Lectio Divina tal-31 Ħadd matul is-Sena “B”

Vanġelu (Mk 12, 28-34): Ġerusalem kienet iċ-ċentru tal-attivita’ reliġjuża tal-Lhud.  Meta Ġesu’ daħal f’dil-belt, ġie f’konfront mas-Sadduċej.  Dawn kienu setta ta’ saċerdoti li kienu jmexxu r-riti reliġjużi flimkien man-negozju li kien involut ma’ dawn ir-riti.  

Ġesu’ daħal fit-Tempju u keċċa ‘l bejjiegħa u ‘l dawk li jsarrfu l-flus. Qabbel lil Israel ma’ tina li ma tagħmilx frott.  Kien qed jgħid għall-ħruq tal-inċens u tal-annimali bħala sagrifiċċju. Kemm-il darba l-profeti kienu qalu li dawn ma jogħġbux lil Alla għax mhux abbinati ma’ mġieba li tirrifletti r-rieda t’Alla. Ħadd qatt qabel ma kien ħadha mal-awtorita’ tas-Sadduċej.  Għalhekk ippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt, l-aktar fuq il-kwestjoni tal-qawmien mill-mewt. (Kienu ġabulu l-każ tal-armla li żżewġet sebat aħwa).  Ġesu’ se jħallas prezz għoli aktar tard, għax kienu l-kapijiet tas-saċerdoti li xlewh quddiem Pilatu.

  1. “Mgħallem, liema hu l-akbar Kmandament fil-liġi?” Propjament “liema hu l-Kmandament il-Kbir, i.e. l-ewwel wieħed, li minnu joħorġu l-oħrajn kollha.”  Mark juża kelma li tfisser “iddendel”, i.e. il-Kmandamenti l-oħra huma mdendlin mal-ewwel wieħed.  Ir-Rabbini sikwit kienu jiddiskutu liema kien l-akbar fost is-613-il kmandament li kienu siltu mill-Bibbja.  365 minnhom kien negattivi (la tagħmilx) u l-oħrajn (148) posittivi.  Dawn tal-aħħar, l-irġiel biss kienu obbligati li jobdu.  Fis-silta tal-lum il-kittieb (skriba)  isaqsi ‘l Ġesu’ mhux biex iġarrbu imma biex ikun jaf x’jaħseb Hu fuq dil-kwestjoni taħraq.  In fatti Ġesu’ stagħġeb “meta ra kemm kien wieġeb bil-għaqal.”  Ta’ min illum anki jien nistaqsi: “Liema nqis bħala l-akbar l-Kmandament li minnu toħroġ l-imġieba kollha li jien suppost insegwi?”  Ir-Rabbini Fariżajċi kienu josservaw bir-reqqa l-ittra tal-Liġi.  Għal xi wħud minnhom, l-ikbar wieħed kien il-ħarsien tas-Sibt għax anki Alla ħarsu (Fis-seba’ jum, strah mix-xogħol Tiegħu).  Kieku Ġesu’ qabel ma dawn il-Fariżej, kienu jaħtfuh fil-kelma u jakkużawh: “Mela int għax ma tħarisx is-Sibt?” (Hu kien weġibhom kemm-il darba: “Is-Sibt hu għall-bniedem, mhux il-bniedem għas-Sibt”). Xi oħrajn kienu jippreferu “Ma jkollokx idoli” jew “Tagħmilx lill-għajrek dak li ma tridx li jagħmel lilek.”  Mela, l-ispiritwalita’ Fariżajka kienet ibbażata fuq l-osservanza tal-kmandamenti u l-preċetti.  Skont l-imġieba wieħed kien jirċievi l-premju jew il-kastig.  Ġesu’ poġġa idejal ‘il fuq minn hekk: dak tal-imħabba.
  2. “Isma’ Israel: Il-Mulej Alla tagħna huwa biss il-Mulej, u  int għandek tħobb ‘il Mulej  Alla tiegħek…. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. M’hemmx kmandament ieħor aqwa minn dawn.”  Mela, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hi: “Isma!’” Ġesu’ ma jikkwota l-ebda kmandament.  Jgħid biss: “Ħobb!” Qatt ma qalilna biex nobdu lil Alla imma biex nixbhu lill-Missier Etern li Hu mħabba.  Din hi l-marka tal-bniedem il-ġdid, in-Nisrani.  Il-bniedem li jirnexxi hu dak li jixbah lill Alla, u li ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief iħobb kif iħobb il-Missier. Din hi d-differenza radikali bejn l-ispiritwalita’ Fariżajka u dik Nisranija.  Tal-ewwel hi kmand imposta minn barra, tat-tieni hi kwalita’ (rigal) minquxa minn Alla f’qalb il-bniedem.  Ġiżimina ma tieħu ebda kmand minn barra biex tibda tfuħ: min-natura tagħha tarmi r-riħa tfuħ.  Ma tistax tordna omm biex tħobb ‘l uliedha: dan tagħmlu min-natura tagħha.  Il-Kmandamenti jaslu għand il-bniedem mill-istess identita’ tiegħu ta’ iben Alla.  Irċieva d-DNA (il-ħajja) tal-Missier Etern.  Għalhekk kull imġieba tiegħu titwieled mill-istess identita’.  Mhux ta’ b’xejn Ġesu’ jwieġeb: “ĦOBB!” Il-verb użat hawn hu agapann (agape) li bih ġiet introdotta l-ħajja t’Alla fil-Ġdid Testment.  Agapann tagħti bidu għal imħabba li ma  taf tagħmel xejn aktar ħlief il-ġid.  Qatt ma ddur fuqha nnifisha (egoiżmu) imma dejjem moħħha biex tara l-ieħor ferħan.  Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq kmand imma fuq ħajja u natura ġdida. In-Nisrani konvint m’għandux bżonn kmand, għax l-imġieba tiegħu tirrifletti l-imħabba li għandu f’qalbu għal kulħadd.  Fid-Dewteronomju nsibu: “Ħobb il-Mulej bil-forzi tiegħek kollha.”  Ġesu’ jirranġa l-aħħar biċċa u jgħid: “… b’moħħhok kollu.”  Il-Lhud kienu jiddeċiedu u jaħsbu bil-qalb – iċ-ċentru tal-għażliet. Aħna niddeċiedu bil-moħħ.  Mela, l-għażliet li jagħmel il-bniedem, li hu bin Alla, ikunu f’sintonija mal-ħsieb t’Alla.  L-unika ħajja li tgħaqqad il-bniedem m’Alla hi l-imħabba.
  3. “ …b’ruħek kollha..”, i.e. b’ħajtek u tul ħajtek kollha.  Ma jistax ikun hemm spazji fejn ma tħobbx, għax, la darba rċevejt il-ħajja tal-Etern, din trid tintwera  permezz tal-imħabba.
  4. “…b’moħħhok kollu….”, i.e. bl-intellett u bir-raġuni.  Min iħobb, ikollu ħsieb wieħed biss: li jiskopri s-sbuħija u l-kwalitajiet sbieħ kollha tal-persuna li jkun qed iħobb.  Bħal namrat li jaħseb fuq in-namrata lejl u nhar.  Hekk, min iħobb ‘l Alla, jerfa’ l-ħsieb tiegħu diversi drabi kuljum lejn Alla bħala punt ta’ riferiment, u jinvolvi ruħu fil-proġett t’Alla billi jxerred kemm jiflaħ l-imħabba fid-dinja permezz ta’ mħabbtu lejn il-proxxmu. Mela, ejjew aħna llum ma niqfux biss fuq id-devozzjonijiet, imma l-għażla tagħna tal-fidi nagħmluha frott ta’ deċiżjoni konxja, raġonevoli u maħsuba sew biex tissodisfa r-raġuni tagħna.
  5. “… u t-tieni jixbhu…” Ġesu’ jikkwota l-Levitiku (Kap 19). “Ħobb”, i.e. mhux jien iċ-ċentru tal-interess u l-għażliet, imma l-ieħor.  Alla ħalaqna biex inħobbu..  M’aħniex awtosuffiċjenti: għandna bżonn l-imħabba ta’ xulxin.  L-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu jmorru id f’id. Anzi, nasal biex inħobb ‘l Alla meta nkun qed inħobb il-proxxmu.  Il-proxxmu se jkun il-pont li minn fuqu imħabbti se tivvjaġġa lejn Alla.
  6. Ġesu’ ma riedx jirbaħ xi argument jew imħatra, imma xtaq li joħroġ lill-Fariżej mill-mentalita’ żbaljata li kellhom fuq Alla.  Imma webbsu rashom.  Noqogħdu attenti biex aħna wkoll ma nwebbsux rasna fuq l-idejat antiki ta’ kastigi, merti u premju, jew li niġġudikaw  u nikkundannaw għall Infern min jikser xi Kmandament.

Sors: lachisea.it/liturgia/omelie/padre fernandoarmellini              

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading