Qari tas-Sibt tal-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt

Qari I

Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien! Madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tależerċti.

Is 6, 1-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, kull wieħed b’sitt ġwienaħ: bi tnejn kienu jgħattu wiċċhom, bi tnejn kienu jgħattu riġlejhom, u bi tnejn jittajru. U kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:

“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!

L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.

Bl-għajjat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:

“Jaħasra għalija! Mitluf jien!

Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!

U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;

madankollu rajt b’għajnejja

lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.

Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:

“Ara, din messitlek xufftejk:

ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.

Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 92 (93), 1ab.1ċ-2.5

R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.

Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.

Iwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

minn dejjem ta’ dejjem int. R/.

Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

sa kemm itul iż-żmien. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Piet 4, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom!

Fuqkom għandkom l-Ispirtu ta’ Alla.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem.

Mt 10, 24-33

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu. Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbah lill-imgħallem tiegħu u l-ilsir lil sidu. Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam ta’ Begħelżebul, kemm aktar lin-nies ta’ daru! Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt!

Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu