OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
GĦALL-ĠURAMENT TA’ DSATAX-IL REKLUTA
TAL-GWARDJA SVIZZERA
Grotta ta’ Lourdes, Ġonna Vatkani
L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 1981
Għeżież ħuti!
ħFil-ftit kliem tal-Vanġelu tallum hemm miġbura l-Aħbar it-tajba kollha kemm hi tal-fidi tagħna. Hawn jiddi bid-dawl kollu l-misteru tal-persuna ta’ Ġesù Kristu: Ġesù jgħix propju għal dan, biex jagħmel ir-rieda tal-Missier; u r-rieda tal-Missier tikkonsisti li jqiegħed f’relazzjoni lill-bnedmin ma’ Ġesù sabiex Huwa jirregalalhom il-vera ħajja, dik il-ħajja li għandha twassal għall-Qawmien mill-Imwiet. Barra minn dan Ġesù juri l-għan l-iktar intimu ta’ qalbu: “Dak li jiġi għandi, ma nwarrbux… (sabiex) jien ma nitlef xejn minn dak li Hu tani, imma nirxuxtah fl-aħħar jum” (Ġw 6,37-39).
Ma jwarrab lil ħadd, ma jitlef lil ħadd – mhuwiex dan ukoll id-dmir tagħna lkoll li nwettqu dmirna f’din l-għolja Vatikana, maġemb il-qabar ta’ San Pietru? Il-Papa bħala suċċessur ta’ Pietru u bħala r-Ragħaj il-Kbir tal-Knisja u intom, għeżież Gwardji Svizzeri, li teskortjawni fis-servizz tiegħi, aħna nfittxu li nwettqu dan id-dmir prezzjuż afdat lilna minn Alla. Jiġifieri li nilqgħu, f’isem Kristu, lill-bnedmin li Huwa jibgħatilna u li ma nwarrbuhomx, li nilqgħuhom u li ma nitilfuhomx, li nittrażmettulhom il-Ħobż tal-ħajja, sabiex ikun issodisfat il-ġuħ tagħhom u huma jkunu jistgħu jiksbu l-ħajja eterna.
Il-ħafna nies li jum wara jum, kurjużi u osservanti, kuraġġużi u beżżiegħa li jaslu fil-bibien tal-Vatikan, fl-aħħar minn l-aħħar huma kollha mibgħuta għandna mingħand Alla, mill-Missier, sabiex jirċievu ikel, kull wieħed skont il-ġuħ tiegħu. Dan huwa tassew ta’ raġuni għolja għas-servizz tagħkom u ta’ impuls kbir biex jingħelbu l-ħruxijiet u l-ansjetajiet tax-xogħol ta’ kuljum tagħkom! Ix-xbiha tal-Vatikan li tirriżulta, hija li hawn jiġi milqugħ il-bniedem fid-dinjità kollha tiegħu, li hawn Kristu stess għandu jkun il-kriterju aħħari tal-imġieba, din l-imġieba tibda għal ħafna nies propju minnkom, meta intom tiltaqgħu mal-ħarsa interrogattiva ta’ dawn il-persuni, u tgħinuhom fit-talbiet multipli tasgħhom.
Jiena kuntent li nindirizza t-tislima tiegħi u l-inkuraġġiment tiegħi ukoll lilkom, għeżież ħbiebi tal-lingwa Franċiża. Mill-Vanġelu ta’ San-Ġwann li għadna kemm qrajna, irrid nistedinkom biex tikkunsidraw dak li jingħad mir-rieda ta’ Alla.
Aħna għandna nagħmlu r-rieda ta’ Alla: dan l-obbligu jiddefinixxi ħajjitna nisranija da parti ta’ Sidna Ġesù stess, il-mudell tagħna, li miżel mis-sema biex jagħmel r-rieda ta’ Dak li bagħtu. Hekk hu għaliex aħna kuljum intennu, kif Hu għallimna: “Tkun magħmula r-rieda tiegħek”. Il-kmandamenti ta’ Alla juruna tali rieda u għandna nobduhom għall-imħabba: “Jekk tħobbuni, jgħid il-Mulej, osservaw il-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14,15). Imma l-osservanza tal-kmandamenti hija marbuta ma’ dik l-espressjoni l-oħra tar-rieda ta’ Alla li San Ġwann jindikalna f’dan il-punt: ir-rieda tal-Missier, hija li aħna jkollna l-ħajja eterna għall-fidi tagħna. Għall-ubbidjenza sħiħa ta’ mħabba għal Ibnu, li se jqajjimna fl-aħħar jum.
Immeditaw dan il-kliem: kollox jiġina mill-imħabba tal-Missier u jwassalna għandu, permezz tal-obbligi tal-ħajja ta’ kuljum. Jalla l-Mulej iżommkom f’din l-imħabba u f’din ir-rieda.
Dalgħodu nixtieq nafda dawn l-eżortazzjonijiet spiritwali b’mod speċjali lir-rekluti li se jieħdu l-ġurament tagħhom fil-korsa ta’ ċerimonja festuża. Barra minn dan infakkarkom fil-prediċessuri tagħkom: lil xi wħud minnhom kienet mitluba l-offerta tal-istess ħajjithom fit-twettiq ta’ dmirhom. Ejjew nitolbu lill-Mulej li jżomm ‘il bogħod mill-Vatikan il-vjolenza u l-fanatiżmu. Imma d-disponibiltà, biex joffru l-ħajja f’każ ta’ bżonn, tistà tattwa ruħha wkoll fis-servizz tagħkom, u jiġifieri fid-disponibiltà tal-offerta ta’ parti minn ħajjitkom, ftit mill-kumdità abitwali, porzjon ta’ ħinkom, tta’ dak li taqilgħu, tal-esiġenzi tagħkom. “Min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha”, hekk iwegħdna l-Mulej innifsu.
Lill-membri kollha tal-Gwardja Svizzera, lis-Sijuri Kmandanti u lill-Kappillan tal-Gwardja imur ir-ringrazzjament sinċier tiegħi u t-talb tiegħi! Lill-għeżież qraba u lill-mistiedna stmati nestendi t-tislima tiegħi u l-espressjoni tal-istima profonda tiegħi. Diġa minn issa nesprimilkom l-ferħ kbir tiegħi għaliex propju f’dan ix-xahar nistà nżur lil art tewelidkom u f’ċirkustanzi diversi nistà niltaqà mal-fidili kif ukoll maċ-ċittadini kollha. Irrid noffri s-suċċess ta’ dan il-vjaġġ pastorali wkoll għall-impenn tagħkom u għat-talb tagħkom.