Il-Papa dwar in-Niġerjani

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jappella għas-sigurtà tan-Niġerjani wara li seħħ attakk brutali minn grupp ta’ Ġiħadisti

Fi tmiem il-ġimgħa, grupp ta’ Ġihadisti huma suspettati li wettqu diversi attakki fil-majjistral tan-Niġerja, fejn ħallew aktar minn 40 persuna mejta. Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku talab għall-vittmi tal-attakki u appella biex tiġi protetta s-sigurtà tan-Niġerjani kollha. “Nitlob għal dawk li tilfu ħajjithom, għall-midruba, u għall-poplu kollu tan-Nigerja,” huwa qal. “Nispera li s-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż tkun dejjem garantita,” żied jgħid il-Papa.

L-ewwel attakk seħħ il-Ħadd fil-vilaġġ ta’ Madamai, fid-distrett ta’ Kaura, fejn 34 resident kienu maqtula u 7 oħra indarbu. L-uffiċjal tas-sigurta tal-Istat ta’ Kaduna qal li s-suldati ntbagħtu fuq il-post tal-attakk fejn saru diversi tiri fil-konfront mal-aggressuri qabel ma’ ġeigħlu lill-militanti Ġiħadisti jirtiraw. Stqarrija aktar tard mill-istess uffiċjal qalet li l-militanti wettqu attakk ieħor “bħala ritaljazzjoni” fuq il-vilaġġ ta’ Kacecere, fejn 8 persuni nqatlu, u 6 oħra ndarbu, u diversi djar inqerdu.

F’inċident separat, il-Ħadd ukoll, il-militar Niġerjan qal li militanti suspettati mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, fl-Afrika tal-punent, attakkaw bażi militari fl-Istat ta’ Sokoto. Skond l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, 17-il suldat inqatlu f’dan l-attakk.

Il-Majjistral u n-Niġerja Ċentrali qed jiffaċċjaw diversi snin ta’ vjolenza, bir-rgħajja u l-bdiewa jikkompetu għar-riżorsi naturali; filwaqt li l-vjolenza mferxa minn gruppi armati ħafna spiss qed twassal għal ritaljazzjoni bla tmiem bejn il-komunitajiet.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-09/pope-francis-northern-nigeria-jihadist-attack-safety-guarantee.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.