Bqajt miexi, bil-mod il-mod, lejn il-Kunvent. Wara laqgħa bħal dik ma’ mara li qalbha iċċartet bil-bosta, għat-telfa tant kbira ta’ binha l-għażiż, l-uniku wieħed, li miet f’ħakka t’għajn, xi stajt tabilħaqq nagħmel aktar minnhekk ħuti l-għeżież, jekk mhux li nibqa’ miexi? … Come vagabondo? Bħal vagabond? …
U fejn spiċċa l-Patri vagabond f’dan il-lejl f’Venezja, fuq il-gżira ta’ Giudecca? Jew aħjar, u biex inkun aktar korrett, fejn għoġbu jitfgħu l-Mulej jekk mhux ħdejn xi nies li kienu qed jixorbu xi ħaġa fuq mejda mal-moll għall-frisk tal-lejla? Ejja ħdejna Patri, qalli wieħed li wara sirt naf li kien Venezjan. Mort ħdejhom u qbadt parlata magħhom. Intbaħt li dawn l-irġiel kienu ħbieb sewwa. U, f’dik il-lejla, kienu qed jilqgħu fosthom ħabib qadim tagħhom li kien mar f’reġjun ieħor tal-Bel Paese.
Bdejna nitħaddtu fuq ħafna ħwejjeġ. Riedu joffruli birra. Imma jien il-birra ma nħobbhiex. Ittaqqalni. U iddardarni ukoll. Imagħad, għax rawni Patri, ħasbu li nħobb l-inbid. U b’saħħa riedu joffruli tazza inbid friska. Imma, jaħasra, lanqas ma ntebħu li l-inbid sirt ma nniżżlux. Bilkemm nixrob dak tal-quddiesa! Aħseb u ara mela kemm se nintefa’ hemm, nixrob l-inbid, flixkun wara l-ieħor! Għalhekk, wara xi ftit tal-ħin fejn ma kontx naf x’se naqbad nixrob, ilkoll qbilna li nieħu ilma bil-gas. Ara dak inħobbu! U r-raġel li offrielu dlonk ħa l-mazz u f’idejh u beda jirrakkontali fuq li jirrakkontali.
L-istorja żvolġiet tabilħaqq b’mod interessanti. Għax, wieħed mill-kamrieri tal-bar, kien Lhudi. X’ħin rani liebes iċ-ċoqqa mill-ewwel ġie fuqi. Jien Lhudi, qalli. Għal din l-introduzzjoni ma stajtx ma nintroduċix ruħi b’naqra finezza papali jien ukoll. Mela int ħija fil-fidi, weġibtu. Għall-bidu baqa’ jħares lejja, donnu ma fehemx eżatt x’ridt ngħidlu. Apposta għedtlu ħija fil-fidi u mhux, kif kien iħobb jgħid xi ħadd li, bl-intenzjonijiet qaddisa kollha li kellu għax issa ġie iddikjarat qaddis, xorta waħda kien urtha sew lill-Lhud għax kien qalilhom ħutna l-kbar fil-fidi. Ma ninsewx li l-iben il-kbir fil-Bibbja ma tantx qata’ sandar. Anzi! Dejjem għaxxaqha! Biżżejjed naraw il-parabboli ta’ Ġesù biex nintebħu kemm l-iben il-kbir qajla ħareġ bl-unuri!
Wara li introduċejna ruħna qalli: Jiena nadurah lil Adonai. Jiġifieri, lill-Mulej. M’hawnx għalik ħija, dlonk weġibtu. U għandek l-għaliex tadurah. Adonai ħanin. Mill-fidi Nisranija tiegħi dan nista’ ngħidulek. Ir-raġel beda jieħu interess. U mbagħad ħassejt li kelli ngħidlu: Se nagħtik stampa ta’ Lhudi bħalek. Kif temmejt dan il-kliem daħħalt idi fil-pettolina u ħriġt santa tal-Kurunella tal-Ħniena Divina. Nafu, weġibni. Naf li tafu ħija, weġibtu. Dan ħanin! Dan wasslilna kemm Adonai hu ħanin!
Dan il-kliem donnu tah x’jaħseb naqra oħra lil dan ħuna. Se nżommha din ix-xbieha, qalli. Anki jekk il-fidi tiegħi differenti. Tbissimt. U weġibtu: Kont naf li int temmen sewwa fil-ħniena ta’ Adonai. Tiddejjaq xejn tgħidlu: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK! Jaqbeż għan-nies tad-dinja kollha quddiem Missieru u Missierna, Adonai, aħseb u ara jaqbiżx għalik, li int Lhudi bħalu? Ir-raġel baqa’ għal mument ħiemed. Imbagħad qalli: Ħa nkompli naħdem għax għandi n-nies. Imma ħadt gost inkellmek. Filwaqt li tbissimtlu weġibtu: Anki jien ħadt gost ħafna inkellmek! U tinsiex, tkun fhiex tkun fil-ħajja lil Jeshua għidlu: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK! Lilek jgħinek żgur għax int ta’ ġewwa! Int Lhudi bħalu!
Kos hux! Kif il-mawra tiegħi f’Venezja spiċċat anki fi djalogu mhux biss ma’ nies li qed ibatu imma issa wkoll ma’ dawk ta’ fidi differenti minn tiegħi. Għalkemm f’dan il-każ, id-djalogu kien aktar profond l-għaliex il-fidi Nisranija hi, fil-fatt, il-milja tal-fidi Lhudija li minnha taf il-bidu tagħha! Ma ninsewx li l-fidi Lhudija turina u twasslilna l-Messija tant imwiegħed mill-profeti. Jiena u naħseb f’din l-esperjenza tabilħaqq sabiħa ma stajtx ma niftakarx b’ħafna għożża silta mid-diskors li Papa Franġisku kien għamel lill-membri tal-International Council of Christians and Jews, fis-Sala Klementina nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju 2015 meta qalilhom:
L-Insara, l-Insara kollha, għandhom għeruq Lhud. Kien għalhekk li sa mill-bidunett tagħha l-International Council of Christians and Jews laqgħet Insara li jistqarru twemmin differenti. Kull twemmin nisrani, bil-mod propju tiegħu, iqarreb lejn il-Ġudaiżmu, li min-naħa tiegħu hu karatterizzat minn diversi kurrenti u sensibiltajiet. Id-denominazzjonijiet Insara jsibu l-għaqda tagħhom fi Kristu; il-Ġudaiżmu jsib l-għaqda tiegħu fit-Torah. L-Insara jemmnu li Ġesù Kristu hu l-Kelma t’Alla li ħadet il-ġisem u ġiet tgħammar fid-dinja; għal-Lhud, il-Kelma t’Alla tinsab preżenti fuq kollox fit-Torah. Dawn iż-żewġ tradizzjonijiet ta’ fidi għandhom is- sisien tagħhom f’Alla Wieħed, Alla tal-Patt, li juri lilu nnifsu lill-bnedmin permezz tal-Kelma tiegħu. Filwaqt li jfittxu mġiba ġusta lejn Alla, l-Insara jduru lejn Kristu bħala l-għajn ta’ ħajja ġdida, il-Lhud ifittxu dan fit-tagħlim tat-Torah. Dan il-mod ta’ riflessjoni teoloġika dwar ir-rabta bejn l-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu jibda preċiżament min-Nostra aetate (ara n. 4) u din hi l-bażi soda li fuqha jista’ u għandu jkompli jkun żviluppat.
Jien Nisrani. Imma l-għeruq tiegħi huma Lhud. It-twemmin tiegħi ta’ Nisrani qarribni lejn dan ħija Lhudi, il-kamrier. Għalija Kristu hu l-liġi filwaqt li għal ħija Lhudi l-għajn aħħarija hi l-Liġi, it-Torah, il-Kelma miktuba. Għalija, Ġesù Kristu hu l-Kelma t’Alla li saret bniedem u ġiet tgħammar fostna. Għal ħija Lhudi l-Kelma t’Alla qegħdha fit-Torah, il-Liġi. Imma dawn ġejjin mill-istess għajn, Alla, Adonai, li jurina min Hu minn dak li jgħidilna. Imma Kristu għalija hu din il-Kelma, li hi Alla nnifsu, li issir laħam anki illum, permezz tal-ħniena. Mhux ta’ b’xejn mela li Papa Franġisku jgħidilna li l-ħniena iġġib lill-Mulej fostna! F’omelija li kien għamel nhar il-15 ta’ Diċembru 2015 il-Papa kien qal li dawk li għandhom il-virtù tat-tama għandhom ukoll il-libertà u l-qawwa li jaraw lil hinn mill-mumenti ħżiena li jgħaddu minnhom bħala bnedmin, kemm jekk dawn ikunu problemi ta’ saħħa jew inkella problemi tal-familja. U x’hemm isbaħ u aktar rejali mit-tama, mill-libertà u mill-qawwa li tagħtina l-ħniena? Mhux din kienet il-konklużjoni ta’ dak id-djalogu qasir bejni u bejn dan ħija Lhudi? U mhux din hi l-qawwa li għandha issostni lil dik il-koppja mfarrka mill-mewta traġika tal-għażiż binhom?
Wara dawn ir-riflessjonijiet f’moħħi, u fuq kollox, f’qalbi, sellimt u berikt lil dawn l-aħwa li kienu qed igawdu dik il-lejla tabilħaqq sabiħa li jaf jagħti x-xahar ta’ Lulju f’Venezja. Ma kellix biża’ li mhux ħa nsib il-kunvent. Wara kollox it-traġitt b’riġlejja kien dejjem għad-dritt. Imma fil-ħajja mhux dejjem le possibbli timxi dejjem għad-dritt għalkemm timxi dritt kemm jista’ ikun. Ġieli jiġu mumenti fejn ikollok isserrep mhux ħażin biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek. Madankollu, l-importanti li tasal fit-triq id-dritta tas-sewwa tal-Mulej! L-istess triq li ħaditni l-Kunvent. Fetħitli l-bieb. Tellegħtni t-taraġ u ħaditni f’kamarti, fil-kamra tal-Provinċjal. Biex nistrieħ.
Hekk, l-ewwel sigħat tiegħi f’Venezja ġew fi tmiemhom imma mhux il-vjaġġ. Li issa kellu jidħol fis-sikta tal-lejl biex iħejji ruħu għal tappa oħra fi ħdanu. Liema tappa ġiet imħejjija mill-arti ferm sabiħa, l-arti tal-qawwija u ta’ min irid ikun sinodali u mhux dittatur u dittatriċi, l-arti tad-djalogu. Hemm hi Venezja … storja ta’ djalogu …
Patri Mario Attard OFM Cap