L-Isqof Annetto Depasquale: bniedem ta’ ħafna virtujiet

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 29 ta’ Novembru 2021: Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna għas-Serata kommemorattiva f’għeluq l-10 anniversarju mill-mewt tal-Isqof Annetto Depasquale. Kurja tal-Arċisqof, Floriana.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Knisja, meta trid tapprezza l-umanità ta’ xi ħadd minn uliedha, tħares lejn l-erba’ virtujiet li aħna nsejħulhom il-virtujiet kardinali – m’għandhomx x’jaqsmu mat-ton tal-ilbies jew mat-titli – imma għaliex huma, biex ngħidu hekk, iċ-ċappetti, il-cardines li fuqhom jistrieħ l-bieb tal-ħajja: il-prudenza, it-temperanza, il-qawwa u l-ġustizzja.

Meta tgħid ‘prudenza’ u tgħid ‘Dun Annett’ tista’ tagħmel an equivalence relationship, mhux hekk? Kull fejn hemm Dun Annett timxi l-prudenza li hi l-kapaċità li tiżen, il-kapaċità li tieħu u tagħti parir wara li tkun irriflettejt. Biex ngħidu hekk fil-mitoloġija u fl-ikonografija tal-prudenza hi mara li għandha mera li fuqha tirrifletti l-virtù tal-prudenza.

Għalkemm kultant nisimgħu aneddoti u min jaf kemm għad baqgħalna nisimgħu fuq iż-żelu ta’ Dun Annett, b’mod speċjali li kien iżommu marbut mas-siġġu hawnhekk lil hemm mill-ħin tal-ikel, ilkoll nammirawh ukoll għat-temperanza li kellu, għall-awtodixxiplina. Ilkoll nafuh bħala bniedem rett, magħġun fil-magħsar tad-dixxiplina, tal-kontroll tiegħu nnifsu, tas-sens ta’ qies f’kollox, xi ħaġa li tassew ħalliet memorja sabiħa tiegħu.

Imma hemm ukoll il-virtù tal-qawwa. Smajna diġà aneddoti dwar kemm kien ikun sod fid-deċiżjonijiet tiegħu b’mod speċjali meta ried jimplimenta deċiżjonijiet tal-arċisqof. Ma kienx jidħol f’kompromess. Wieħed mill-aneddoti li jirrakkuntaw hu ta’ kappillan li ġie biex ikellmu fil-ġurnata meta jiltaqa’ l-Kulleġġ tal-Kappillani u Mons. Dun Annett qallu: “Kappillan, illum m’hemmx il-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kappillani?” Qallu: “Iva”. Qallu: “Allura inti mhux suppost qiegħed ħdejn Mons. Arċisqof? Ma nistax inkellmek għax inti mhux suppost qiegħed hawn”. U ma kellmux.

Ħafna drabi r-riġidità dik li forsi tidher kienet qawwa li żgur, kważi persważ, Dun Annett kien jeħtiġilha sforz kważi soprauman għax persuna ġentili, ta’ ċertu sempliċità biex inti tkun sod quddiem l-ilpup u t-tigri, irid ikollok qawwa li ġejja mill-virtù, ma tiġix naturali. Kemm-il darba kellu jitla’ quddiem ħafna qrati biex ikun espert u min jaf kemm iffranka seduti lill-Mons. Arċisqof. Mhux kulħadd ikollu l-istess xorti, imma rrid jiena wara dawn is-snin, napprezza x’bastun kellu fl-Isqof Depasquale, Mons. Arċisqof Mercieca u xi ftit għira għal dil-ħaġa għandi wkoll. 

Ir-raba’ virtù kardinali hi l-ġustizzja. Hu ma kienx biss saċerdot li kellu sens kbir ta’ dak li għandu jieħu kulħadd suum cuique tribuere imma għallimna s-sens ta’ ġustizzja. Għalih meta kont tisimgħu jitkellem fuq il-liġi, inti kont tapprezza li kienet l-għerf u l-għaqal tal-Knisja tas-sekli propju kondensat f’sintesi straordinarja. Allura kont titla’ f’dak l-atteġġjament lejn id-Dritt Kanoniku li hu altament pastorali u li m’hemm l-ebda liġi mingħajr sens għaliex Dun Annett kien jgħallimna s-sens tal-liġi, il-loġika tad-dritt, il-loġika tad-dixxiplina li ħierġa mill-qalb tal-Knisja u allura hi espressjoni tal-imħabba.

Fir-relazzjoni tiegħu ma’ kulħadd, kulħadd kien jieħu dak li ħaqqu u kulħadd kien jaf li jekk tidħol quddiem Dun Annett, se tieħu li ħaqqek. U nimmaġina anke l-isqfijiet, is-superjuri tiegħu kienu jafu, għalhekk inti bniedem bil-qalb titolbu l-parir għax se jgħidlek mhux bilfors dak li għandek jew tixtieq tisma’, imma dak li għandek tisma’: is-sens ta’ ġustizzja anke fir-rispett tal-verità. U flimkien ma’ Mons. Mercieca bata meta l-Knisja kellha tiġġieled ġlidiet ħarxa b’sens ta’ ġustizzja għal-libertà reliġjuża tagħha. U Mons. Mercieca f’Dun Annett sab dejjem alleat fidil kif qal Mons. Gouder ‘senza chiasso, ma con grande efficacia‘.

Dun Annett kien jgħallimna s-sens tal-liġi, il-loġika tad-dritt, il-loġika tad-dixxiplina li ħierġa mill-qalb tal-Knisja u allura hi espressjoni tal-imħabba.

Imma aħna nammiraw ukoll Dun Annett mhux biss bħala bniedem, li allura fih dehru l-virtujiet kardinali, imma wkoll il-virtujiet teologali. L-atteġġjament tiegħu lejn Alla anke meta tisimgħu jitkellem dakinhar tal-konsagrazzjoni episkopali tiegħu hu kliem ta’ bniedem ta’ fidi, bniedem li kellu relazzjoni konkreta, diretta, bniedem li jgħix fil-preżenza ta’ Alla. U dil-ħaġa li meta jkun fil-vjaġġi jitkellem u jagħti lezzjoni qasira sirt nafha wkoll mis-Sur George Baldacchino, għax ukoll jgħid: “Meta kont inwasslu kien jagħmilli xi lecture żgħir, dejjem fuq xi punt”, jiġifieri kien għalliem li baqa’ jgħallem imma jikkomunika l-fidi li kellu, din ir-relazzjoni ta’ mħabba lejn Alla u semma wkoll il-Madonna. Innutajtu dik il-ħaġa li mill-ġenituri ma tgħallimx biss l-imħabba lejn Alla, immedjatament isemmi: “u l-Madonna”.

Kien bniedem ta’ tama l-ewwel nett għaliex kellu jgħix fi żmien li l-Knisja kellha bżonn ħafna tama, iż-żmien tal-Konċilju mimli tama imma mbagħad kien l-arkitett, flimkien ma’ nies oħrajn, diversi saċerdoti li huma ġganti fl-istorja tal-Knisja f’Malta fis-seklu 20, tar-risposta tal-Knisja Maltija għall-Konċilju Vatikan II. Nistgħu ngħidu li mhux hu biss, imma hu kien arkitett prinċipali ta’ dawk il-qafas ta’ strutturi, ta’ liġijiet, ta’ normattiva, ta’ statuti. Min jaf kemm ikkoreġa, kemm għamel digrieti biex l-Arċisqof Mercieca jkun jista’ jħaddem ir-rieda tal-Knisja wara l-Konċilju Vatikan II b’kompetenza kbira, maestrija li Malta jibqgħu eżempju għall-Knisja kollha. Kien imfittex għall-pariri mhux biss Malta imma anke barra. Bniedem ta’ tama anke fil-mumenti tad-dgħufija u tal-mard, bniedem li ma tilifx is-sejħa tiegħu li joffri ruħu u dak hu prova ta’ tama Nisranija, li inti meta jiġi l-mument ta’ prova, la tabbanduna ruħek għal frustrazzjoni u għar-rabja imma tibqa’ tissielet anke fl-umiljazzjoni, anke fil-mument li inti u ġġorr is-salib tal-episkopat ikollok ukoll iġġorr is-salib tal-mard.

Kien bniedem ta’ mħabba għal Alla. Alla kien l-ewwel fil-post ta’ Dun Annett. Din hi xi ħaġa li nixhduha b’mod intuwittiv u istintiv. Imma l-imħabba ta’ Alla, li ma jidhirx, ma tistax tinfired mill-imħabba għall-bniedem “Jekk inti ma tħobbx lil ħuk li jidher, kif tista’ tgħid li tħobb lil Alla li ma jidhirx?” U Dun Annett bil-lealtà tiegħu lejn il-Knisja imma wkoll bl-intelliġenza emottiva tiegħu, kien jara f’kull persuna x-xbieha sabiħa tal-Mulej b’mod l-iżjed konkret. U anke fl-imħabba tiegħu lejn l-isqfijiet li serva, lejn is-saċerdoti, lejn tant nies, lejn anke nies li inkwetawh dawk li kienu vittma tal-pika f’qalbhom, nafu kemm kien jinkwieta b’din il-ħaġa. Hu wera dejjem imħabba anke meta kellu bżonn ikun ftit ċar u iebes. Dilexit ecclesiam – ħabb il-Knisja b’mod konkret mingħajr ħafna fanfarunati u fanfarri imma ħabb il-Knisja.

Wara kollox, nimmaġinah quddiem Ġesu, hu u jgħix l-episkopat tiegħu, jisma’ l-Kelma tal-Mulej lil Pietru: “Tħobbni int?” “Mulej, inti taf li nħobbok” “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21:15). U għad-domanda li saret: x’inhu l-pass li jmiss? Inħoss li b’dak li għedt fuq il-prudenza, it-temperanza, il-qawwa u l-ġustizzja, u l-virtujiet teologali tal-fidi, tat-tama u l-imħabba f’Mons. Annetto tajt l-ewwel abbozz tar-risposta.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

One thought on “L-Isqof Annetto Depasquale: bniedem ta’ ħafna virtujiet”

  1. Kien id direttur spiritwali tal legion of Mary f Hal Qormi fi presidium taz zghazagh. Konna 3 tfajliet teachers u jien skrivana ghawdxin . Kien sacerdot tar rispett per eccelenza. Qalbu tajba u jghin. Kien sacerdot pozittiv u serju. Kien ihobb il Madonna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading