Papa Franġisku: “Isimgħu l-melodija ta’ Alla f’ħajjitkom”

Print Friendly, PDF & Email

Żgħażagħ Luterani f’pelligrinaġġ, “Ma’ Luteru f’Ruma”

Grupp żagħżugħ ta’ madwar ħames mitt pellegrin Luterani mill-Ġermanja sellmu lill-Papa Franġiska b’innu, hekk kif it-Tnejn filgħodu huwa laqagħhom fil-Vatikan. Il-Qdusija Tiegħu ħa punt mit-tema mużikali u qal lill-pellegrini: “L-Kant jgħaqqad”, u spjega li “fil-Kor, ħadd mhu waħdu: importanti li tisma’ lil oħrajn.” Il-Papa Franġisku qal li jixtieq “li l-Knisja jkollha r-rieda li tisma’”, li din qed “titgħallimha mill-ġdid fil-proċess sinodali”.

Huwa ħeġġeġ lill-pellegrini biex jisimgħu wkoll “il-melodija ta’ Alla” f’ħajjithom stess, billi sejħilhom biex jiftħu mhux biss widnejhom, imma wkoll qalbhom. “Min ikanta b’qalb miftuħa”, qal, “diġa’ jmiss il-misteru ta’ Alla, forsi mingħajr ma jinduna.” Dan il-misteru, qal, “huwa l-imħabba, l-imħabba li f’Ġesù Kristu ssib il-ħoss mill-isbaħ, sħiħ u uniku.” U dan, qal, “huwa wkoll kif iseħħ l-ekumeniżmu,” mhux biss fil-Ġermanja, iżda wkoll madwar id-dinja.

Il-Pellegrinaġġ Ekumeniku tal-2021 għandu bħala motto tiegħu: “Ma’ Luteru f’Ruma”, u huwa maħsub biex jgħin lill-pellegrini jsiru jafu lil Ruma u l-fidi tagħhom minn perspettiva ġdida. Huwa ffukat fuq l-elementi li jgħaqqdu lill-insara, l-ostakli li diġà ġew megħluba fil-mixja lejn l-għaqda, u l-isfidi li għad iridu jiffaċċjaw.

Dan huwa t-tieni grupp li ġie Ruma u ltaqa’ mal-Papa Franġisku. L-ewwel grupp kien ġie fl-2016. F’dik l-okkażjoni, l-Qdusija Tiegħu kien stieden lill-pellegrini biex ikunu “xhieda tal-ħniena”, u jkomplu jsiru jafu lil xulxin aħjar, li jitolbu u li jgħinu lil xulxin, u lil dawk fil-bżonn. B’dan il-mod, “ħielsa mill-preġudizzji u fiduċjużi biss fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, xxandru l-paċi u r-rikonċiljazzjoni, intom tkunu l-veru protogonisti ta’ staġun ġdid ta’ dan il-vjaġġ, li bl-għajnuna ta’ Alla, se jwassal għal komunjoni sħiħa.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-francis-listen-to-the-melody-of-god-in-your-lives.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: