Is-saltna t’Alla hi proċess li jsir fis-silenzju

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 26 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tat-tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù qed jipprova jispjega l-ġid kif isir, is-saltna ta’ Alla kif tikber. Iż-żewġ tixbihat li jagħtina. huma tixbihat li minn bidu ċkejken iwasslu għal xi ħaġa ferm ikbar.

L-ewwel ħaġa li jgħallimna hi li s-saltna ta’ Alla mhix li tfaqqa’ subgħajk u tiġi mill-ewwel; hi proċess, proċess li jdum, proċess fis-silenzju, proċess li jrid il-paċenzja. Ħu ż-żerriegħa. Min ipprova jiżra’ xi żerriegħa jaf mhux kollha tinbet. Hu stess meta jitkellem fuq il-Kelma ta’ Alla, u jqabbilha maż-żerriegħa, jgħid x’diffikultà hemm biex iż-żerriegħa tikber u tagħmel il-frott.

Hawnhekk qed jinsisti fuq iċ-ċokon tal-bidu, tal-inizjattiva anke ta’ Alla. M’għandniex nibżgħu minn dik il-kelma ċkejkna ta’ ġid li wieħed jgħid u forsi ninkwetaw li ma rajniex ir-riżultat mill-ewwel. Qed nimmaġina jien f’tant ġenituri, f’tant nanniet li jgħidu kelma ta’ ġid lil uliedhom u donnhom jagħmlu bil-maqlub. Emmen li dik il-kelma hi żerriegħa vera ċkejkna imma bil-qawwa ta’ Alla taf tagħmel il-frott. Meta ma nafux.

Alla ma jaħdimx f’ħafna storbju u din hi xi ħaġa li tagħtina tama kbira. Għax donnu ngergru dejjem u fuq kollox u ninsew li l-kelma miżrugħa, iż-żerriegħa mitfugħa fl-art, tagħmel il-frott tagħha

Imma s-saltna ta’ Alla hekk taħdem. Inti żrajtha fil-ġnien tiegħek, fil-qalb ta’ wliedek, tan-neputijiet, fil-qalb tal-proxxmu. Xi ħadd forsi żera’ kelma tajba anke fil-qalb tiegħek. Agħtiha ċans tinbet, tikber. “Imbagħad issir siġra ċkejkna, l-għasafar tal-ajru jmorru jbejtu fil-friegħi tagħha” (Lq 13:19). Ġesù qed jitkellem fuq l-arbuxell tal-mustarda, imma qed jispjegalna l-bidu jaf ikun fqir u ċkejken, imma Alla jaf ikabbar.

Hekk ukoll ix-xbieha tal-ħmira. Hu l-proċess silenzjuż li bih l-għaġna tikber. Ġesù jinsisti fuq il-ftit ħmira, it-tliet sigħan dqiq li hi kwantità kbira u l-għaġna tibda togħla bil-mod il-mod fis-silenzju. Alla hekk jaħdem, ma jaħdimx f’ħafna storbju u din hi xi ħaġa li tagħtina tama kbira. Għax donnu ngergru dejjem u fuq kollox u ninsew li l-kelma miżrugħa, iż-żerriegħa mitfugħa fl-art, tagħmel il-frott tagħha u l-ħmira li l-Mulej iħallat fl-għaġna, anke permezz tagħna, taf tgħolli l-għaġina kollha fil-ħin tagħha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 8, 18-25
Salm: 125 (126) 1-2ab.2ċd-3.4-5.6
Evanġelju: Lq 13, 18-21

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply