Ġwanni Pawlu II fil-festa ta’ San Stanislaw

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-FESTA TA’ SAN STANISLAW

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Grotta ta’ Lourdes
8
ta’ Mejju 1981

Eċċellenza Isqof ta’ Czestochowa,
ħuti fis-saċerdozju                                                                                                                             ħuti reliġjużi rġiel u nisa,
għeżież konnazzjonali u pellegrini.

Inġibu r-rebħa grazzi għal Dak li ħabbna. San Stanislaw di Szczepanow ġab ir-rebħa grazzi għal Kristu. Grazzi għal Dak li ħabbu. Kienet rebħa “taħt ix-xabla”, kif tgħid il-liturġija “vivit victor sub gladio”, ir-rebħa taħt ix-xabla, dik ix-xabla li tatu d-daqqa mortali. Ġarrab il-mewt bħala martri. Fil-ġurnata tallum skont it-tradizzjoni antika tal-Knisja fil-Polonja niċċelebraw it-tifkira ta’ dik ir-rebħa li l-Isqof Krakovjan Stanislaw ġab taħt ix-xabla grazzi lil Dak li ħabbu.

U permezz ta’ dik ir-rebħa tiegħu permezz tal-mewt laħaq ir-rebħa, dik l-istess li Kristu ġab permezz tas-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet, ir-rebħa fuq il-mewt tanima b’mod speċjali l-fidi tagħna u l-liturġija tagħna. San Stanislaw minn disà sekli ‘l hawn huwa għalina, kien għax-xjuħ tagħna s-sinjal ta’ dik it-tama tar-rebħa li l-bniedem iġib permezz tal-mewt ta’ Kristu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. Din hija s-sinjal tat-tama tar-rebħa li l-bniedem iġib grazzi lil Dak li ħabbna. Tindikalna, indikat lix-xjuħ tagħna u tindika wkoll lilna it-triq biex niksbu tali rebħa. Huwa propju għal dan li San Stanislaw sar patrun speċjali tal-Polonja, minn sekli ilu.

Il-primat iddefinih “patrun tal-ordni morali”: huwa hu patrun tal-ordni morali f’art twelidna. Jiena nemmen li huwa patrun tassew attwali. Kien hekk dejjem, imma donnu li huwa b’mod partikolari attwali fi żminijietna. Infatti jekk f’dawn iż-żminijiet diffiċli għandna nġibu r-rebħa. Nistgħu ngibuha biss bi prezz tal-konsolidament tal-ordni morali, bi prezz tat-tiġdid li jibda fil-kuxjenza tal-bniedem, li tissejjes fuq id-dinjità tal-bniedem, fuq id-dinjità  tal-bniedem marbuta ma’ xogħlu; fuq id-dinjità ta’ kull bniedem u fuq id-drittijiet li joħorġu minnha.

San Stanislaw patrun tal-ordni morali wara issa disà sekli għandu ferm xi jgħid lill-Polonja kontemporanja. Lill-Polonja tas-Sena tal-Mulej 1981. Aħna niċċelebraw l-festa liturġika nhar it-8 ta’ Mejju. Krakovja tiċċelebraha l-Ħadd ta’ wara bil-proċessjoni l-kbira bir-relikwa ta’ ras San Stanislaw, li fuqha għadhom jidhru sewwa sallum is-sinjali tax-xabla li taħtha ġab ir-rebħa u li taħtha jgħix: “vivit victor sub gladio”. Jgħix fl-istorja, jgħix minn ġenerazzjoni għal oħra.

Dik il-proċessjoni, li fiha tul is-sekli ħadu sehem in-nazzjon kollu u l-Knisja u li fiha antikament kienu jieħdu sehem is-slaten tal-Polonja, hija sinjal speċjali ta’ din ir-rebħa, u hija stedina speċjali għal din ir-rebħa; hemm bżonn li niċċelebrawha minn sena għal oħra ikolli ngħid minn jum għal ieħor, minn ġenerazzjoni għal oħra. Waqt iċ-ċelebrazzjoni fi Krakovja dawk li jieħdu sehem ikantaw hekk propju kif kantajtu intom illum: “San Stanislaw patrun tagħna, prottettur ta’ art twelidna kollha, itlob għalina”.

Nixtieq, għeżież konnazzjonali, li din l-Ewkaristija komuni tagħna fil-jum tat-8 ta’ Mejju li ngħatali li niċċelebra hawn fis-Sedja Apostolika flimkien magħkom, tiġi nserita fil-liturġija kollha tallum u tal-Ħadd bħal ma nixtieq li tiġi nserita wkoll l-invokazzjoni: “San Stanislaw, patrun tagħna, protettur ta’ art twelidna kollha, għinna, għallimna nirbħu, għallimna nsegwu r-rebħa minn jum għal ieħor. Patrun tal-ordni morali f’art twelidna, urina kif għandna nsegwuha, billi nwettqu l-opra tat-tiġdid indispensabbli, li għandha bidu fil-bniedem, f’kull bniedem, li jħaddan lis-soċjetà kollha u lid-dimensjonijiet kollha ta’ ħajtu: spiritwali, kulturali, soċjali u ekonomika, spiritwali u kulturali, spiritwali u materjali. Għallimna dan. Għallimna u għinna, int li int flimkien mas-sultana tal-Polonja ta’ Jasna Góra u ma’ San Adalberto patrun ta’ art twelidna. Għinna biex niksbu din ir-rebħa fil-ġenerazzjoni tagħna. Amen”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: