Riflessjonijiet fuq il-paniġierku minsuġ lit-Trinità Qaddisa 2021

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Mejju 2021 il-Mulej tani l-grazzja li fija jinseġ il-paniġierku lit-Trinità Qaddisa. Għalija dan kien waqt importanti fl-istorja ta’ ħajti.

Jien u nsemmi dan ma nistax ma nerġax nirringrazzja pubblikament lill-Kappillan tal-Parroċċa tat-Trinità, ħija Patri Domnic Mangani OFM Cap, li għoġbu jagħtini din l-opportunità tassew sabiħa. Li tinseġ paniġierku dejjem hi grazzja kbira mill-kbar nett! Kuntrarju għal dawk li jaqbdu jikkritikaw b’mod irresponsabbli mingħajr ma jiddixxernu sewwa fuq dak li jkun se joħroġ minn ħalqhom, li tagħmel paniġierku hi responsabbiltà kbira. Il-paniġierku hu mument kbir ta’ evanġelizzazzjoni u formazzjoni! Għalhekk hu tabilħaqq meħtieġ fuq li meħtieġ li jkun riċerkat sewwa biex it-tagħlim ikun jista’ jibni l-ewwel lil min ikun qed jagħmlu u mbagħad lill-poplu tal-Mulej stess.

Imma, fil-verità, il-paniġierku nagħmlu jew nirċevieh? Personalment iddejjaqni ħafna l-frażi: ninseġ paniġierku. U, iddejjaqni u tweġġagħni l-għaliex mhux jien hu li ninsġu! Il-paniġierku hu dejjem frott l-Ispirtu s-Santu! Huwa hu li jnebbaħ u juri fejn wieħed għandu jfittex, x’jgħid, x’mgħandux jgħid u kif jgħidu. Mela, il-kowċ ta’ kull paniġierku hu l-Ispirtu s-Santu! Għalhekk lilu għandna nitolbu qabel il-paniġierku! Ħalli jaħdem Hu u l-unur imur kollu kemm hu lilU! Hekk sewwa u hekk xieraq!

Imbagħad, il-paniġierku għandu jkun ukoll imżewweġ mal-ħajja soċjali u ta’ kuljum li jgħaddi minna l-poplu tal-Mulej. Ċertu kwistjonijiet soċjali ma jistgħux jinħbew la mill-innu tal-qaddis u l-qaddisa, la mid-damask u lanqas mill-kant barokk fiċ-ċelebrazzjonijiet. Biex inkun aktar ċar f’dak li qed ngħid waqt it-tħejjija tiegħi tal-paniġierku tat-Trinità Qaddisa l-Ispirtu s-Santu tani l-grazzja li nsemmi l-kwistjoni tal-ħarsien tal-ħajja mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Veru li wieħed ma jridx jitħaddet biss fuq dan imma issa ejjew inkunu sinċieri f’li qed ngħidu! X’inhi bħalissa waħda mill-kwistjonijiet mill-aktar li jaħarqu f’pajjiżna jekk mhux is-sħab iswed li qed iġibuh lejn Malta uħud li jridu l-abort? Għalhekk, bħala Insara, ma rridux nagħlqu ħalqna biex jgħaddi kollox. Għall-kuntrarju! Bħala Insara irridu nqumu minn hemm, insemmu leħinna u nwasslu l-messaġġ ta’ Kristu fis-sitwazzjoni! U allaħares jekk nagħmlu xorta oħra inkella l-istorja kif ħa taħfirilna? U jkollha miljun raġun biex tbiegħ!

Għalhekk, il-paniġierku għandu jkun il-mument li jwassal l-agenda tal-Mulej. Li, wara kollox, m’hix xi aġenda partiġjana. Anzi! Hi l-istess ħajjitna! Li, mingħajrha, għal ġolħajt.com! Kien għalhekk li Ġesù qalilna: Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra (Ġw 10:10). Ġesù ġie fostna biex jagħtina l-ħajja fit-totalità u sħuħija tagħha. Inkluż iwa l-ħarsien tat-tarbija f’ġuf ommha u li l-persuna tibqa’ titħarsilha ħajjitha anki meta tikber u tixjieħ sakemm tmut fil-paċi.

Hu f’dan id-dawl li nħoss li għandi ngħid li paniġierku fl-arja, u maqtugħ għal kollox mir-rejaltà tal-ħajja, jaf iraqqad u jdejjaq ukoll. Huwa għaqli li aħna, li l-Ispirtu s-Santu għażilna biex nippriedkaw, nieħdu ftit il-feedback tan-nies ħa naraw fejn qegħdin fil-predikazzjoni tagħna. Ħadd ma jsir paniġerista millum għal għada. U ħadd ma jsejjaħ lilu nnifsu paniġerista lanqas. Dak ikun l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-poplu tal-Mulej, li jgħarrafna f’dan. Għax, kif jgħid l-Arisqof Averky fil-ktieb tiegħu The Struggle for Virtue: Asceticism in a Modern Secular Society f’paġna 116: Din l-opinjoni għolja tagħna nfusna ma tħallix il-grazzja tal-Mulej li tidħol fina u tgħix fina. Il-grazzja iddabbar rasha minn persuna bħal din. 

U, ħa ngħiduha kif inhi, ċertu idejat aktar ikunu l-gosti tal-paniġerista milli dak li l-poplu tal-Mulej għandu bżonn jisma fil-mument. Illum ngħid li lanqas hu sewwa li wieħed juża l-paniġierku biex jinki lil dawk tal-partit l-ieħor. Il-paniġierku jrid iservi bħala l-omelija t-twila tal-għaqda u l-imħabba! Ħallina mill-firdiet u ejjew naħdmu għall-għaqda bejnietna!