Il-prezz li nħallsu biex nimxu wara Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 21 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tad-disgħa u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Ara l-Omeliji u d-Diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna …

Omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

M’aħniex imdorrijin nisimgħu lil Ġesù jitkellem iebes bħalma nsibuh fl-Evanġelju tal-lum. Dan għaliex anke t-tislima tiegħu bħala l-Irxoxt hija “il-paċi magħkom” u fl-Evanġelju ta’ San Ġwann kemm-il darba jgħidilna “nagħtikom il-paċi tiegħi”. Din aħna nfakkruha f’kull quddiesa. Minn hawn u ftit ieħor se ngħidlkom “il-paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom, agħtu l-paċi lil xulxin”. Anke għaliex infakkru li din il-paċi, li fil-liturġija ngħidulha ‘sliem’ jew ‘paċi’, għandna żewġ kelmiet, hija verament don kbir ta’ Alla.

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa hija silta partikolari ħafna għaliex għandna dal-kliem ta’ Ġesù: “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja?” (Lq 12:51). L-Evanġelju ta’ San Luqa nkiteb fi żmien meta l-komunità bdiet diġà tgħaddi minn persekuzzjoni ħarxa u allura ftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù u San Luqa jpoġġiha fl-Evanġelju tiegħu għaliex kienu qed jaraw li biex tagħżel lil Ġesù kultant kont iġġib l-inkwiet fil-familja. Kienu żminijiet fejn minħabba l-liġijiet tal-imperatur, jekk jakkużawk li inti Nisrani, mhux biss jikkundannawk għall-mewt imma jikkonfiskaw il-proprjetà kollha tiegħek. Allura kien ikun hemm ukoll min jakkuża lill-Insara biex jisraqilhom il-proprjetà.

Intom tistgħu timmaġinaw li meta tidħol il-proprjetà, l-artitijiet, il-flus u l-familja m’hemmx Alla. Nistgħu nimmaġinaw l-inkwiet li jġib il-wirt f’ħafna familji. Din kienet xi ħaġa li l-komunità Nisranija kienet qed tara b’għajnejha u għalhekk ftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù. San Luqa niżżilha fl-Evanġelju u jgħid li ħafna drabi, biex tagħżel lil Ġesù, trid tinfired mill-iżjed rabtiet għeżież. Meta nitkellmu fuq ‘iben u missier’ jew ‘bint u omm’ inkunu qed nitkellmu dwar rabtiet l-iżjed għeżież. Din hija l-firda li ħafna drabi jġib Ġesù. Kultant ikun hemm żagħżugħ li jixtieq ikompli fuq is-sejħa li għamillu Ġesù, u tal-familja joġġezzjonaw u jagħmlulu gwerra kbira. U dan iż-żagħżugħ ikollu jagħżel. Imma din tiġri anke fl-affarijiet iż-żgħar. Kultant, min irid jipprova jimxi b’għaqal u onestà mhux bilfors ikollu ftaħir mill-familja. “U kemm inti ġifa!” “Kulħadd jagħmel hekk, int se tkun il-qaddis?” U dak li jkun ikollu jagħżel. X’se nagħmel? Nimxi sewwa kif jixtieq Alla u Ġesù Kristu jew inkella nimxi mal-kurrent ħalli ma jkollix inkwiet u garr?

Fil-fatt, anke jekk taqraw il-ktieb ta’ Tobit, ktieb ħelu u mhux twil ħafna fit-Testment l-Antik, insibu dan l-istess argument bejn Tobit u l-mara tiegħu meta tgħidlu: “Fejn huma l-karitajiet tiegħek? Fejn huma l-opri tajba tiegħek? Jidher sew minn dak li ġie fuqek” (Tob 2:14). Dawn ikunu argumenti zgħar imma meta bniedem jagħżel jimxi fit-triq it-tajba kultant iwasslu għal inkwiet kbir.

Ġesù jitkellem ukoll fuq in-nar u ħin minnhom tistaqsi liema nhar qed jirreferi għalih. Imbagħad tisma’ l-‘prezz’ li jrid iħallas u tinduna x’inhu dan in-nar. “Iżda,” jgħid, “u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed” (Lq 12:49-50). X’inhi din il-magħmudija? Il-magħmudija tfisser li togħdos f’xi ħaġa, mhux bilfors fl-ilma. It-tbatija tas-salib kienet il-magħmudija ta’ Ġesù.

Fil-fatt, anke fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, juża dil-kelma: “Lesti li titgħammdu bil-magħmudija li se nitgħammed biha jien?” (Mk 10:39) Hawnhekk jerġa’ jsemmi l-magħmudija. Il-magħmudija għal Ġesù kienet il-passjoni ħarxa li wasslitu anke sa fuq is-salib. Minn din il-passjoni aħna qlajna dan in-nar li huwa l-Ispirtu s-Santu. Huwa dan in-nar li Ġesù jqabbad fid-dinja! Mhux ta’ b’xejn f’Għid il-Ħamsin l-Ispirtu jidher forma ta’ ilsna tan-nar fuq il-Knisja u fuq id-dixxipli.

Imma dan in-nar għandu prezz. Anke aħna biex insegwu t-triq li mmarkalna Ġesù fil-ħajja tagħna, kultant ikollna nagħmlu għażliet iebsa. Aħna dgħajfin. Il-ħajja komda togħġob lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Ejjew nitolbu ’l Mulej li quddiem din il-kelma tiegħu li taf tħawwadna, ikollna d-dawl tal-ispirtu qaddis tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 6:19-23
Salm: 1, 1-2,3,4 u 6
Evanġelju: Lq 12:49-53

Ara l-Omeliji u d-Diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna …

Leave a Reply

%d bloggers like this: