Mid-deżert jasal messaġġ qawwi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 5 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-2 Ħadd tal-Avvent. Parroċċa tal-Lunzjata, Ħal Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Forsi ftit nindunaw, meta naqraw din is-silta mill-Evanġelju skont San Luqa, il-messaġġ qawwi li hemm fl-ewwel biċċa, meta smajna dawk il-ħafna ismijiet. Hawnhekk San Luqa qed jgħid fuq nies li storikament kienu jeżistu, u qegħdin fil-kotba tal-Istorja, għax kienu nies hekk imsejħa “importanti”, nies li kellhom il-poter. Għalhekk isemmi lil min kien jaħkem fuq il-post kollu, u anke lil min kellu poter fuq ċerti oqsma partikulari. Isemmi wkoll ma’ dawn l-Uffiċċju tal-Qassis il-Kbir u min kien dak iż-żmien responsabbli. Imbagħad jgħid: “il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija fid-deżert”.

Dan il-kuntrast qawwi ħafna drabi ma nindunawx bih meta naqraw din is-silta. Qed jgħid: dawk in-nies kollha hekk imsejħa “importanti” kellhom il-poter – poter ċivili u poter reliġjuż. Imma s-sejħa minn Alla lil min ġiet? Mhux lil xi ħadd minn dawn, imma lil Ġwanni fid-deżert. Mal-ewwel għandna dan il-messaġġ importanti għall-ħajja tagħna, li filwaqt li aħna nehdew nitkellmu, ħafna drabi, fuq min għandu l-poter u s-saħħa fis-soċjetà, Alla ma jirraġunax b’dal-mod biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Ħafna drabi hu jagħżel nies ta’ ħajja ordinarja, umli, u permezz tagħhom iwassal il-messaġġ tiegħu. Alla mhux marbut man-nies li aħna nsejħu “importanti”, imma hu jagħmel importanti lin-nies li jagħżel hu, għax jagħtihom li permezz tagħhom jasal il-messaġġ tiegħu.

Leħen fid-deżert

Dan l-Evanġelju jgħid xi ħaġa hekk qawwija fuq Ġwanni l-Battista, u nixtieq li nieqfu fuq din is-sentenza għax fiha messaġġ tajjeb ħafna għalina fi żminijietna. L-Evanġelju jikkwota l-Profeta Isaija: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Nixtieq li naraw dawn iż-żewġ punti li jsemmi fuq Ġwanni l-Battista.

L-ewwel nett, Ġwanni l-Battista min kien? “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert”. Huwa hekk għax kien fid-deżert li kien jaqdi l-missjoni tiegħu. Kien jgħajjat mhux b’rabja imma biex in-nies jisimgħuh u biex jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu. Imma meta jgħid “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert”, mhuwiex biss għall-post fejn kien jiltaqa’ man-nies, imma wkoll għax il-messaġġ tiegħu għal ħafna kien qisu ta’ xi ħadd jgħajjat fid-deżert, xi ħadd waħdu. Mhuwiex messaġġ ta’ ħafna min-nies, mhuwiex messaġġ tal-awtoritajiet, imma messaġġ ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.

Dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Aħna kultant nistgħu nsibu ruħna, biex ngħixu tassew il-fidi tagħna, bħal “leħen jgħajjat fid-deżert”. Jiġifieri, fejn ma nkunux nistgħux inserrħu fuq l-oħrajn, għax l-oħrajn ta’ idea differenti, u l-messaġġ li aħna nwasslu jkun bħal leħen fid-deżert. Kultant jiġri lill-Knisja stess meta twassal il-messaġġ tagħha, imma jista’ jiġri wkoll lil kull wieħed u waħda minna meta ngħixu l-missjoni tagħna.

Ħu, per eżempju, l-enfasi li nagħmlu fuq il-protezzjoni tal-ħajja, u tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Tista’ tkun qalb nies li jgħidulek “din ma tfisser xejn għalija”, u tkun bħal leħen fid-deżert. Imma hu importanti li l-valuri tagħna aħna nwassluhom anke meta aħna leħen jgħajjat fid-deżert. Dak li nemmnu u li nwasslu ma jiddependix fuq x’qed jaħseb dak li hu maġenbi, jew l-oħrajn, jew fuq x’qed jasħbu l-parti l-kbira tan-nies – ma jiddependix minn hekk. Aħna nafu li mhux bilfors dak li jaħsbu l-parti kbira tan-nies ikun tajjeb. Imma fuq kollox irridu nkunu fidili lejn dak li jrid minna l-Mulej, u l-fedeltà tagħna hija lejh.

Semmejt ir-rispett lejn il-ħajja; jista’ jkun ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna, hi min hi, ta’ liema lewn hi, ta’ liema razza hi, anke jekk l-oħrajn jitkellmu differenti fuq dawn in-nies. Jista’ jkun għax nimxi b’mod onest, u ma nfittixx li nqabbel fejn jaqbel, u forsi l-oħrajn madwari jagħmlu differenti u għalhekk inkun bħal leħen jgħajjat fid-deżert. Din hi s-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, u permezz ta’ Ġwanni l-Battista jurihielna b’mod ċar, li aħna għandna nkunu, fejn meħtieġ, leħen jgħajjat fid-deżert.   Basta li ngħajtu jkun għal dak li hu sewwa, għal dak li hu veru, għal dak li hu xieraq, għal dak li l-Mulej irid minna.

Niddrittaw il-mogħdijiet

Imbagħad jgħid: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Hawn, bil-mod li jitkellem, in-nies kienu jifhmuh sew. Meta jgħid li kull wied jimtela, kull għolja titbaxxa, hekk kienu jagħmlu meta jiġi xi ħadd minn dawk li ssemmew qabel, mill-kbarat, għaż-żjarat. Kienu jippreparaw it-triq biex jistgħu jgħaddu b’mod tajjeb. Maż-żmien żammejnieha aħna tul is-snin li nippreparaw it-toroq u nirranġawhom aħjar meta jkun ġej xi ħadd “importanti”.

Imma hawn qed jgħid mhux għal dak li kienu qed jagħmlu huma, imma għal dak li jrid isir fil-qalb, meta jgħid: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Hi sejħa għal dak li hemm bżonn ġewwa, f’qalbna, fejn hemm bżonn niddrittaw il-mogħdijiet; il-muntanji nbaxxuhom, is-suppervja tagħna; il-widien, il-ħofor nimlewhom. Jitkellem b’mod figurattiv biex dak li hemm bżonn issir minn ġewwa jsir aħjar biex tassew nistgħu nilqgħu lil Ġesù f’qalbna.

Nitolbuh għalhekk din il-grazzja għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li aħna nkunu dejjem fidili lejh, anke meta nkunu kultant qisna leħen li jgħajjat fid-deżert. It-tieni, biex naraw tassew dak li hemm bżonn isir aħjar f’ħajjitna, ħalli nkunu tassew imħejjijin biex hu jista’ jgħix f’qalbna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: