġisem ta’ Kristu irxuxtat u mibdul mill-qawwa tal-Ispirtu.
6. Xi pproduċa fis-Sammaritana l-ilma ħaj li jgelgel għall-ħajja eterna? Meta wieħed jivvaluta l-iżvilupp ulterjuri tas-sitwazzjoni spiritwali tal-mara, jkun jistà jwieġeb li l-frott kien tassew kbir. Jistà jsib fiha metanoia (bidla tal-qalb mid-dnub għall-prattika tal-virtù) li twassalha sa ma tagħraf f’Ġesù l-Messija: “Ejjew u araw – tgħid lill-koċittadini tagħha – bniedem li qalli dak kollu li jiena għamilt. Tgħid dan il-Messija?” (Ġw 4,29). U l-mistoqsija timplika fi ħsiebha tweġiba affermattiva, għaliex torbot din l-istqarrija mas-sejħa b’isimhom ta’ dnubietha: qalli dak kollu li għamilt. Tħoss fiha qawwa ġdida, entużjażmu ġdid li jwassalha biex tħabbar lill-oħrajn il-verità u l-grazzja li irċeviet; ejjew biex taraw. Issir f’ċertu sens messaġġiera ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu ta’ salvazzjoni, bħall-Maddalena nhar l-Għid filgħodu.
Lilna wkoll illum hija ndirizzata l-istedina biex nixorbu minn dan l-ilma ħaj tal-verità, biex nippurifikaw ħajjitna, biex nibdlu l-mentalità u biex nidħlu fl-iskola tal-Vanġelu, fejn il-Mulej, bħal ma għamel mas-Sammaritana, jinterrogana, waqt li jġegħlna niskopru l-iktar esiġenzi għoljin tal-verità u tal-ispirtu.
7. Għeżież ħuti!
Fit-tielet Ħadd tar-Randan il-Knisja tistedinna għall-adorazzjoni speċjali ta’ Alla, biex nagħtu adorazzjoni speċjali lill-Missier “Fl-ispirtu u l-verità”.
Din l-adorazzjoni ma tistax tkun biss esterna. L-adorazzjoni “fl-ispirtu u l-verità” għandha tmiss il-kuxjenzi tagħna. U għalhekk ejjew għal darb’oħra nisimgħu is-Salm responsorjali, meta jgħid: “Isimgħu llum leħnu: la twebbsux qalbkom…!” (Sal 95,8).
Ejjew naħsbu għal min minna jirreferi dan il-kliem. Ejjew naħsbu dwar dawk ħutna li huma nieqsa, imma li għalihom jirreferi dan il-kliem, u ejjew nitolbu għalihom u għal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu li tixbaħ dik il-laqgħa mas-Sammaritana ma ġemb il-bir ta’ Sikar.
U ejjew nisimgħu għal darb’oħra l-kliem tal-Appostlu Pawlu mill-ittra lir-Rumani: “Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu: permezz tiegħu sibna wkoll, permezz tal-fidi, id-dħul għal din il-grazzja li għandna niksbu l-glorja ta’ Alla” (Rm 5,1-2).
Jekk dan il-kliem jirreferi għal xi ħadd minna – u naħseb li jirreferi għal ħafna – allura ejjew nitolbu biex nipperseveraw fit-tama u fl-osservanza tal-paċi ma’ Alla, hekk kif jgħallem l-Appostlu.
U fl-aħħarnett ejjew nisimgħu l-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu li jgħid: “Għollu għajnejkom u ħarsu lejn l-għelieqi li diġa bdew jisfaru għall-ħsad. U min jaħsad jirċievi ħlas u jiġbor il-frott għall-ħajja eterna, sabiex igawdu flimkien min jiżrà u min jaħsad” (Ġw 4,35-36).
U ejjew nitolbu – nitolbu Lilu b’ruħna kollha dan il-ħsad, l-istess kif talbet is-Sammaritana biex ikollha l-ilma ħaj, l-ilma għall-ħajja eterna. U waqt li nħarsu lejn l-“għelieqi li diġa bdew jisfaru għall-ħsad” (Ġw 4,35) ejjew naħsbu li hemm bżonn tal-ħassada l-istess bħal ma qabel kien hemm bżonn dawk li jiżirgħu. U ejjew ngħidu lil Kristu li fdiena b’Demmu: “Hawn jien, Mulej! Ilqagħni bhala żerriegħ u bħala ħassad tas-Saltna tiegħek. Hawn jien, Mulej! Ibgħat ħaddiema fil-mergħat. “Ibgħat ħaddiema fil-mergħat tiegħek” (cf. Mt 9,37).
Jalla permezz tar-Randan jiġġeddu mill-ġdid il-kuxjenzi tagħna u jerġà jgħix iż-żelu ta’ veri dixxipli ta’ Kristu.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb