Wara l-proċedura tad-divorzju, ġrat xi ħaġa kurjuża. Il-missier ma rebaħx il-kustodja tat-tfal. Wara kollox, ma tantx kien ikun id-dar. Allura għaliex it-tfal bdew jimmissjawh? Ma kienx mal-mara waqt it-twelid tagħhom, iżommilha idha u jieħu n-nifsijiet twal magħha. Qagħad fil-kuridur ipejjep sigarett u jpaċpaċ ma’ missirijiet oħra. Qatt ma kien jaf fejn huma l-ħrieqi u l-labar tas-sarwan, u qatt ma fewwaqhom. Kif kien jiġi mix-xogħol, lit-tfal kien iħabblilhom xagħrhom u jgħidilhom: “U kif inhuma l-flieles tiegħi?” U jisparixxi jew fil-garaxx jew għal xi part-time. Meta kienu jibku, jgħajjat lil omm: “Irid lilek” bla ma ntebaħ li l-iktar li riedu kien lilu.
Ġieli kien se jbushom xi waħda, l-aktar meta korrew xi ftit, jew qabel ma kienu se jorqdu. Imma xi ħaġa kienet iżżommu lura. Kont tħoss li hu kien jaħseb li mhuwiex importanti; kif kien jasal id-dar filgħaxija, kien jaħseb li xogħlu kien biss li jċanfarhom talli kienu mqarbin.
Bħala omm kont nistagħġeb liema kwalita’ maġika t-tfal kienu jaraw fil-missier: tgħid id-dirgħajn b’saħħithom li jafdaw li se jilqgħuhom meta jgħollihom fl-arja? Tgħid il-kalma li jġib meta tinqala’ xi waħda kbira bejn l-aħwa, jew bejn it-tfal u l-omm? Forsi kellhom ħjiel tal-biża’ li qiegħda hemm, imma la qatt ma jħalliha titla’ fil-wiċċ, jew id-demgħa li qatt ma tixxerred, jew sempliċiment l-imħabba li qatt ma jesprimiha bil-kliem?
Jien tgħallimt li l-imħabba u r-rispett trid taħdem għalihom biex tiksibhom. Naf il-missirijiet x’ma jagħmlux, imma x’jagħmlu biex jiksbu l-imħabba u r-rispett ta’ wliedhom? Bla ma jgħaddu qmis, jaħmu kejk jew jaqraw storja, jokkupaw l-għola post fl-eżistenza tat-tfal.
Possibbli li t-tfal iħossu li dan il-bniedem uniku kien hemm mill-bidu, se jibqa’ hemm sal-aħħar, u mhux se jkun omm, imma se jimla r-rwol rari – dak ta’ missier?
Jien ma nistax nifhimha din, imma t-tfal mid-dehra jifhmuha.
Omm
Ħajr lill-Edward Tagliaferro