Omm beltna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa f’Jum il-Familja. Kolleġġjata Immakulata Kunċizzjoni, Bormla.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Int Marija l-isbaħ ġawhra, Inti l-Omm ta’ din il-belt”. Dan hu l-kliem sabiħ tal-Innu ‘Omm Beltna’, li intom tkantaw b’ferħ u b’għożża f’din il-parroċċa. Hu innu li jenfasizza l-preżenza ta’ Marija f’din il-belt iddedikata lilha.

Fl-Evanġelju tal-lum għadna kif smajna ġrajja speċjali fil-ħajja ta’ Ġesù fejn hi enfasizzata l-preżenza ta’ Marija. Hemm sentenza speċjali f’din il-ġrajja li tgħid hekk: “Omm Ġesù kienet hemm”. L-Evanġelju jenfasizza l-preżenza ta’ Marija f’Kana tal-Galilija u, kif naqraw, il-preżenza tagħha tagħmel id-differenza kollha f’din il-ġrajja u fil-ħajja ta’ din il-familja li kienet għadha kif bdiet, qed tiċċelebra jum iż-żwieġ tagħha.

Għandi nifhem li meta tgħidu ‘Omm Beltna’, intom tridu l-istess għal din il-belt: jiġifieri li Marija tkun preżenti hawn f’din il-belt, u li l-preżenza tagħha tagħmel id-differenza kolha fil-ħajja tal-familji hawnhekk f’din il-parroċċa. Nixtieq nistedinkom tirriflettu b’liema mod Marija Ommna tista’ tagħmel id-differenza.

Belt li hi żona ħielsa

L-ewwel nett, il-kliem tas-Salm li għadna kif tlabna: “Inti l-ġieh tal-poplu tagħna”. Huwa kliem attribwit lil Marija, fejn ngħidu: Imbierka int, il-bnedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk! Marija tkun Ommna tassew meta aħna nsejħu b’qima l-isem imqaddes tagħha, u nirrepetu ta’ sikwit: “Imbierek l-isem ta’ Marija Verġni u Omm”.

Intom tafu kemm l-isem ta’ Marija hu mkasbar; tista’ tgħid hi l-aktar li taqlagħha mill-Maltin. Hi ħasra, hi tebgħa fuq is-soċjetà tagħna. Hawn min ma jirrealizzax li qed joffendiha, forsi jintebah wara; u hawn min mhux biss joffendiha, imma jieħu pjaċir iqiegħed l-offiżi lilha fuq il-media soċjali, qisu qed jagħmel xi bravura.

Nistedinkom, intom li Marija hija l-isbaħ ġawhra, l-Omm ta’ din il-belt, biex tkunu minn ta’ quddiem li bi kliemkom tfaħħru lil Marija, tagħtuha ġieh. Fil-familja, mindu t-tfal għadhom żgħar ħafna, għallmu dan it-tifħir tal-isem ta’ Marija. Nistedinkom taħdmu ħalli Cospicua tkun żona ħielsa mill-offiżi lill-Madonna. Dan ikun żgur l-ikbar ġieh li intom tistgħu tagħtuha. Għalhekk meta fl-okkażjoni tal-festa, bħalma qed nagħmlu llum f’Jum il-Familja, nagħtu ġieh lil Marija, ejjew naħdmu ħalli dan ikun l-istil tal-ħajja fil-familji, li dejjem nagħtu ġieh lil Marija u ngħidu “ikun imbierek l-isem ta’ Marija”.

Belt li tgħożż il-ħajja

Marija Immakulata Kunċizzjoni tgħallimna l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Intom illum ġibtu t-trabi li twieldu din is-sena, u t-tfal żgħar, u qed tagħmlu ħaġa verament sabiħa. Ibqgħu ċerti li l-Mulej jifraħ meta jarahom hawnhekk fil-knisja. Bħalma qed tagħmlu llum, nistedinkom biex tkomplu tagħmlu dejjem: li ġġibuhom hawn. Kultant ikun hawn min jinkwieta, għax xi ħadd mit-tfal jgħajjat u l-oħra twerżaq. Imma isbaħ ikunu hawn u jagħmlu hekk, milli ma jkunux fil-knisja. Aħna għandna nieħdu gost meta nisimgħu lil xi ħadd, anke jekk iwerżaq jew jgħajjat, imma li jkun hawn preżenti, għax il-Mulej jixtieqhom ikunu hawn, bħalma qal “ħallu t-tfal iż-żgħar jiġu għandi”.

Dawn ifakkruna li l-ħajja hi ta’ min jgħożżha. Hawnhekk f’din il-belt, għandkom raġuni speċjali għalxiex tkunu minn ta’ quddiem favur il-ħajja. Intom tiċċelebraw il-Kunċizzjoni, kelma li tfisser it-tnissil; u tiċċelebraw li Marija mhux biss twieldet mingħajr dnub imma kienet mingħajr dnub sa mit-tnissil tagħha. Kull darba li tiċċelebraw il-Kunċizzjoni, intom qed tistqarru fil-beraħ li l-ħajja tibda mat-tnissil u għandha tkun protetta mat-tnissil. Intom ma tiċċelebrawx hawnhekk numru ta’ “ċelloli immakulati” li mbagħad f’xi ħin saru Marija Immakulata, imma tiċċelebraw bir-raġun lill-Kunċizzjoni, Marija, li mhux biss twieldet imma li tnisslet mingħajr tebgħa.

Nistedinkom, għalhekk, tkunu fuq quddiem bħala komunità li tgħożż il-ħajja, u biex is-soċjetà kollha tagħmel deċiżjonijiet li jkunu favur il-ħajja.

Belt li tħaddan is-sabiħ

Marija Immakulata tfakkarna dejjem f’dak li hu sabiħ, dak li jibni lill-familja b’mod sabiħ. Marija tagħtina fl-Evanġelju l-aqwa parir, meta lill-qaddejja tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Dan hu l-kliem li fit-tieġ ta’ Kana qalet, hu l-aħħar kliem li nsibu ta’ Marija fl-Evanġelju, u hu l-kliem li jurina s-sigriet biex il-ħajja tal-familja tkun tassew ħajja sabiħa, ukoll qalb id-diffikultajiet u l-isfidi li jeżistu llum. Hu l-kliem li jgħaqqad ma’ dak li smajna fil-Ktieb tal-Għerf: “Min jisma’ minni ma jitħawwadx”.

Nistedinkom biex fil-ħajja tal-familja tagħkom tkabbru dawk il-valuri li Marija għexithom b’mod hekk sabiħ, u li jsemmi San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: l-imħabba, is-sabar, il-maħfra, il-paċi. Papa Franġisku jfissirhom b’mod tajjeb ħafna fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu fuq il-ferħ tal-imħabba, Amoris Laetitia, li ħareġ ħames snin ilu. Dawn huma ix-xtieli li għandna nkabbru u li fil-familja jsibu l-aħjar ambjent biex jikbru. Lilhom għandna nkabbru u nsaqqu fil-familja, lilhom għandna nuru lit-tfal sa meta għadhom żgħar biex jieħdu ħsieb. Dawn huma l-valuri li fil-familja tista’ tgħixhom b’mod hekk sabiħ u tikber fihom.

San Pawl jgħid ukoll lir-Rumani: “taħmlux il-ħażen, żommu mat-tajjeb” u jerġa’: “tħallix il-ħażin jirbħek iżda irbaħ il-ħażin bit-tajjeb”. Jalla l-familja tkun il-post fejn aħna nitgħallmu nwarrbu l-ħażin u nagħżlu t-tajjeb. Mhux li naħbu dak li hu ħażin u li hu ta’ dannu, jew ngħattuh biex ma jidhirx, imma li nwarrbu l-ħażin. Żgur li Marija mnissla mingħajr ħtija tista’ tgħinna ħafna f’dan.

Nitolbu lil Marija Immakulata Kunċizzjoni biex tħares il-familji ta’ din il-parroċċa, it-tfal tagħna, speċjalment f’din il-belt għażiża. Nagħmlulha talba speċjali għat-trabi li twieldu din is-sena u għall-familji li qed jiċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom, u nitolbuha tberikna lkoll u tħarisna, hi li hi l-isbaħ ġawhra, l-Omm ta’ din il-belt.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: