Qari tal-Ħamis tat-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

1 Kor 3, 18-23

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”. Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (1): Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew warajja, jgħid il-Mulej

u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Telqu kollox u marru warajh.

Lq 5, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”.

Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: