Ippubblikat ‘Annetto Depasquale – Wirt għażiż tal-Knisja f’Malta’

Print Friendly, PDF & Email

Ġabra ta’ rakkonti, ritratti u kitbiet fl-10 sena mill-mewt tiegħu

Il‑ktieb Annetto Depasquale – Wirt Għażiż tal‑Knisja f’Malta tnieda fl‑10 anniversarju mir‑ritorn tal‑Isqof Annetto Depasquale fid‑Dar tal‑Missier. It‑tnedija saret waqt serata kommemorattiva fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna fil‑preżenza tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, u għadd ta’ qraba, saċerdoti u eks kollegi tal‑Isqof Depasquale. Qabel it-tnedija tal-ktieb, l‑Arċisqof Scicluna ċċelebra quddiesa fil‑Kurja stess, b’suffraġju għal ruħ l‑Isqof Depasquale li miet fid-29 ta’ Novembru 2011.

Il‑pubblikazzjoni ta’ madwar 300 paġna tinkludi 32 paġna ta’ ritratti, profil bijografiku,  24 rakkont differenti ta’ nies li jiftakruh u li ħadmu miegħu f’ambjenti differenti, u diversi kitbiet tal‑Isqof Depasquale li qed jiġu ppubblikati għall‑ewwel darba. Fi kliem l‑edituri tal‑ktieb, Mons. Anton Gouder u Dun Kevin Schembri, din il‑pubblikazzjoni “mhix bijografija ta’ Mons. Depasquale imma aktar minn hekk hija tifkira tal‑persuna tiegħu u tal‑wirt għażiż ta’ ħajtu u ta’ ħidmietu”.

Fil‑messaġġ tiegħu waqt it-tnedija, l‑Arċisqof Scicluna ddeskriva lill‑Isqof Depasquale bħala bniedem li se jibqa’ mfakkar għall‑għerf u l‑prudenza tiegħu, l‑awtodixxiplina, l‑umiltà u r‑rettezza, is‑sens kbir ta’ ġustizzja, kif ukoll għall‑qalb kbira li kellu għall‑Poplu ta’ Alla. L-Arċisqof qal li “Alla kien fl‑ewwel post għal Dun Annett, imma l‑imħabba lejn Alla li ma jidhirx ma tistax tinfired mill‑imħabba għall‑bniedem. Dun Annett, bil‑lealtà tiegħu lejn il‑Knisja imma wkoll bl‑intelliġenza emottiva tiegħu, kien jara f’kull persuna x‑xbieha sabiħa tal‑Mulej b’mod l‑iżjed konkret”.

L‑Isqof Annetto Depasquale, li kien magħruf bħala Dun Annett, twieled Ħal Qormi fit‑28 ta’ Ġunju 1938 u ġie ordnat saċerdot fl‑1962. Huwa sar Vigarju Ġenerali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta f’Novembru tal‑1989, u ġie kkonsagrat isqof fit‑2 ta’ Jannar 1999 mill‑Ariċsqof Ġużeppi Mercieca. L‑Isqof Depasquale miet fl‑2011 fl‑età ta’ 73 sena.

Il‑ktieb, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin, jista’ jinxtara online u fil‑jiem li ġejjin ser ikun disponibbli mill‑Kurja tal‑Arċisqof u mill‑ħwienet tal‑kotba ewlenin.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: