Il-konverżjoni tal-qalb hi sinjal ta’ salvazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 16 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tat-tlieta u tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu ngħidu li hu Ġesù stess li jagħtina l-kliem biex nifhmu dan l-episodju sabiħ mill-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 19. “Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva lill-mitluf” (Lq 19:10).

Hu veru li l-Evanġelju jibda bl-interess ta’ Żakkew li jara u jiltaqa’ ma’ Ġesù. Fil-fatt jitla’ fuq siġra tat-tin selvaġġ għax kien qasir, ma setax jara minħabba l-folla u jirnexxilu jara, imma anke Ġesù qed ifittxu. Din xi ħaġa li timpressjonani dejjem. Mhux biss Żakkew li qed ifittex li jara lil Ġesù imma anke Ġesù.

Ġesù fil-fatt, kif jasal ħdejn is-siġra tat-tin selvaġġ, iħares ’il fuq. Interessanti ħafna li Ġesù mill-ewwel isejjaħlu b’ismu, donnu kien jafu. “Żakkew, isa inżel minn hemm” (Lq 17:5). U jistieden lilu nnifsu. Tgħiduli: dan kif jagħmel Ġesù? “Illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 17:5). U għalhekk igemgmu n-nies. X’għarukaża! X’għarukaża ara naqra għand min mar, x’għarukaża! Min jaf kemm-il għarukaża Ġesù qala’ f’ħajtu għad-deċiżjonijiet ċari tiegħu! U għalhekk jipprova jfehimna: “Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva lill-mitluf” (Lq 17:10).

Interessanti li Ġesù jgħid li “fid-dar ta’ Żakkew daħlet is-salvazzjoni” (Lq 17:9). Ngħidu: imma din kif daħlet is-salvazzjoni? Daħal Ġesù. Wara kollox, isem Ġesù jfisser ‘Alla jsalva’. Imma daħlet is-salvazzjoni wkoll għax bil-laqgħa ma’ Żakkew, Ġesù jġiegħel lil dan ir-raġel pubblikan, jiġifieri midneb uffiċjali, pubbliku, kulħadd jaf li hu midneb għax pubblikan minħabba x-xogħol li kellu li jiġbor it-taxxa għar-Rumani, allura kien kważi traditur.

Min jaf kemm-il għarukaża Ġesù qala’ f’ħajtu għad-deċiżjonijiet ċari tiegħu!

U Ġesù jmur għandu, għand dan il-bniedem li kif jgħaddi kulħadd izekzek jew jagħmillu xi sinjal ma tantx hu sabiħ, m’hemmx għalfejn nispjega. Imma Żakkew mhux biss jilqa ’l Ġesù. Innutaw li l-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħid: “Kollu ferħan laqa’ lil Ġesù għandu”. Dawn huma s-sinjali tas-salvazzjoni: il-ferħ. Imma s-sinjal tas-salvazzjoni wkoll huwa l-konverżjoni tal-qalb. “Ara, Mulej,” u jgħidlu, “nofs ġidi se nagħtih lill-foqra u jekk jien qarraqt b’xi ħadd, inroddlu għal erba’ darbiet iżjed” (Lq 17:8). Il-konverżjoni fejn hemm is-serq tfisser li jiena npatti, fejn il-konverżjoni tfisser ukoll li fija nara min hu tal-ikbar bżonn.

U din nixtieq ngħid xi ħaġa hawnhekk għax kultant nisimgħu: dak ħa xi ħaġa li mhix tiegħu, dak jaħdem f’kumpannija ssellef xi ħaġa, imma mbagħad tibqa’ għandu. Ħa ngħid ‘tissellef’ jien. Imma meta mmorru nqerru, imbagħad jekk ikun hemm xi ħaġa li niftakru li ssellifnieha għal dejjem, b’mod speċjali jekk ikunu xi ftit flus u dawn ikunu nfaqqniehom. Imma rridu npattu! Jiġifieri meta nieħu xi ħaġa mhux tiegħi rrid nerġa’ nroddha. Issa jekk mhux possibbli, lis-saċerdot spjegalu u jipprova jagħtik parir kif se tagħmel biex tpatti ta’ dak li ħadt u li mhux tiegħek.

Żakkew jgħallimna għax għamilha mhux ħadt lira u nrodd lira, għax hekk suppost. Dan le, ħa lira, ipatti billi jrodd erbgħa. Għandna ħafna x’nitgħallmu minn Żakkew mhux biss kif tixxabbat mas-siġar u tinżel minnhom b’ħeffa imma li nfittxu ’l Ġesù u meta niltaqgħu miegħu l-konverżjoni tkun ta’ vera.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: 2 Mak 6:18-31
Salm: 3:2-3.4-5.6-7
Evanġelju: Lq 19:1-10

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply