Qari tal-Erbgħa tat-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – L-Erbgħa

Qari I

Aqduhom bil-qalb it-tajba, qiskom lill-Mulej u mhux lill-bnedmin.

Efes 6, 1-9

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-sewwa. “Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok”: dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda “sabiex ikollok ir-riżq u jtul għomrok fuq l-art”. U intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej. Intom l-ilsiera, isimgħu mis-sidien tagħkom ta’ din l-art bil-biża’ u r-rispett, bis-safa ta’ qalbkom bħallikieku lil Kristu; mhux taqduhom għal wiċċhom, bħal min irid jogħġob lill-bnedmin, iżda bħala lsiera ta’ Kristu, li jagħmlu r-rieda ta’ Alla minn qalbhom, aqduhom bil-qalb it-tajba, qiskom lill-Mulej u mhux lill-bnedmin. Għaliex tafu li kull wieħed, skont it-tajjeb li jkun għamel, jitħallas tiegħu mill-Mulej, sew jekk ilsir u sew jekk ħieles. U intom, is-sidien, agħmlu l-istess magħhom; ħallukom mit-tehdid, għax tafu li s-Sid fis-smewwiet hu tagħhom bħalma hu tagħkom, u hu ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 10-11.12-13ab.13ċd-14

R/. (13ċ): Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

11Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,

iqajjem ’il kull min hu mitluq. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tess 2, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju,

biex ikollna sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.

Lq 13, 22-30

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: “Mulej, iftħilna!”. Iżda hu jweġibkom u jgħid: “Ma nafx mnejn intom”. Imbagħad taqbdu tgħidulu: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna”. Hu jwieġeb u jgħidilkom: “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”. Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: