Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ San Saba all Aventino

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA
TA’ SAN SABA ALL’AVENTINO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 29 ta’ Marzu 1981

Għeżież ħuti!

1. Nixtieq flimkien magħkom insellem lil Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb bil-kliem tar-responsorju tas-salm tal-liturġija tallum li jfawwar qlubna b’tant fiduċja.

Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni! (Sal 23,1).

F’isem Kristu li hu r-Ragħaj Etern tal-Knisja, Raghaj tal-erwieħ, insellem lil din il-partiċella tal-Knisja Rumana li hija l-Komunità ta’ San Saba all’ Aventino.

Ninsab f’nofskom f’ċirkustanza ferrieħa: il-ħamsin anniversarju tal-fondazzjoni tal-parroċċa. Infatti fl-1931, Piju XI, ta’ tifkira meqjuma, kien iddikjara t-twaqqif u afdaha lill-patrijiet ġiżwiti. Wara x-xogħol twil u regolari mwettaq mis-saċerdoti Sależjani f’din iż-żona ta’ Ruma, li lilhom ukoll tmur l-espressjoni tar-rikonoxxenza tagħna, daħlu minflokhom ulied San Injazju, u kemm ġid huma ferrxu f’nofs seklu ta’ sforzi apostoliċi! Għalhekk, fit-tifkira ta’ tant persuni b’ferħ gawdjuż nestendi lilkom ilkoll it-tislima tiegħi.

Irrid l-ewwelnett insellem lill-Kardinal Vigarju, il-Kardinal Giuseppe Sehroeffer, titular ta’ San Saba, u lill-Isqof Awżiljarju, lis-Superjur Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, lill-kappillan  flimkien mal-viċijiet tiegħu, lill-aħwa koadjoturi u lill-patrijiet  u s-saċerdoti kollaboratur.i Nestendi mbagħad b’kordjalità speċjali din it-tislima tiegħi lil dawk kollha li jieħdu sehem b’mod iktar intimu fil-ħajja parrokkjali: lir-reliġjużi rġiel u nisa tad-diversi Kongregazzjonijiet, b’mod speċjali lis-Sorijiet Sależjani, lill-Kunsill Pastorali, l-Azzjoni Kattolika Adulti, lill-Katekisti, lill-Lampade Viventi, lill-Apostolat tat-Talb, lill-Komunitajiet ġovanili, lill-Ministranti, lit-“tfal ġodda”, il-grupp tal-Miżżewġin u tat-“Tielet Età”, lill-Caritas parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali. Imma fuq kollox b’din il-vista pastorali irrid nestendi t-tislima tiegħi ta’ missier, ta’ ragħaj, ta’ ħabib lil dawk il-kategoriji ta’ persuni kollha li jiffurmaw il-qafas tal-komunità parrokkjali tagħkom: id-diriġenti, l-industrijalisti, il-bennejja, l-imprendituri, il-professuri tal-Università, l-għalliema, l-impjegati, il-ħaddiema, l-artiġjani, il-kommerċjanti, l-artisti, bil-familji ta’ kull wieħed u waħda minnhom, bil-ferħ u t-tbatijiet tagħhom: nixtieq nilħaq lil kulħadd b’imħabbti, b’talbi, bl-ansjetà apostolika tiegħi. Il-parroċċa tagħkom, li għandha tassew il-karatteristika tal-varjetà u tal-kumplessità, tħoss f’dan il-waqt b’mod qawwi li hija dejjem fil-ħsieb u fil-qalb tal-Papa, li f’din l-okkażjoni ferrieħa jawgura lil kulħadd il-paċi ta’ Kristu.

2. Is-Salm responsorjali tar-rabà Ħadd tar-Randan jindirizza rwieħna lejn il-misteru paskwali, li fih Kristu jirrivela lilu nnifsu verament bħala Ragħaj li joffri ħajtu għan-nagħaġ (cf. Ġw 10,11-15). Ix-xbiha li toħroġ mis-Salm 22 hija tħejjija fit-Testment il-Qadim tal-figura li Kristu nnifsu ddeskriva fil-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb. Is-Salm, b’mod evidenti, jirrifletti mentalità orjentali u jesprimi ruħu b’mod tipiku tal-kuntest storiku Lhudi u għalhekk jirrikjedi analiżi eżatta. Bdanakollu il-messaġġ tiegħu jistà jiftiehem faċilment: Ġesù, il-Verb Divin inkarna ruħu propju biex imexxi lill-erwieħ lejn il-Verità, “Fuq mergħat mimlija ħaxix il-Mulej iġegħlni nistrieħ – ħdejn ilminiet trankwilli jeħodni”.

Ġesù ġie biex jirrinfreskana fil-mixja tal-ħajja, biex jiggwidana fit-triq it-tajba tas-salvazzjoni, biex iħejjilna l-mejda tal-grazzja, biex jirregalalna l-ferħ taċ-ċertezza. Ġesù Huwa magħna, il-jiem kollha tal-eżistenza tagħna: il-fidi Fih tagħtina sikurezza u kuraġġ, ukoll jekk kultant ikollna nimxu f’wied mudlam. Kuraġġ, mela, għeżież uliedi! Din hija l-ewwel eżortazzjoni li tissuġġerilna l-liturġija tallum. Minkejja l-pieni u l-kuntrasti tal-ħajja, minkejja s-sitwazzjonijiet soċjali u pubbliċi, li kultant jistgħu jsiru drammatiċi, la titilfux il-fiduċja fi Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, Redentur ta’ rwieħna. Salvatur tal-umanità!

3. Kristu huwa appuntu r-Ragħaj Etern tal-umanità kollha, għaliex Fih aħna lkoll aħna magħżula mill-Missier bħala wliedu addottivi. U permezz tal-opra redentriċi tiegħu aħna lkoll ġejna magħqudin mal-Ispirtu Santu, b’mod li nieħdu sehem b’dan il-mod ukolll mal-missjoni ta’ Kristu “Saċerdot, Profeta u Sultan” (cf. Lumen Gentium, 31). Fuq dawn il-ħsibijiet jindirizzana l-ewwel qari tal-Ktieb ta’ Samwel, li jirrakkonta l-għażla u d-dlik tas-Sultan futur David min-naħa tal-Profeta.

Mir-rakkont tal-episodju storiku jirriżulta li t-Testment il-Qadim xiħadd biss kien magħżul mill-Iktar Għoli għat-twettiq tal-pjanijiet tiegħu. F’dan il-każ, wieħed biss mis-sebà wlied ta’ Jesse kien magħżul u kkonsagrat Sultan ta’ Iżrael. Ir-rivelazzjoni ta’ Kristu u t-tagħlim perpetwu tal-Knisja jsostnu li iżda, fit-Testment il-Ġdid, l-għażla hija universali: l-umanità kollha u għalhekk kull bniedem individwali huwa msejjaħ u magħżul fi Kristu biex jieħu sehem fil-ħajja divina stess permezz tal-grazzja.

Ħossukom għalhekk iffortunati u kunu rikonoxxenti mhux biss għaliex għaraftu dawn ir-realtajiet divini, imma talli rċivejtu d-“dlik” u l-“konsagrazzjoni” wkoll permezz tal-Magħmudija u l-Griżma!

Ftakru dejjem dwar id-dinjità tagħkom, il-kobor tagħkom, l-għana tagħkom u ġibu ruħkom b’mod li wkoll bosta oħrajn jkunu jitgħu jagħrfuha u jgħixuha!

4. Madankollu, il-ħsieb li dwaru l-liturġija tallum tqiegħed l-aċċent b’mod l-iktar qawwi huwa li Kristu huwa ir-Ragħaj ta’ rwieħna inkwantu li jiftħilna għajnejna biex naraw id-dawl ta’ Alla.

Ir-rakkont tal-fejqan tal-għama minn twelidu, kif inhu ppreżentat lilna mill-Evanġelista Ġwanni, huwa bla ebda dubju waħda minn l-iktar paġni splendidi tal-Vanġelu. Hemm bżonn nieqfu fit-tul biex nanalizzaw il-preġji letterarji, biex niggustaw il-kompożizzjoni tax-xena, biex napprofondixxu l-psikoloġija tad-diversi personaġġi, biex insegwu d-dinamika tal-azzjoni, biex niskopru l-valur apoloġetiku, biex nimmeditaw il-messaġġ duttrinali. Dan tistgħu tagħmluh fil-laqgħat tagħkom tal-grupp, bil-kumdità u bi profit; għal din il-laqgħa tagħna hija biżżejjed osservazzjoni fundamentali waħda biss: Ġesù wettaq dan il-miraklu tal-għaġeb tal-fejqan tal-għama minn twelidu biex juri d-divinità tiegħu u l-bżonn sussegwenti li tintlaqà l-persuna tiegħu u l-messaġġ tiegħu.

L-għama, ladarba mfejjaq, kien għadu ma jafx min kien (Ġesù, imma setà jaħseb, u kontra n-nuqqas ta’ twemmin tal-Lhud, u l-biżà tal-istess ġenituri tiegħu, jiddikjara: ‘Minn mindu d-dinja hija dinja, qatt ma nstemà li wieħed fetaħ l-għajnejn ta’ wieħed imwieled għama. Li kieku dan ma kienx minn Alla, ma kien ikun jistà jagħmel xejn). Meta mbagħad Ġesù jgħidlu b’mod ċar li kien “Bin il-Bniedem” jiġifieri il-Messija, L-Iben ta’ Alla, l-għama mfejjaq ma għandu ebda dubju u minnufih jagħmel il-professjoni tiegħu tal-fidi: “Jiena nemmen, o Mulej”..

Hawn hu mela s-sinifikat immedjat tal-miraklu mwettaq minn Ġesù: Huwa hu verament Alla, li bħalma jistà minnufih jagħti d-dawl lil wieħed għama, hekk ukoll ferm iktar jistà jagħti d-dawl lir-ruħ, jistà jiftaħ l-għajnejn interni sabiex jagħrfu l-Veritajiet supremi li jirrigwardaw in-natura ta’ Alla u d-destin tal-bniedem. Għalhekk il-fejqan fiżiku tal-għama, li huwa mbagħad kawża tal-fidi tiegħu, isir simbolu tal-koverżjoni spiritwali. B’dan il-mod Ġesù jirrikonferma l-verità tal-kliem diġa ppronunzjat minnu: “Jiena d-dawl tad-dinja; min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Gw 8,12). Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, għaliex huwa d-dawl ta’ rwieħna. Mhemmx iktar x’nagħmlu biex nemmnu Fih, insegwuh, inħobbuh, nisimgħuh.

5. Mill-meditazzjoni tal-qari tal-liturġija tallum għandna issa noħorġu xi konklużjonijiet prattiċi, li jistgħu jservuna fil-mixja ulterjuri tal-ħajja personali u parrokkjali tagħna.

L-ewwelnett ikollkom dejjem sens profond ta’ respomsabiltà dwar il-fidi nisranija tagħkom. Ir-rakkont  evanġeliku iġegħlna nifhmu kemm hija prezzjuża l-vista tal-għajnejn imma kemm huwa ferm iktar prezzjuż id-dawl tal-fidi. Ejjew iżda nkunu nafu li l-fidi nisranija tesiġi fermezza u saħħa, għaliex hija dejjem mhedda. Quddiem id-dawl li huwa Kristu hemm kultant atteġġjament ta’ ostilità miftuħa, jew inkella rifjut ta’ indifferenza, jew ukoll ta’ kritika inġusta u parzjali.

Ħossukom responsabbli tal-fidi tagħkom fis-soċjetà moderna li fiha tridu tgħixu, kull wieħed u waħda fil-post tiegħu tal-ħajja u tax-xogħol, kull wieħed u waħda fiċ-ċirku tar-rapporti tal-familja u tal-professjoni. U għalhekk studjawha dejjem iktar fil-fond b’katekeżi retta, kompluta, metodika. Għal dan il-għan nesprimi l-pjaċir ħaj tiegħi għall-opra instankabbli u diliġenti ta’ katekeżi li ssir fil-parroċċa tagħkom, għall-etajiet u l-kategoriji kollha tal-persuni. Wettqu ż-żelu tar-rgħajja tagħkom! Li tagħrfu aħjar il-fidi propja tagħkom ifisser irrispettawha iktar, għixuha b’mod iktar qawwi, irradjawha b’xhieda iktar effikaċi!

6. It-tieni konsegwenza prattika nistgħu neħduha mill-ittra ta’ San Pawl lill-insara tal-belt ta’ Efesu..

“Intom kontu darba dlam – kiteb l-Appostlu – issa intom dawl fil-Mulej. Għixu ta’ wlied id-dawl” (Ef 5,8). L-eżortazzjoni ta’ San Pawl tibqà dejjem attwali: “Fittxu li tagħmlu dak li jogħġob lill-Mulej” (Ef 5,10). “”Tissiħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott” (Ef 5,11).

Kunu dawl ukoll intom fil-parroċċa tagħkom, fil-belt tagħkom, f’Art Twelidkom! Kunu dawl, bil-frekwenza kostanti u konvinta għall-Quddiesa tal-Ħadd u festiva; kunu dawl billi teliminaw b’mod skrupluż il-kliem oxxen, id-dagħa, il-qari ta’ ġurnali u rivisti impuri, il-viżjoni ta’ spettakli negattivi, kunu dawl bl-eżempju kontinwu tat-tjubija tagħkom u tal-fedeltà tagħkom f’kull post, imma b’mod speċjali fl-ambjent privileġġjat tal-familja, billi tiftakru li:  “Il-frott tad-dawl jikkonsisti f’kull tjieba, ġustizzja u verità”.

7.Għeżież!

Ir-rabà Ħadd tar-Randan jgħolli ħsibijietna u qlubna lejn Kristu li waqt li offra ħajtu għall-bnedmin fil-passjoni u fuq is-salib. Irrivela lilu nnifsu bħala l-uniku Ragħaj it-Tajjeb li jħaddan lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda, jieħu ħsieb tal-veru ġid tal-bniedem individwalment u tal-umanità hawn, fuq l-art, u, fl-aħħar, jieħu ħsieb tas-salvazzjoni eterna tagħna.

Aħna lesti li nsegwu lil Kristu fit-toroq li Hu jindikalna, ukoll permezz tat-tagħlim tal-Knisja imwaqqfa Minnu!

Aħna lesti biex niksbu qawwa mis-sorsi tal-grazzja, li Hu jiftħilna fil-Knisja, permezz tas-sagramenti tal-fidi: il-Penitenza u l-Ewkaristija!

U fl-aħħarnett, aħna lesti li nfittxu Fih l-appoġġ fid-diffikultajiet kollha ta’ ħajjitna u tal-kuxjenza tagħna!

Ejjew ma ninfirdu qatt Minnu! Huwa hu d-dawl tad-dinja!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.