It-taqbila tal-Fra

Print Friendly, PDF & Email

Wara li kilna flimkien il-kunvent irħejnielha lejn il-kċina ħa naslu l-platti. Hekk jagħmlu l-patrijiet.

Meta dħalna fil-kċina, il-Mulej tani l-grazzja li nippreżenta ruħi ħa naħsel il-platti. Hi grazzja għalija li, almenu darba f’ġimgħa, inkun nista’ naħsel il-platti fil-kċina tal-kunvent. Bħalma jaf kulħadd, fil-jiem l-oħra nkun mal-pazjenti, l-istaff u l-familjari fil-kunvent taċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Mhux f’dan il-kunvent għandu bżonni l-Mulej? Li nkun magħhom? Bl-umiltà u l-ġenerożità tiegħu?

Hekk kif imlejt is-sink bil-misħun (ħa jaqla’!) u b’naqra ilma kiesħa, inkella nixwi idi u niġi ottu, kien hemm il-Fra ħdejja. Jien naħsel u hu jixxotta. Kemm qiegħdin tajjeb hux: naħslu u nixxuttaw flimkien! Għalija, dan il-waqt hu sagru tafux! L-għaliex, f’dan il-waqt dehbi, ġieli jqumu idejat li jkunu tassew interessanti li wieħed jiżviluppa fil-fond. Aħna l-Franġiskani San Franġisk Missierna għallimna li wieħed jikseb ċertu għerf mhux kemm miskin jirmazza għax dejjem bilqiegħda f’xi liberija, arkivju, bibljoteka jew fil-kamra, għax jibqa’ jistudja ad infinitum! Anzi! San Franġisk uriena li fil-ħajja ta’ kuljum hemm għerf kbir u tassew! Qed tifhmu ħbieb l-għaliex jien nitkellem b’imħabba u b’ammirazzjoni lejn ħuna Ġorġ tal-Mużew, li issa qiegħed fid-Dar tal-Missier? Għax Ġorġ kien prattiku u mhux ostaġġ tal-kotba!

Tajt il-platt lil Fra u dan, ma nafx kif, qalli: Meta l-bniedem jinsik Alla jiftakar fik! Xi ġmiel ta’ għerf dan! Il-bniedem jaf għandu memorja qasira. L-ewwel, l-għaliex jista’ jibda’ jbati mid-dimenzja, xi ħaġa li llum tant aħna familjari magħha. U, it-tieni, l-għaliex hawn min jinsik tafux! Ajma! L-aktar jekk tkun għadek kemm tagħmillu xebgħa pjaċiri! U ma nafx x’ma tagħmilx biex taqdih! U biex iħallsek ħi? Iħallsek billi jagħtik l-impressjoni li qisu ma jafekx! Dan bħal meta tagħmel xi biċċa xogħol għand in-nies u jkollok, bħall-ħmar, tmur titkarrab għall-flusek għax, Alla jbierek, biex jiżżattu jordnaw ikunu fl-ewwel post imma mbagħad ma jħallsux! Għax flus m’għandix! Ġejt broke! U jien min qalli nidħol għall-piż li ma niflaħx għalih x’kull waħda tnejn?! Mela bilfors għandi nkun kopja ta’ ħaddieħor? Mhux kulma nħoss hu tassew tajjeb għalija!

Jiddispjaċini li rmewk wara li tant ħabbejthom! Ħallini nissuġġerilek ħaġa, jien li hemm min għadu jarmini wara li nkun qdejtu mill-koxxa: Ħobb ħafna lil Ġesù u lil Marija, b’affett kbir! Agħti lilhom l-ewwel post f’ħajtek! U tmexxi! Il-bniedem ħobbu. Imma b’għaqal u anki bil-għerf li xi darba se jweġġagħlek qalbek. Jekk tagħmel hekk tħobbu ta’ bniedem mhux t’Alla!

Ġesù biss ma jweġġgħekx! U jibqa’ jiftakar fik! Lilu ħobb l-ewwel! It-taqbila tal-Fra!

Patri Mario Attard OFM Cap