Ktieb ġdid ta’ Patri Elija Vella dwar iż-żwiġijiet

Print Friendly, PDF & Email

… jagħti l-ingredjenti essenzjali li jwasslu

għal ħajja miżżewġa f’saħħitha u mogħnija

Id-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Reliġjon u Ħajja, għadha kemm ippubblikat il-ktieb Tlugħ il-muntanja taż-żwieġ ta’ Patri Elija Vella. Dan il-ktieb jagħti lil min se jaqrah l-ingredjenti essenzjali li jwasslu għall-ħajja miżżewġa f’saħħitha u mogħnija.

Fih, Patri Elija jelabora l-elementi ewlenin: l-imħabba, ir-rispett, il-fedeltà u s-servizz bil-qalb fir-relazzjoni tal-koppja miżżewġa.

Il-ktieb hu maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tgħinna nifhmu ż-żwieġ bħala Sagrament u xi jfisser li jkollok żwieġ ibbażat fuq Kristu. Fl-espożizzjoni tiegħu dwar dan l-aspett, l-awtur jgħin lil dak li jkun jifhem li waqt li l-individwu jibqa’ uniku u oriġinali u ma jitlifx l-identità tiegħu, hu jibqa’ japprezza s-sbuħija tal-‘jien intern’ u, konsegwentement, isir rigal lill-parti l-oħra. Hu jenfasizza li komunikazzjoni tajba hi parti essenzjali fir-relazzjoni tal-koppja. “Dan hu preċiżament il-qasam tat-taqtigħa tal-koppji tal-lum li huma mgħobbija bl-iskedi tqal ħalli jsegwu u jlaħħqu maż-żminijiet mogħtija lilhom biex ilaħħqu xogħolhom”, jgħid Patri Elija.

Fit-tieni parti nsibu linji gwida pastorali li jippermettu lil dak li jkun isolvi l-bosta sitwazzjonjiet imħawdin u konfliġġenti li jitqanqlu b’mod speċjali minn dawk li ma jkunux irċivew tagħlim u tagħrif biżżejjed qabel iż-żwieġ u li ma jkunux fehmu t-tifsira ċentrali ta’ impenn għal għomorhom.

L-ewwel parti: is-sbuħija u l-qawwa taż-żwieġ Nisrani u t-tieni parti: kif ngħixu u nħobbu fiż-żwieġ fihom 22 kapitlu li jittrattaw bejniethom 84 suġġett u, allura, qed jiġu enfasizzati ħafna ħwejjeġ. “Mhux faċli li tgħix ideal”, jammetti Patri Elija stess, “iżda wieħed għandu dejjem iżomm ħajja l-viżjoni u l-ħolma ta’ żwieġ ideali u tal-familja”.

Fil-ktieb Tlugħ il-muntanja taż-żwieġ, Patri Elija jittratta argumenti attwali bħall-adulterju, il-pornografija, it-taħwid tal-ġeneru, id-divorzju, is-separazzjonijiet u l-annullament u joffri wkoll soluzzjonijiet għal dawk li jixtiequ jsibu l-paċi, il-fejqan u l-istabbilità fir-relazzjoni tagħhom.

Għal dawk li għad iridu jiżżewġu wieħed isib it-tagħrif realistiku li għandu jkollhom qabel ma fil-fatt jidħlu għaż-żwieġ. Hemm mhux biss eżempji mill-Kelma ta’ Alla iżda wkoll esperjenzi mill-ħajja reali ta’ koppji li saru jafu lil Patri Elija u ħadmu miegħu. “B’dawramejt sempliċi jista’ jkollna l-possibbiltà li nerġgħu lura għand il-Mulej u għand xulxin”, jgħid l-awtur li, b’ħila, jippreżenta l-isfidi li kull stadju tal-ħajja joffrilna u jħallina b’ħafna ħsibijiet x’nomogħdu.

Hu jagħmel aċċenn speċifiku għat-“Teoloġija tal-Ġisem” tal-Papa Ġwanni Pawlu II li jwassalna biex nirriflettu dwar it-tifsira vera tal-ġisem u tas-sesswalità umana tagħna. Qasam li fl-imgħoddi ngħata l-ġenb.

Fid-daħla tiegħu għall-ktieb Patri Elija jgħid li bil-qari ta’ dan il-ktieb wieħed jesplora l-għaqda kbira taż-żwieġ, misteru fiha nfisha, vjaġġ li jkun xi jkun jixbaħ muntanja li rridu nitilgħu. Jgħid ukoll li l-interess tiegħu hu iżjed li jilħaq lil dawk il-koppji li jibdew jaqtgħu qalbhom minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. Hu għalhekk ġabar xi ħsibijiet li jistgħu jservu ta’ għajnuna immedjata lill-koppji li jixtiequ jagħmlu mixja mal-Mulej. Hi l-intenzjoni tiegħu li jiskopri mhux biss l-isfera tas-Sagrament taż-Żwieġ iżda wkoll dik tal-komunikazzjoni fiż-żwieġ u l-familja.

“B’dan il-mod inkunu kapaċi nġibu bidla fil-ftehim taż-żwieġ u tal-familja. Dan hu bla dubju ta’ xejn vjaġġ li ma jistax jittieħed qisu mhu xejn. Vjaġġ li jdum ħajja”, isostni l-awtur.

“Il-ħajja taż-żwieġ hi vjaġġ u wieħed għandu dejjem jimxi ’l quddiem kemm hu possbbli, skont iċ-ċirkostanzi u s-sitwazzjonijiet li fihom isib ruħu. Wara kollox, hu ovvju li ż-żwiġijiet u l-familji kollha huma differenti imma rridu nagħmlu l-parti tagħna.

“Ilkoll għandna s-sitwazzjonijiet partikolari tagħna u, naturalment, ebda sitwazzjoni mhi ideali. Dak li hu importanti hu li nippruvaw nagħmlu l-parti tagħna. Tista’ tagħmel biss dak li hu fil-poter tiegħek li tagħmel. Jista’ jkun li ma ssibx il-koperazzjoni meħtieġa mis-sieħeb jew mis-sieħba tiegħek iżda dak il-ftit li int tista’ tagħmel, agħmlu”, ikompli l-awtur.

Patri Elija jgħid li “ma jirnexxilekx issolvi l-problemi kollha iżda jekk ma tagħmilx il-parti tiegħek biex issolvihom, allura int stess issir parti mill-problema”.   

Il-ktieb Tlugħ il-muntanja taż-żwieġ qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex u mill-ħwienet tal-kotba ewlenin għall-prezz ta’ sitt ewro.

Riċensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: