Ġwanni Pawlu II lill-Istudenti Universitarji

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI
BI TĦEJJIJA GĦALL-GĦID
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 26 ta’ Marzu 1981

1. Glorja Lilek, o Kristu, Verb ta’ Alla!

Iż-żmien tar-Randan huwa l-perjodu ta’ katekeżi qawwija. Dan kien hekk diġa għall-katekumeni antiki. U hekk baqà. Ukoll il-laqgħa tagħna tar-Randan li issa saret drawwa, hija espressjoni ta’ dan. Il-katekeżi għandha tqarrab il-misteru divin rivelat f’Ġesù Kristu. Iż-żmien tal-Għid jinvolvi profondità speċjali ta’ dan il-misteru, u huwa kondensazzjoni tiegħu singolari. Fil-qalb tan-nisrani għandha tikkorrispondi sensibiltà partikolari.

Dan jirreferi għal dawk kollha li jistqarru lil Kristu, għall-ġenerazzjonijiet u l-vokazzjonijiet kollha. B’mod speċifiku jirreferi wkoll għall-ambjent tagħkom. L-università hija ambjent fejn wieħed jikkoltiva x-xjenza u fejn wieħed jakkwista l-istruzzjoni superjuri. F’tali kuntest huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet ġodda u possibiltajiet ġodda għal-laqgħa mal-misteru ta’ Kristu biex dak li jkun ikun jistà jgħix f’imtimità miegħu. Huwa important li d-dawl tal-għarfien ta’ Kristu ma jiġix imdellel mill-problematika multipla tal-istudenti universitarji. Anzi, huwa mportanti li l-għarfien tal-Kelma ta’ Alla jimmatura f’dawn l-imħuħ, skont il-proporzjon ġust, b’mod ferm iktar sħiħ. Huwa important, fl-aħħarnett, li qlubna jikkonservaw dik il-simpliċità u l-kuxjenzi dik iċ-ċarezza, li huma l-frott tal-Kelma ta’ Alla, meta din il-Kelma topera fihom mingħajr ma ssib xkiel.

Propju għalhekk aħna llum qegħdin niltaqgħu. Insellem b’mod kordjali lil dawk kollha preżenti, kemm lill-professuri, in-nies tax-xjenza, kif ukoll lill-istudenti. Insellem lil dawk li f’din il-laqgħa huma preżenti għall-ewwel darba.

Glorja Lilek, o Kristu, Verb ta’ Alla! Flimkien magħkom nagħti adorazzjoni lil Kristu-Verb, li permezz tal-ministeru irid ikellimkom fil-katekeżi tallum tar-Randan. Glorja Lilek, o Kristu, Verb ta’ Alla!

2. Din il-katekeżi hija kkonċentrata “qabel xejn” għal kollox “fuq il-misteru tal-Ħolqien:
“Ejjew, inċapċpu lill-Mulej… / Ejjew, ninxteħtu minn tulna nadurawh, / għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna. / Huwa hu Alla tagħna, / u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu / il-merħla li huwa jmexxi” (Sal 95,1.6-7).

Ejjew nadurawh!

Il-Knisja tibda t-talb liturġiku tagħha, it-talb tas-sigħat, propju b’dan il-kliem tas-salmista. Fih hemm miġbura stedina indirizzata għall-moħħ uman u fl-istess ħin għar-rieda tal-qalb. Din hija l-istedina l-iktar fundamentali: oħroġ barra u mur iltaqà ma’ Alla, li huwa l-Ħallieq! Il-Ħallieq tiegħek! Ma’ Alla, li, bħala Ħallieq, huwa “’il fuq” mill-ħolqien kollu, ‘il fuq mill-kożmu, u fl-istess ħin iħaddan u jippenetra dan il-kożmu sal-qiegħ aħħari, sal-essenza tal-ħwejjeġ kollha.

 Oħroġ għal-laqgħa ma’ Alla, li huwa l-Ħallieq! Din hija l-istedina ewlenija u fundamentali tal-moħħ imdawwal mill-fidi, anzi hija wkoll l-ewwel stedina tal-moħħ li sinċerament ifittex il-verità dwar it-toroq tax-xjenza u tar-riflessjoni filosofika. Nistgħu nsibu l-konferma fid-dikjarazzjonijiet tal-bnedmin tax-xjenza tul il-korsa tas-sekli u wkoll fl-epoka tagħna.

Newton, per eżempju, stqarr testwalment li “Esseri intelliġenti u qawwi… jmexxi l-ħwejjeġ kollha mhux bħar-ruħ tad-dinja, imma bħala Mulej tal-Univers, u minħabba d-dominju tiegħu irid jissejjaħ Mulej Alla, Pantakrator”. Min-naħa tiegħu Einstein, li kien isostni li “ix-xjenza mingħajr reliġjon hija zoppa, u r-reliġjon mingħajr ix-xjenza hija għamja”, wasal biex jgħid: “Nixtieq naf kif Alla ħalaq id-dinja. Jien miniex interessat għal dan il-fenomenu jew l-ieħor, linqas għall-ispettru ta’ element kimiku. Irrid nagħraf il-ħsieb ta’ Alla, il-bqija huwa  dettal”.

Mela, il-katekeżi tal-liturġija tallum hija ċċentrata fuq il-misteru tal-ħolqien, u għalkemm dan ġie lilkom espress b’mod konċiż, nistgħu ngħidu diskret, bdanakollu hemm bżonn li aħna niżviluppaw dan il-punt fil-meditazzjoni tagħna: anzi, li niżviluppawh fil-ħajja koxjenti nterna tagħna. Din infatti hija l-ewwel verità tal-fidi, l-ewwel artiklu tal-Kredu tagħna: “Jiena nemmen f’Alla, Missier li jistà kollox, Ħallieq tas-sema u tal-art”.

Tal-Ħallieq jagħtu xhieda l-krejaturi. Fl-istedina liturġika tas-Salm – ta’ dan is-Salm tallum u tal-oħrajn – hija miġbura l-konvinzjoni ġusta li iktar mal-bniedem iħalli li jinħataf mill-elokwenza tal-krejaturi, mill-għana u s-sbuħija tagħhom, iktar jikber fih – u għandu jikber! – il-bżonn li jadura lill-Ħallieq. “għarkubbtejna quddiem il-Mulej, minn tulna mal-art nadurawh”. Dan il-kliem mhuwiex eċċessiv. Dan jikkonferma t-toroq perpetwi tal-loġika fundamentali tal-ħsieb dwar il-kożmu, għall-makru u għall-mikru u għall-mikrokożmu.  Forsi appuntu hawn il-fidi tesprimi u tirrikonferma lilha nfisha b’mod partikolari bħala  “rationabile obsequium”.

Mill-ġdid nerġà nżid li l-istedina tas-Salm ma timponi ebda kolliżjoni mal-“awtonomija ġusta tal-ħolqien”. Din hija problema enormi li għaliha rrid biss naċċenna. Bdanakollu, fl-istess ħin, nitlobkom biex terġgħu taqraw b’attenzjoni s-siltiet rispettivi tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, miġbura fil-Kostituzzjoni Gaudium et Spes, u biex taħsbu fuqhom. Dawn inħallihomlkom bħala xogħol għad-dar. Ma jistax ikun hemm katekeżi solida bla dmirijiet, mingħajr ix-xogħol personali ta’ dawk li jieħdu sehem fiha.

Illum, iżda, li taħsbu dwar dan in-nuqqas ta’ qbil, li jeżisti b’mod effettiv f’żoni ġganteski taċ-ċiviltà kontemporanja: il-bniedem, meta jaf aħjar id-dinja, ferm inqas donnu jħossu obbligat li “jilwi rkubbtejh” u “li “jinxteħet minn tulu” quddiem il-Ħallieq.

Hemm bżonn mela li nistaqsu: għaliex? Jewwilla jaħseb li l-għarfien stess tad-dinja u l-użufrutt tal-effetti ta’ dan l-għarfien jagħmlu lill-bniedem padrun tal-ħolqien? Imma m’għandux jaħseb li, pjuttost, dak li l-bniedem jaf – ir-rikkezzi tal-għaġeb tal-mikrokożmu u d-dimensjonijiet tal-makrokożmu – huwa jsibhom diġa fil-kożmu, jiġborhom fih, biex ngħidu hekk, “lest, diġa magħmul, u dak li a bażi ta’ dan huwa mbagħad jipproduċi, jafu lil dik ir-rikkezza tal-materji primi, li jsib fid-dinja maħluqa?

Għaliex huwa mhuwiex kapaċi – hekk bħall-imħuħ iktar kbar – li jċedi immeraviljat quddiem it-traxxendenza, is-supremazija ta’ dak l-Għerf ħallieq, ladarba biex jippenetraw fl-effetti tal-aġir tiegħu kien hemm bżonn ta’ sforzi ta imħuħ umani bla numru tul il-korsa ta’ ġenerazzjonijiet u ta’ sekli sħaħ?… u kemm hija itwal it-triq quddiemhom? Imma huwa possibbli li l-bniedem kontemporanju linqas biss jaħseb, li fl-orjentament tal-iżvilupp taċ-ċiviltà tiegħu u tal-mentalità tiegħu (li jiġu definiti b’ismijiet multipli) jistà jkun hemm “inġustizzja” fundamentali: l-“inġustizzja” fil-konfront tal-Ħallieq?

“Ejjew, ninxteħtu minn tulna naduraw / għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna”!

3. Fl-opra tal-ħolqien ġiet miktuba, ġiet trapjantata s-Saltna ta’ Alla. Għalhekk, il-katekeżi tal-liturġija tallum hija ċċentrata wkoll fuq il-misteru tas-Saltna.

Din is-Saltna, li kellha l-bidu tagħha fl-istorja tal-ħolqien flimkien mal-bniedem, għandha l-istorja twila tagħha. Fil-quċċata tagħha jinsab Kristu. “Is-Saltna ta’ Alla, hija qrib” (Mk 1,15). Huwa mill-bidunett jitkellem dwar it-tagħlim messjaniku tiegħu, u jħabbar, b’perseveranza, b’mod instankabbli, din is-Saltna lill-poplu magħżul. Iħabbar, u b’mod kontemporanju huwa konxju li madwar il-problema ta’ dik is-Saltna kiber nuqqas ta’ ftehim fundamentali, u dan ikompli jsostni ruħu u hija meħtieġa l-konverżjoni biex tkun tistà tinstab il-milja tal-verità dwar is-Saltna ta’ Alla. Għal din il-verità, fl-aħħar minn l-aħħar, Huwa jagħti ħajtu.

Is-silta tal-Vanġelu tallum hija, minn dan il-punt di vista, ferm sinifikattiva u elokwenti. Quddiem is-sinjali li wettaq Ġesù, billi ħeles lill-bnedmin mill-qawwa tal-ħażen multiplu, xi wħud bdew ixerrdu l-opinjoni li dak kollu li Huwa kien għamel kien kollu ġej mill-qawwa tal-ispirtu tal-ħażen. “Huwa f’isem Belżebub, kap tad-demonji, li huwa jkeċċi d-demonji”. Oħrajn imbagħad – ikompli l-evanġelista – biex jgħadduh mill-għarbiel, kienu jitolbuh sinjal mis-sema” (Lq 11,15-16).

Allura, Kristu jippronunzja dan il-kliem dwar is-saltna mifruda u mċarrta, misterjuż imma fl-istess ħin penetranti, li naqraw fil-Vanġelu tallum: “Kull saltna mifruda fiha nfisha titfarrak u dar taqà fuq l-oħra. Issa, jekk satana wkoll huwa mifrud fih innifsu, kif jistà jkun li jżomm is-saltna tiegħu fuq saqajha?

Intom tgħidu li jiena nkeċċi d-demonji f’isem Belżebub. Imma jekk jien inkeċċi d-demonji f’isem Belżebub, id-dixxipli tagħkom f’isem min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.

Jekk mill-banda l-oħra jiena nkeċċi d-demonji b’subgħajn Alla, mela wasletilkom is-Saltna ta’ Alla” (Lq 11,17-20).

Kliem misterjuż u fl-istess ħin penetranti! Dan jesiġi spjega aktar dettaljata. Tistgħu taċċettaw dan ukoll bħala xogħol għad-dar, tul il-kors tal-laqgħat tagħkom tal-gruppi bibbliċi tagħkom.

Naf li jeżistu.

Ngħiduha minnufih, madankollu, dak li jgħodd l-iktar. Kristu jikkonferma l-eżistenza tal-ispirtu tal-ħażen u tas-saltna tiegħu, li jitħalla jmexxi bi program propju. Dan il-program jesiġi loġika ta’ azzjoni stretta, loġika tali li s-“saltna tal-ħażen” tistà twettaq. Anzi, li tistà tiżviluppa ruħha fil-bnedmin li lilhom hija ndirizzata. Satana ma jistax jaġixxi kontra l-program propju, ma jistax l-ispirtu tal-ħażen jkeċċi lill-ispirtu tal-ħażen. Kristu hekk jgħid. U jhalli lil dawk li jisimgħuh biex jiġbdu l-konklużjonijiet definittivi, billi jtemm b’din is-sentenza: “jekk iżda jien inkeċċi d-demonji b’subgħajn Alla, allura wasletilkom is-Saltna ta’ Alla”.

Il-kontroversja dwar is-Saltna ta’ Alla ntemmet nhar il-Ġimgħa il-Kbira. Il-Ħadd tal-Qawmien mill-Imwiet ġiet imwettqa l-verità ta’ kliem Kristu, il-verità li  wasslitilna s-Saltna ta’ Alla, il-verità tal-missjoni messjanika kollha tiegħu. Il-ġlieda bejn is-saltna tal-ħażen, tal-ispirtu tal-ħażen, u s-Saltna ta’ Alla bdanakollu ma ntemmitx. Din daħlet biss fi stadju ġdid, anzi fl-istadju definittiv. F’dan l-istadju il-ġlieda tibqà għaddejja fil-ġenerazzjonijiet dejjem ġodda tal-istorja umana.

Imissna jewwilla nuru b’mod speċifiku li din il-lotta għadha għaddejja wkoll fi żminijietna? Iva.

Għadha għaddejja bla dubju. Anzi qiegħda tiżviluppa bil-qies tal-istorja tal-umanità fil-popli u n-nazzjonijiet individwali.

Hija għadha għaddejja f’kull wieħed u waħda minna. U waqt li nsegwu din l-istorja, inkluża l-kontemporanjetà tagħna, nistgħu ukoll niddefenixxu b’liema mod is-saltna tal-ispirtu tal-ħażen mhijiex mifruda, imma minn diversi toroq tfittex l-għaqda tal-azzjoni fid-dinja, tfittex li tipproduċi l-effetti tagħha fuq il-bniedem, fuq l-ambjenti, fuq il-familji, fuq is-soċjetà. Bħal fil-bidu, hekk ukoll issa tilgħab il-programm tagħha fuq il-libertà tal-bniedem… fuq il-libertà tiegħu li b’mod apparenti llimitata.

Madankollu, dwar dan m’aħniex se nokkupaw ruħna aktar. Inħallu din il-problema wkoll għal iktar meditazzjoni tagħkom. Minflok – ladarba aħna nemmnu li fi Kristu wasliltilna s-Saltna ta’ Alla (cf. Lq 11,20) – ejjew naħsbu b’liema għaqda din għandha tiddistingwi ruħha f’kull wieħed minna biex inkunu nistgħu nipperseveraw, nibnu u niżviluppaw b’mod organiku.

Din hija appuntu t-tema ċentrali tar-Randan. Dan il-perijodu jeżisti sabiex aħna nippenetraw b’mod partikolari fil-fond tal-program tas-Saltna ta’ Alla, sabiex infittxu din l-għaqda li hija trid tibni fina u bejnietna, f’kull nisrani u fil-komunità tal-Knisja.

4.Fil-Vanġelu tallum Kristu jgħid ( u dan huwa l-aħħar kliem tas-silta li qrajna): “Min mhux miegħi, huwa kontra tiegħi; min ma jġborx (min ma jaħżinx) miegħi, ixerred ” (Lq 11,23).

Toħloq is-Saltna ta’ Alla jfisser tkun ma’ Kristu. Toħloq l-għaqda li huwa jrid jibni fina u bejnietna, jfisser propju: tiġbor (taħżen!) flimkien miegħu. Hawn hu l-program fundamentali tas-Saltna ta’ Alla, li Kristu fl-annunzjazzjoni tiegħu jikkuntrasta mal-attività tal-ispirtu tal-ħażen fina u bejnietna. Dik l-attività tilgħab il-program tiegħu dwar il-libertà tal-bniedem b’mod apparenti llimitata. Jimpostura lill-bniedem b’libertà li mhix tiegħu propja. Jimpostura ambjenti, soċjetajiet, ġenerazzjonijiet sħaħ. Jimpostura biex fl-aħħar juri li din il-libertà mhix għajr li wieħed jadatta ruħu għal konstrinġiment multiplu: għall-konstrinġiment tas-sensi u tal-istinti, għall-konstrinġiment tal-iskemi kurrenti tas-sitwazzjoni, għall-konstrinġiment tal-informazzjoni u tal-mezzi differenti tal-komunikazzjoni, għall-konstrinġiment tal-iskemi kurrenti tal-ħsieb, tal-ivvalutar, tal-imġieba, li fihom tissikket il-mistoqsija fundamentali: jekk, jiġifieri, tali mġieba hijiex tajba jew ħażina, denja jew mhix denja.

Gradwalment l-istess  program jippreġudika u jissentenzja fuq it-tajjeb u l-ħażin, mhux skont il-valur veru tal-opri u tal-kwistjonijiet, imma skont il-vantaġġi u l-konġunturi, skont l-“imperattiv” tat-tgawdija jew tas-suċċess immedjat.

Jistà l-bniedem jerġà jqum? Jistà jgħid hu b’ċarezza lilu nnifsu li din il-“libertà illimitata” ssir fl-aħħar minn l-aħħar skjavitù?

Kristu ma jimpusturax lis-semmiegħa tiegħu, ma jimposturax l-bniedem bl-apparenza tal-libertà “illimitata”.

Jgħid: “Agħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8,32) – u b’tali mod jenfasizza li l-libertà mhijiex mogħtija biss lill-bniedem bħala don, imma bħala dmir. Iva Din hija regalata lil kull wieħed minna bħala dak id-dmir, li fih jien u kull wieħed minnkom huwa mogħti bħala dmir lilu nnifsu. Dan huwa dmir skont il-qies tal-ħajja. U mhuwiex propjetà, li nistgħu niżufruwixxu ruħna minnha b’kull mod u li tistà “titferrex”.

Dan id-dmir tal-libertà – dmir meraviljuż – jitwettaq skont il-program ta’ Kristu u tas-Saltna tiegħu fuq it-terren tal-verità. Inkunu liberi jiġifieri inwettqu l-frott tal-verità, taġixxu fil-verità – u mhux: tissottomettu l-verità għalikom infuskom, għall-ambizzjonijiet propji, għall-interessi propji, għall-propji tendenzi ekonomiċi.

Tkunu liberi – skont il-program ta’ Kristu u tas-Saltna tiegħu – ma jfissirx tgawdija imma sforz: sforz tal-libertà. Bil-prezz ta’ dan l-isforz il-bniedem “ma jferrixx”, imma flimkien ma Kristu “jiġbor” u “jaħżen”.

Bil-prezz ta’ dan l-isforz il-bniedem jikseb ukoll fih innifsu dik l-għaqda li hija propju tas-Saltna t’ Alla. U, bl-istess prezz, jilħqu għaqda simili ż-żwiġijiet, il-familji, l-ambjenti, is-soċjetajiet. Din hija l-għaqda tal-verità mal-libertà. Din hija l-għaqda tal-libertà mal-verità.

Għeżież ħbieb tiegħi! Din l-għaqda hija d-dmir speċjali tagħkom, jekk ma tridux iċċedu għall-għaqda ta’ dak il-program l-ieħor, dak li jfittex it-twettiq fid-dinja, fl-umanità, fil-ġenerazzjoni tagħna u f’kull wieħed minna, dak li l-Iskrittura Mqaddsa ssejjaħ ukoll “missier il-gidba” (Ġw 8,44).

Għalhekk is-sejħa tar-Randan – sejħa fundamentali – hija s-sejħa biex “niġbru” ma’ Kristu” (jew “naħżnu ma’ Kristu”). La tippermettux li tiġi meqruda din l-għaqda nterna, li Kristu permezz tal-Ispirtu Santu jelabora fil-kuxjenza ta’ kull wieħed minnkom: l-għaqda li fiha l-libertà tikber mill-verità, u l-verità hija l-metru tal-libertà.

Tgħallmu aħsbu, titkellmu u taġixxu skont il-prinċipji tas-sempliċità u taċ-ċarezza evanġelika: “iva, iva, le, le”. Tgħallmu sejħu l-abjad abjad, u l-iswed iswed – ħażin il-ħażin, u tajjeb it-tajjeb. Tgħallmu ssejħu dnub lid-dnub u ssejħulux liberazzjoni u progress, ukoll jekk il-moda u l-propaganda kollha jkunu kuntrarji. Permezz ta’ tali sempliċità u ċarezza tinbena l-għaqda tas-Saltna ta’ Alla – u din l-għaqda hija fl-istess ħin l-għaqda nterna matura ta’ kull bniedem, hija s-sies tal-għaqda tal-miżżewġin u tal-familji, hija l-qawwa tas-soċjetajiet: tas-soċjetajiet li forsi diġa jħossu, u jħossu dejjem aħjar, kif tfittex li teqridhom u li tkissirhom minn ġewwa, billi ssejjaħ ħażin it-tajjeb, u dnub il-manifestazzjoni tal-progress u tal-liberazzjoni.

5. Krisu ma jilgħabx il-program tas-Saltna fuq l-apparenza. Jibnih fuq il-verità. U l-liturġija tar-Randan, jum wara jum, bil-kliem tal-profeta – kliem imħeġġeġ! – tfakkarna l-verità tad-dnub u l-verità tal-konverżjoni.

Hekk ukoll tagħmel il-liturġija tallum, billi tagħti l-kelma l-ewwel lil dak li huwa iktar traġiku tal-profeti, Ġeremija, biex imbagħad iżżid il-kliem ta’ Ġoele l-istedina għall-penitenza:
“Erġgħu lura għand il-Mulej Alla tagħkom, għaliex Hu huwa ħanin u twajjeb” (Gl 2,13).

Id- diritt tal-konverżjoni jikkorrispondi mal-verità dwar il-bniedem. Jikkorrispondi wkoll mal-verità nterna tal-bniedem. Dak li l-Knisja titlob b’mod imħeġġeġ (b’mod partikolari matul ir-Randan) huwa wkoll li l-bniedem ma jippermettix li fih tiġi fgatha din il-verità dwaru stess u ma jiċċaħħadx mill-verità nterna propja. Jalla ma jħallix li tinħataflu din il-verità taħt id-dehra “ta’ libertà llimitata”.

Jalla ma jitlifx fih il-għajta tal-kuxjenza bħala l-leħen tal-Verità, li tissuperah, imma li fl-istess ħin tiddeċiedi dwaru: li tagħmlu bniedem u tiddeċiedi dwar l-umanità tiegħu.

 U mal-liberazzjoni mibnija fuq il-verità l-Knisja titlob sabiex il-bniedem, kull bniedem (b’mod partikolari ż-żgħażagħ, imma wkoll kull bniedem!) ma jibdilx id-dehra tal-libertà u d-dehra tal-liberazzjoni mal-libertà vera u l-liberazzjoni mibnija fuq il-verità, mal-liberazzjoni f’Ġesù Kristu. Il-Knisja titlob għal dan kuljum:

 “Isimgħu llum il-leħen :/ La twebbsux qalbkom, / bħal f’Meriba, bħal fil-jum ta’ Massa fid-deżert, / fejn ittentawni missirijietkom: / ippruvawni, / minkejja li kienu raw l-opri tiegħi” (Sal 95,8-9).

Iva. Jalla l-bniedem, xhud tal-Ħolqien – il-bniedem nisrani, xhud tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet (xhud, jiġifieri wieħed li ra u li jħares lejn), ikollu l-qalb miftuħa, il-kuxjenza ċara. Ikollu fih dik il-libertà, li għaliha Kristu ħelsu (cf. Gal 5,1).

U għal dan itolbu, għeżież ħbieb, qabel kollox għalikom infuskom, meta jkollkom tirċievu s-sagrament tal-Penitenza u tingħaqdu, permezz tal-Ewkaristija, fl-għaqda tas-Saltna ta’ Alla.

Itolbu għal tali għan ukoll għal ħbiebkom, għall-iskejjel tagħkom, għall-ambjenti li fihom tgħixu. Għall-bnedmin kollha, li huma ħtutkom Irġiel u nisa fil-vokazzjoni għad-dinjità umana u għas-salvazzjoni eterna fi Kristu Msallab u Irxuxtat.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: