Iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju 2021 iċċelebrajna l-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Nista’ ngħid li, minn filgħodu kmieni, l-Ispirtu s-Santu, l-ispirtu li jiskomoda għax joħodna kontra l-programmi dejqa li nfasslu aħna l-bnedmin, fetaħ għalija bħal separju mill-isbaħ ta’ kif kelli nqatta’ dak il-jum.

Wara l-quddiesa tas-sitta u nofs, fejn fiha ħriġna lil Ġesù Ewkaristija espost u tlabna t-talba qawwija ħafna tar-Rużarju Mqaddes quddiemu, kollox kien lest biex l-Imgħallem iżur lill-poplu tiegħu f’kull rokna ta’ dan iċ-Ċentru. Mad-disa’ bum Ġesù jterraq mas-swali u l-kurituri tal-isptar biex jiltaqa’ mal-poplu tiegħu. Waqt dan iż-żjarat persunalment ħassejtni bħall-ħmar li daħħal lil Ġesù f’Ġerusalemm nhar Ħadd il-Palm. F’idejja erfajt il-piż ħelu ta’ Dak li, għalkemm l-art u s-sema ma jesgħuhx, għoġbu jiġi f’biċċa ħobż sempliċi biex ikun magħna.

O din il-qaddisa sempliċità ta’ Ġesù! X’mirakli twettaq ta’ kuljum magħna! Għax, iwa, hekk jiġi għandna, fis-sempliċità u fl-ordinarjetà tal-ħajja! Hekk sew! Mela aħna tina nikkumplikaw kemm nifilħu u, lill-persuni li jmutu b’laħamhom u xaħahom f’ħakka t’għajn, nagħmluhom allat bil-gwardji tas-sigurtà li nitfgħu magħhom u anki meta jħalluna xjuħ għakka arana nfakkruhom qishom għadhom ħajjin jiġru magħna u lis-Sid tas-slaten u s-Sid tas-sidien, bilkemm nagħtu kasu! Bilkemm nintebħu bil-miraklu li għandna quddiem għajnejna ta’ Alla li jerġa’ isir bniedem għalina f’biċċa ħobż? Għax fejnhom il-gwardji tas-sigurtà tiegħu? Qed tarhom biex iżommu lin-nies lura ħalli ma jersqux wisq viċin tiegħu?

Imma ħbieb l-Imgħallem tagħna u tal-univers ġie fid-dinja proprju għalhekk: biex ikun viċin tagħna! Ġie fid-dinja biex jagħtina lilu nnifsu, bħala ikel u xorb, eżattament fis-sitwazzjonijiet li ngħaddu minnhom. Huma x’inhuma. L-aktar, f’dawk tal-mard. U proprju hawn li dan il-Mulej Ġesù, li kollox hu tiegħu, ma naqasx li għal darb’oħra ibellaħni bi mħabbtu! Għax, anki f’idejja, kien lest li jisma’ tant nies li fetħu qalbhom miegħu.

Hemm xi sitwazzjoni li hu ma jistax jidħol fiha? Hemm xi liġi tal-bniedem jew inkella x’jagħmel l-istorbju ta’ dawk jew tal-oħrajn li jista’ qatt iżommu lura biex joqgħod bilqiegħdha mal-poplu tiegħu ħa jisma’ l-uġiegħ tiegħu? Nammetti! Iż-żjajjar ta’ Ġesù fl-Isptar ma kienux bħal dawk li kienu jsiru qabel fejn kulħadd kien joħroġ il-qsari u jinżel għarkupptejh. Għalkemm kien hemm min baxxa rasu b’sinjal ta’ qima u adorazzjoni lejn Ġesù.

Madankollu, f’dawn iż-żjarat, ġrat xi ħaġa ferm u ferm isbaħ minn hekk: kemm persuni nfaqgħu jitħaddtu u anki ixerrdu demgħa quddiem Ġesù. Kemm oħrajn baqgħu jħarsu lejH minn fuq il-couch tal-kura tagħhom b’tali mod u manjiera li donnhom kienu qegħdin jgħidulu: Ġesù, int viċin tiegħi? Int miegħi? Għadek tgħix f’ħajti? Int hawn jew le? Aħna aħna jew m’aħniex? U, ngħid jien, bl-umiltà li jagħtini l-awtur tal-umiltà vera li m’għandhiex pożi imma tara l-qalba tal-qalb, x’inhi l-qalb li qed ifittex biex fiha jistrieħ? Mhux dik sinċiera li tkellmu u tafda fih?

U min jista’ jifhem qalb il-bniedem li jbati jekk mhux Hu? Li naxxruh ma’ Salib ħalli b’hekk isalva lili u lilek? Hu, li m’għamilx ħlief ġid biex neħħewlu ħajtu mal-kriminali? Hu, li tebbgħulu u kasbrulu l-fama tiegħu ma’ kullimkien? Biex imbagħad, meta għadda ż-żmien, ħarġet bid-deher u f’wiċċ kulħadd, l-intiena tal-ħażen ta’ dawk li bagħduh? U kif ittratta magħhom lil dawk li mhux biss damdmuh, benġluh, sawtuh, u qatluh? Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (). Kif! Salva l-fama ta’ min biċċru? Kif! Baqa’ jiskuża lil min ittradieh? Kif! Baqa’ hemm għal dawk li tawh bis-sieq?

U għalhekk Ġesù jibda’ uniku kemm ma’ kull persuna u kif ukoll magħna, il-pazjenti tal-onkoloġija. Għax, aħna inħossu fil-verità, li hu BISS jista’ jifhem. U jista’ jifhem minn xiex ngħaddu. Hu kien dak li refa’ fuqu l-mard tagħna u tgħabba bin-niket. U jista’ jagħtina l-kuraġġ meta ta’ madwarna, bl-intenzjonijiet tajba tagħhom, ma jistgħu jagħmlu xejn meta jarawna nieżla fil-vaska fonda tan-niket tagħna.

Għalhekk, il-mawra ta’ Ġesù mas-swali u l-kurituri taċ-Ċentru tal-Onkoloġija kienet konferma oħra kemm il-preżenza tiegħu għalina hi l-veru ferħ tagħna! Għax fejn ikun hemm Ġesù, anki jekk hemm it-tbatija, hemm it-tama!