L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa
Qari I
Lanqas ma ngħidu iżjed “alla tagħna” lil xogħol idejna.
Ħos 14, 2-10
Għeluq tal-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa
Erġa’ dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,
għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek.
Ħudu kliem magħkom,
duru mill-ġdid lejn il-Mulej,
u għidulu: “Int tneħħi l-ħażen kollu:
ilqa’ t-tajjeb,
u rroddu frott xufftejna.
L-Assirja ma ssalvaniex,
fuq żiemel aktar ma nirkbux,
lanqas ma ngħidu iżjed “alla tagħna” lil xogħol idejna.
Għandek l-iltim isib il-ħniena”.
“Naħfrilhom, għad li xxewxu kontrija;
minn qalbi nħobbhom,
għaliex il-korla tiegħi reġgħet lura minn fuqhom.
Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida.
Ħa jiftaħ bħal ġilju,
għeruqu jxenxel bħal siġra tal-luq,
jinfirxu r-rimjiet tiegħu,
sbuħitu ta’ siġra taż-żebbuġ,
u jkun ifewwaħ qisu l-Libanu.
U jerġgħu jiġu jgħammru taħt id-dell tiegħi,
isiru qishom ġnien,
jisbieħu qishom dielja,
inbid tal-Libanu tkun tistħajjilhom.
X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm?
Kont jiena li weġibtek, u jien inħarsek;
għalik jien bħal ċipressa dejjem tħaddar,
minni tikseb il-frott”.
Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ;
ħa jagħrafhom kull min hu bil-għaqal,
għax il-Mulej it-triqat tiegħu dritti,
il-ġusti jimxu fihom,
iżda jitfixklu fihom il-midinbin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14 u 17
R/. (17b): Fommi jxandar it-tifħir tiegħek
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Int li tħobb il-qalb sinċiera,
għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.
Roxxni bl-ilma, u nissaffa;
aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. R/.
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Iftaħli xufftejja, Sidi,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 16, 13a; 14, 26d
Hallelujah. R/. Hallelujah
Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità,
iwassalkom għall-verità kollha;
u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom.
Mt 10, 16-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.
L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva. Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta’ Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu