Il-mewt – laqgħa ma’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Qegħdin fix-xahar ta’ Novembru. Huwa żmien li jfakkarna fl-erwieħ tal-purgatorju. Niftakru wkoll li xi darba għad irridu mmutu.

Jekk noqogħdu nirriflettu ftit, mill-esperjenza naraw li l-bnedmin kollha jmutu. Qatt ma nstab ħadd li ma mietx. Għalhekk b’dan il-mod il-mewt hija xi ħaġa naturali. Qawl Malti jgħidilna: “B’riħ jew riefnu rridu nsiefru”. Jiġifieri b’ħaġa jew oħra rridu mmutu.

Iżda l-bnedmin kollha jibżgħu quddiem ir-realtà tal-mewt. Forsi wieħed jistaqsi għaliex. Aħna l-bnedmin maħluqin biex ngħixu. Ma ninsewx li l-mewt daħlet frott tad-dnub. Aħna l-bnedmin nintrabtu mad-dinja filwaqt li nibżgħu fuq ix-xorti li ser tmissna wara l-mewt. Ta’ min isemmi li l-biża mill-mewt mhux xi nuqqas ta’ fidi. Anki Sidna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem beża mill-mewt.

Imma permezz tal-fidi naraw il-mewt xorta oħra. Hija twelid ġdid fi Kristu. Kieku ma mmutux ma nistgħux immorru l-ġenna u naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ. Għal bniedem ta’ fidi l-mewt hija laqgħa ma’ Kristu.

Mhux hekk għal min ikun għex ‘il bogħod minn Alla jew  huwa marbut iżżejjed ma’ din id-dinja. Jara l-mewt li ser tifirdu minn dak li ħabb. L-idoli li għamel issa ser jispiċċaw.

Għalhekk matul ħajjitna kollha rridu noħolqu klima li fiha nippreparaw lilna nfusna  biex mmutu. Dan ma jfissirx li noqogħodu niddejju jew ninkwetaw. Infatti San Ġorġ Preca jagħtina dan il-parir. “Aħdem bħallieku ma ser tmut qatt u  aħdem bħalliekiku ser tmut issa”. Għalhekk dan il-parir jagħmilha ċara li fil-ħajja rridu nkunu responsabbli u naħsbu għal għada.

Iżda f’ħajjita rridu nieħdu bis-serjetà l-fatt li xi darba ser niltaqgħu mal-Mulej. Għalhekk ngħixu bi spirtu ta’ fidi, inwettqu d-dmirijiet tagħna, inħobbu lill-proxxmu tagħna filwaqt li nagħtu qima lil Alla permezz tat-talb personali u Liturġiku.

Nagħtu kollox l-importanza li jistħoqqlu. Meta nkunu nagħtu l-ħwejjeġ materjali importanza akbar milli għandhom inkunu qegħdin norbtu qalbna ma’ din id-dinja.

B’hekk meta l-Mulej isejħilna għal għandu jsibna lesti. Ħajjitna trid tkun bħal dik tal-ħames xebbiet għaqlin li kellhom iż-żejt fl-imsiebaħ mixgħulin meta ġie l-għarus.

F’din il-parabbola l-ħames xebbiet għaqlin huma figura ta’ nisrani li jrid dejjem jishar u l-għarus huwa figura ta’ Kristu.

Ejjew ngħixu l-mument preżenti filwaqt nistennew is-siegħa li fiha naraw il-wiċċ għażiż ta’ Kristu.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading