Il-vera purifikazzjoni tat-tempju tippurifika l-fidi tagħna 

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 9 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa b’suffraġju għal ruħ isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi li ħallew din id-dinja. Katidral ta’ San Pawl, Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jagħti tifsira ġdida lill-purifikazzjoni tat-tempju. “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (Ġw 2:16). Ejjew nitolbu biex il-fidi tagħna ma tkunx negozjar kontinwu ma’ Alla. Inti taqlagħli grazzja u jien nagħmillek xi ħaġa, jew ngħix ħajja tajba. It-talba li qed jagħmlilna Ġesù, hi, li nintelqu f’idejn ir-rieda tiegħu u f’idejn il-ħniena tiegħu. “Ikun li trid int” (Mt 6:10); “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). B’xi mod, allura, il-vera purifikazzjoni tat-tempju ssir ukoll il-purifikazzjoni tal-fidi tagħna, tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li tinġabar fis-safa kollu tagħha fit-talba li għallimna hu stess: “jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Mt 6:9-10).

Kull meta nitolbu għal mejtin tagħna, nemmnu fix-xirka li tgħaqqadna magħhom. Noffru t-talb tagħna b’suffraġju għalihom

Imma d-diskors ta’ Ġesù enigmatiku, li ma jinftehimx meta ntqal l-ewwel darba, illum aħna u nitolbu b’suffraġju għall-mejtin tagħna, jikseb qawwa kbira. “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19). Għax il-mewt ta’ kull wieħed u waħda minna hi l-mument fejn aħna, li aħna t-tempju tal-Mulej, nitħattu. Bħalma ġara lilu: “Ħottu dan it-tempju”. Aħna ħattejna t-tempju li u hu, il-ġisem għażiż tiegħu, bil-passjoni ħarxa u l-mewt infami li dnubietna sarrfu. Imma l-mewt tagħna, u l-kefrija tagħna, m’għandhomx l-aħħar kelma, għall-grazzja ta’ Alla. “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19).

L-Evanġelista Ġwanni jagħmel dan il-kumment: “Hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù” (Ġw 2:21-22). Dan hu l-mument ukoll li fih il-fidi tagħna tissaffa, għax il-kelma ta’ Ġesù, il-fidi tagħna, tikser ix-xefaq lil hinn minn din il-ħajja.

Illum nagħmlu d-dover tagħna ta’ karità Nisranija, u noffru dan is-sagrifiċċju tal-quddiesa għas-suffraġju tal-mejtin kollha tagħna, b’mod speċjali l-isqfijiet ta’ din id-djoċesi, il-membri tal-kapitlu li ħallewna, is-saċerdoti u r-reliġjużi mejtin; il-lajċi kollha, il-poplu kollu ta’ Alla, li l-Mulej, mhux biss din l-aħħar sena, imma matul is-sekli, sejjaħ fi ħdanu. Nemmnu li l-fdalijiet, dawk li għad baqa’ minnhom, huma sinjal li t-tempju ta’ ġisimna jinħatt; imma l-qima li nagħtuh, anke fil-fdalijiet umli ‘trab minn trab’, nagħmluh bil-fidi tal-qawwa ta’ Ġesù, li dak li nħatt jerġa’ jqajmu.

Ejjew nitolbu biex il-fidi tagħna ma tkunx negozjar kontinwu ma’ Alla

Ejjew niġġeddu f’din il-fidi. Kull meta nitolbu għal mejtin tagħna, nemmnu fix-xirka li tgħaqqadna magħhom. Noffru t-talb tagħna b’suffraġju għalihom. Kemm hi ħaġa sabiħa, li din is-sena l-Papa, reġa’ wkoll tagħna l-possibbiltà, li f’kull jum ta’ Novembru nakkwistaw l-indulġenzja plenarja billi nżuru post ta’ difna, bħalma hu dan il-Katidral, u noffru talb ta’ suffraġju, li nkunu nistgħu noffruh anke b’espjazzjoni għal ħutna.

Jalla l-karità li qed nagħmlu, insibu meta jkollna bżonnha, min jagħmilha magħna għax riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħha, u l-kesħa tal-mewt tneħħi ħafna ksuħat; hekk kien jgħid Dun Ġorġ. 

Agħtihom O Mulej, id-dawl ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom. Jistrieħu fis-sliem. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Eżek 47:1-2. 8-9. 12
Salm: 138 (139):1-3.4-6.7-8.9-10
Evanġelju: Ġw 2:13-22

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply