L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt
Qari I
Lejl ma jkunx hemm iżjed, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom.
Apok 22, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, rajt anġlu li wrieni x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf. F’nofs il-pjazza tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott tnax-il darba fis-sena, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.
Ebda saħta ma jkun hemm iżjed.
Fiha jkollha t-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf,
u l-qaddejja tiegħu jaqduh,
jaraw wiċċu,
u jkollhom ismu fuq ġbinhom.
Lejl ma jkunx hemm iżjed,
u ma jkunux jeħtieġu dawl ta’ musbieħ u dawl tax-xemx,
għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom,
u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.
Imbagħad qalli: “Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta’ min joqgħod fuqhom: il-Mulej stess, Alla tal-ispirti tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 94 (95), 1-2.3-5.6-7
R/. (1 Kor 16, 22b u Apok 22, 20ċ): Maranata! Ejja, Mulej Ġesù!
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret. R/.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 21, 36
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ishru, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri.
Lq 21, 34-36
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu