Il-Papa jwissi dwar il-ġudizzju t’Alla għal nuqqas ta’ ħsieb tal-ħolqien

Print Friendly, PDF & Email

“Iż-żmien għaddej. L-okkażjoni tal-konferenza COP26 m’għandhiex tinħela, biex ma jkollniex niffaċċjaw il-ġudizzju t’Alla minħabba n-nuqqas tagħna li nkunu amministraturi fidili tad-dinja, li Hu afda f’idejna”.

“Iż-żmien għaddej”, qal il-Papa Franġisku fl-ittra lill-Kattoliċi tal-Iskozja, li saret pubblika aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Arċidjoċesi ta’ Glasgow. L-okkażjoni tal-konferenza COP26, huwa qal, “m’għandhiex tinħela, biex ma jkollniex niffaċċjaw il-ġudizzju t’Alla minħabba n-nuqqas tagħna li nkunu amministraturi fidili tad-dinja, li Hu afda f’idejna”.

Il-Papa Franġisku esprima d-dispjaċir tiegħu li ma setax jattendi l-Konferenza fl-Iskozja u jiltaqa’ mal-Kattoliċi Skoċċiżi. Madankollu, qal, hu kien grat lejn il-fidili talli “ingħaqadtu fit-talb għall-intenzjonijiet tiegħi u għar-riżultat produttiv” tal-laqgħa, li qed tiffaċċja waħda mill-“kwistjonijiet morali kbar ta’ żmienna: l-preservazzjoni tal-ħolqien t’Alla, li tana ġnien biex nieħdu ħsiebu, u jkun bħala dar komuni għall-familja umana tagħna”. Huwa sejjaħ għat-talb għal “għerf u saħħa” għal mexxejja “inkarigati li jiggwidaw lill-komunità internazzjonali hekk kif ifittxu li jilqgħu l-isfida gravi b’deċiżjonijiet konkreti ispirati mir-responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri”.

L-ittra tal-Papa kienet datata 9 ta’ Novembru, l-festa tad-Dedikazzjoni ta’ San Ġwann Lateran, li tissimbolizza l-komunjoni tal-Knisja fil-fidi u l-imħabba mas-Sede ta’ Pietru. Huwa talab lill-Insara tal-Iskozja għal talb għalih innifsu u għall-Isqfijiet sħabu, u ħeġġiġhom biex ikomplu jipperseveraw fil-“fedeltà ppruvata lejn il-Mulej u l-Knisja Tiegħu”.

F’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, qal, “jalla s-segwaċi kollha ta’ Kristu fl-Iskozja jġeddu l-impenn tagħhom biex ikunu xhieda konvinċenti tal-ferħ tal-Evanġelju u l-qawwa tiegħu li jġib dawl u tama għal kull sforz bien jinbena futur ta’ ġustizzja, fraternità u prosperità, kemm materjali kif ukoll spiritwali”. Il-Papa Franġisku kkonkluda l-ittra tiegħu billi assigura lill-Kattoliċi Skoċċiżi bit-talb tiegħu u afdhom “taħt l-interċessjoni tal-imħabba ta’ Marija, Omm il-Knisja”. Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-11/pope-warns-of-god-s-judgment-for-failure-to-care-for-creation.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: