L-Erbgħa u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu – Solennità
Qari I
Lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
2 Sam 5:1-3
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: ‘Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael’”.
U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 121(122):1-2,4-5
R/.(ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”.
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.
Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.
Qari II
Daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.
Kol 1:12-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam,
u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub,
li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 11:9,10
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.
Lq 23:35-43
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.