Immaġina ‘l Ġesù jaqbdek minn idek u jerfgħek meta tkun f’diffikultà

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tifkira tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-festa tal-llum li tfakkar lil San Pietru u l-San Pawl tagħtina qari li wieħed jitkellem fuq San Pawl u l-ieħor jitkellem fuq San Pietru. L-ewwel qari li smajna llum hu għażiż ħafna għalina għax hu l-uniku qari matul is-sena fejn tissemma Malta. Aħna l-qari tal-10 ta’ Frar, ovvjament naqrawh kollu u nieħdu pjaċir nisimgħu li “meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” (Atti 28:1). Imma dak il-qari, fil-qari tal-festi u anke matul is-sena, fil-knejjes kollha Kattoliċi, ma jinqara qatt. Jinqara biss, jekk wieħed jagħmel il-qari ta’ din il-festa li mhix obbligatorja, ta’ San Pietru u San Pawl u l-Bażiliċi tagħhom, proprju l-aħħar biċċa, fejn jissemma t-tluq ta’ San Pawl: “Wara tliet xhur tlaqna fuq ġifen li kien għadda x-xitwa fil-gżira ta’ Malta” (Atti 28:1).

Din hi l-konklużjoni tal-Atti tal-Appostli, tal-ktieb li jsemmi wkoll il-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Hemm il-vjaġġ bejn Malta lejn Ruma: Sirakuża, Reggio Calabria, Pozzuoli, imbagħad jasal Ruma u jiltaqa’ “mal-aħwa ta’ din il-belt” (Atti 28:15). Illum nafu wkoll id-dar fejn kien kera Pawlu, u għamel sentejn qabel il-martirju tiegħu; illum jgħidulha San Paolo alla Regola, mhux ’il bogħod mill-Campo de’ Fiori u mit-Tevere, u mhux ’il bogħod minn fejn kienu jgħixu l-Lhud, fejn għadhom jgħixu sal-lum ġewwa Ruma. “Hemm kien jilqa’ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna t’Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bla biża’ u bla tfixkil” (Atti 28:30-31). ‘Bla biża’ u bla tfixkil’, huma l-aħħar kelmiet li nsibu fl-Atti tal-Appostli.

Mentri Pietru nsibuh f’mument ta’ biża’. Jagħmel il-qalb, għax Ġesù jgħidlu, “Ejja” (Mt 14:29), imxi fuq il-baħar  u Pietru jibda mixi imma jibża’ (ara Mt 14:29-30). U dik it-talba sabiħa ta’ San Pietru: “Salvani, Mulej!” (Mt 14:30). Dak il-ġest sabiħ ta’ Ġesù ta’ min niftakruh – il-ġest li jmidd idu u jaqbad lil Pietru mill-baħar. Meta tkun f’mument ta’ diffikultaà immaġina lil Ġesù jaqbdek minn idek u jerfgħek. X’hemm bżonn tagħmel? It-talba ta’ San Pietru: “Salvani Mulej!”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: 1 Mak 2:15-29
Salm: 49 (50):1-2.5-6.14-15
Evanġelju: Lq 19:41-44

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply