Ġwanni Pawlu II f’Sibt il-Għid

Print Friendly, PDF & Email

VELJA PASKWALI FIL-LEJL QADDIS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sibt il-Għid, 18 ta’ April 1981

Din hija l-moistoqsija li jisimgħu in-nisa meta, “mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa” (Mt 28,1), huma marru ħdejn il-qabar.

Mislub!

Qabel is-Sibt huwa kien ikkundannat għall-mewt u miet fuq is-salib jgħajjat “Missier f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23,46).

Qegħduh mela lil Ġesù f’qabar, li fih kien għadu ma ndifen ħadd, f’qabar misluf minn ħabib, u tbegħdu. Tbegħdu ilkoll, bil-għaġġla, biex iwettqu n-norma tal-liġi reliġjuża. Infatti kellhom jibdew il-festa, il-festa tal-Lhud, it-tifkira tal-Esodu mill-iskjavitù tal-Eġittu: il-lejl ta’ qabel is-Sibt.

Imbagħad għadda s-Sibt paskwali u beda t-tieni lejl.

2. U araw, ġejna lkoll f’dan it-tempju, l-istess bħal ħutna kollha fil-fidi fid-diversi tempji fil-globu dinji kollu, sabiex jinżel fi rwieħna u fi qlubna il-lejl qaddis: il-lejl wara s-Sibt.

Tinsabu hawn, uliedi tal-Knisja li tinsab f’Ruma, ulied tal-Knisja li hija mifruxa fid-diversi pajjiżi u kontinenti, mistiedna u Pellegrini. Flimkien għexna l-Ġimgħa l-Kbira: il-Via Sagra fost ir-rovini tal-Kolossew – l-adorazzjoni tas-Salib sal-waqt li fih blata kbira ġiet imgerrba fuq id-daħla tal-qabar – u hemm tqiegħed siġill.

Għal xiex ġejtu issa?

Qegħdin tfittxu lil Ġesù l-Mislubo?

Iva. Qegħdin infittxu lil Ġesù Mislub. Qegħdin infittxuh f’dan il-lejl wara s-Sibt, li ġie qabel l-wasla tan-nisa ħdejn il-qabar, meta bi stagħġib kbir raw u semgħu: “Mhuwiex hawn…” (Mt 28,6).

Ġejna mela kmieni, diġa fil-għaxija tard, biex nibqgħu mqajmin ħdejn qabru. Biex niċċelebraw il-velja paskwali.

U nxandru t-tifħir tagħna f’dan il-lejl meraviljuż, waqt li nippronunzjaw b’xuftejn id-djaknu l-“Exultet” tal-velja. U nisimgħu l-qari sagru, li jqabbel dan il-lejl uniku mal-jum tal-Ħolqien u fuq kollox mal-lejl tal-Esodu, li matulu id-demm tal-ħaruf salva l-ulied primoġeniti ta’ Iżrael mill-mewt u ħariġhom mill-iskjavitù tal-Eġittu, U mbagħad fil-waqt tat theddida mġedda l-Mulej għaddihom fin-niexef f’nofs il-baħar.

Nisharu, mela, f’dan il-lejl uniku maġemb il-qabar issiġillat ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, konxji li dak kollu li kien ippronunzjat mill-Kelma ta’ Alla fil-korsa tal-ġenerazzjonijiet se jitwettaq f’dan il-lejl, u li l-opra tar-redenzjoni tal-bniedem se tilħaq il-quċċata tagħha f’ dan il-lejl.

Ngħassu mela, u, ukoll jekk il-lejl huwa profond, u l-qabar issiġillat, nistqarru li diġa fih inxtegħel id-Dawl u jimxi minn ġod-dlam u l- oskurità tal-mewt. Dan huwa d-dawl ta’ Kristu: “Lumen Christi”.

3. Ġejna biex ngħoddsu f’mewtu; kemm aħna li żmien ilu diġa rċivejna l-Magħmudija li tgħaddas fi Kristu, kif ukoll dawk li se jirċievu l-Magħmudija f’dan il-lejl. Dawn huma ħutna l-ġodda fil-fidi; s’issa kienu katekumeni, u f’dan il-lejl nistgħu insellmulhom fil-komunità tal-Knisja ta’ Kristu, li hija waħda, qaddisa, kattolika u apostolika. Dawn huma ħutna l-ġodda fil-fidi u fil-komunità tal-Knisja, ġejjin minn diversi pajjiżi u kontinenti: il-Korea, il-Ġappun, l-Italja, in-Niġerja, l-Olanda, ir-Rwanda, is-Senegal u it-Togo.

Insellmulhom b’mod kordjali u b’ferħ inxandru l-“Exultet” ad unur tal-Knisja, Ommna, li tarahom miġburin hawn fid-dawl sħiħ ta’ Kristu: “Lumen Christi”.

U flimkien inxandru magħhom it-tifħir tal-ilma tal-Magħmudija, li fih, bl-opra tal-mewt ta’ Kristu, niżlet il-qawwa tal-Ispirtu Santu: il-qawwa tal-ħajja ġdida li tgelgel għall-eternità, għall-ħajja eterna (cf. Ġw 4,14).

4. Hekk, qabel ma jibda jbexbex il-jum in-nisa jaslu ħdejn il-qabar minn Ġerusalem, aħna ġejna hawn biex infittxu lil Ġesù Mislub, ladarba: “Il-bniedem il-qadim tagħna kien imsallab miegħu, għaliex…aħna m’aħniex iktar skjavi tad-dnub…”(Rm 6,6);

ladarba: inqisu ruħna “mejtin għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, fi Kristu Ġesù” (Rm 6,11): “Għal dak li jirrigwarda mewtu, huwa miet għad-dnub darba għal dejjem; issa iżda għall-fatt li huwa jgħix, jgħix għal Alla” (Rm 6,10);

ladarba: “Permezz tal-Magħmudija aħna…indfinna flimkien miegħu fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nistgħu nimxu f’ħajja ġdida (Rm 6,4);

ladarba: “Jekk konna magħqudin miegħu għal kollox b’mewt simili għal tiegħu, hekk ukoll inkunu bil-qawmien mill-imwiet tiegħu” (Rm 6,5);

ladarba nemmnu li “jekk mitna ma’ Kristu… se ngħixu miegħu ukoll” (Rm 6,8);

u ladarba nemmnu li “Kristu mqajjem mill-imwiet ma jmutx iktar; il-mewt m’għandhiex iktar poter fuqu” (Rm 6,9).

5. Propju għal dan qegħdin hawn. Għal dan irridu nisharu maġemb qabru.

Tishar il-Knisja. U tishar id-dinja. Is-siegħa tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt hija l-ikbar siegħa tal-istorja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti mnn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: