Qari tad-29 ta’ Settembru – Festa tal-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

Print Friendly, PDF & Email

29 ta’ SettembruL-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u RafelFesta

Qari I

Daniel 7: 9-10.13-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, ġieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew

Apok 12: 7-12a

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

Qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu. 1U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid:

“Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,

u s-Saltna ta’ Alla tagħna,

u s-setgħa tal-Messija tiegħu,

għax twaddab ’il barra dak li jixli ’l ħutna,

li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna. 

11U huma ħarġu rebbieħa fuqu

permezz tad-demm tal-Ħaruf

u bis-saħħa tal-kelma li xehdu,

u ma għożżewx ħajjithom,

minkejja saħansitra l-mewt.

12Għalhekk ifirħu, smewwiet,

u intom li tgħammru fihom.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 137: 1-5

R/. Quddiem l-Anġli niżżik ħajr, Mulej!

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

quddiem l-anġli rrid ngħannilek.

Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek. R/.

Irrodd ħajr lil ismek

għat-tjieba tiegħek u għall-fedeltà tiegħek.

Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni;

kattartli l-qawwa f’ruħi. R/.

Ifaħħruk, Mulej, is-slaten kollha tal-art,

għax semgħu kliem fommok.

U jgħannu l-imġiba tal-Mulej. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 102

R/. Hallelujah.

Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha,

qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Ġw 1: 47-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Meta Ġesù ra lil Natanel riesaq lejh, qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Natanael staqsieh: “Rabbi, kif sirt tafni?”

U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma kellmek Filippu.” “Rabbi,” qallu Natanael, “int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Israel!” Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għidtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.”

U żied jgħidlu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla niżlin u telgħin fuq Bin il-bniedem.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.

%d bloggers like this: