Nitolbu lill-Familja Mqaddsa biex tiddefendi lil uliedna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 26 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. Katidral ta’ San Pawl, Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għandna espressjoni aħna l-Maltin u l-Għawdxin: ‘għamel xi ħaġa tinkiteb’ u din hi waħda mill-affarijiet li għamel Ġesù u li nkitbu għax insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa. Ta’ 12-il sena mill-għajn tal-ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, jagħmel ta’ rasu. L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù “baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu” (Lq 2:43). Min jaf kemm-il darba għamilna hekk aħna, aħna u nikbru? Nagħmlu xi ħaġa u l-aħħar li jkunu jafu l-ġenituri tagħna. Forsi jkunu jafu l-ħbieb, forsi jkun jaf xi ħadd li qed isegwina fuq is-social media llum, imma mhux bilfors ommok u missierek.

Ta’ 12-il sena t-tifel Lhudi kien jista’ jibda jieħu sehem fil-ħajja tas-sinagoga. Is-sinagoga kienet il-post fejn jiltaqa’ l-poplu Lhudi jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jitlob. Ġesù kien iħobb imur kull nhar ta’ Sibt is-sinagoga. Kien ġej minn familja ta’ Marija u Ġużeppi li kienu jsegwu wkoll il-liġi tal-Mulej. “Ta’ kull sena,” jgħidilna l-Evanġelju ta’ San Luqa llum, “il-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid” (Lq 2:42). Kienet familja li kibret taħt id-dell tal-liġi u kienet tosserva l-liġi tal-Mulej. Nimmaġinawha familja ta’ xogħol, familja ta’ talb, familja ta’ karità, familja li kienet ukoll magħrufa Nazaret għall-eżempju sabiħ tagħha. Wara kollox x’nistgħu ngħidu meta għandek familja magħmula minn Marija, minn Ġużepi u mill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem?

Imma anke f’din il-familja ċkejkna u għażiża jasal il-mument tal-kriżi meta l-ġenituri jirrealizzaw li t-tifel għandu x-xewqat tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu, u l-pjanijiet tiegħu. Ma tistax, kif ngħidu bil-Malti: ‘tpoġġih ġo bozza’ jew torbtu b’xi katina, imqar tkun tad-deheb u d-djamanti. Għandu l-ħajja tiegħu.

Il-Papa Franġisku, meta tana d-dokument sabiħ ħafna fuq San Ġużepp ‘B’qalb ta’ Missier – Patris Corde’, u l-kobor tal-paternità tiegħu, li ma kinitx paternità fil-laħam għax Ġesù twieled minn Marija verġni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ġużeppi ma kienx il-missier naturali ta’ Ġesù imma kien dak magħżul biex ikun missieru quddiem il-liġi u quddiem il-poplu u jieħu ħsiebu bil-qawwa u bl-awtorità ta’ missier.

Il-Papa meta jitkellem fuq l-awtorità ta’ Ġużeppi, fuq Ġesù – jgħid ħallieh jikber, ma rabtux b’xi katina miegħu, ħallih jikber. Ħa ħsiebu u bata ħafna biex jieħu ħsieb lil Ġesù. Il-Mulej jgħidilna wkoll li mhux se joqgħod jagħmel miraklu kull darba biex isalvana. Il-Papa jgħidilna: kif salvah lit-tifel il-Mulej, il-Missier minn Erodi, u mill-perikli kollha, mit-tħaġġir meta kien għadu fil-ġuf ta’ ommu? Afdah f’idejn Ġużeppi.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għalhekk mhix żgħira għax il-Mulej jieħu ħsiebna mit-tnissil u aħna qegħdin nikbru permezz tal-ġenituri tagħna. Illum fil-festa tal-Familja Mqaddsa nitolbu ħafna għall-ġenituri. Hawn min jgħidlek: din li tkun ġenitur ma kontx naf xi tfisser, kemm trid tħokk rasek, apparti li juġgħak l-but ukoll għax dak wieħed minn dawk li jweġġgħu l-but meta jkollok ’l ulied. Imma kultant tweġġa’ wkoll il-qalb. Isimgħu lil Marija x’tgħidlu lil Ġesù: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2:48), Issa dan fil-familja ta’ Nazaret, fil-Familja Mqaddsa qed nagħmlulha festa llum, imma l-Familja Mqaddsa kellha wkoll il-mumenti ta’ paċi, ta’ ferħ imma wkoll l-mumenti ta’ qsim il-qalb. Liema familja, għiduli intom, ma jkollhiex minn dan is-semm, il-mumenti ta’ ferħ imma wkoll il-mumenti tan-niket, ta’ umiljazzjoni, ta’ qsim il-qalb?

X’kien għamel Ġesù? Ġesù ta’ 12-il sena seta’ jibda jieħu sehem hu, mhux biss jisma’.  Immaġina Ġużeppi kien jieħdu s-sinagoga ta’ Nazaret joqogħdu ħdejn l-irġiel u jieħdu u jista’ jisma’. Imma issa ta’ 12-il sena jista’ jitkellem, jistaqsi, jaqra wkoll xi ħaġa kif tgħallem. U ħa pjaċir li seta’ jkun protagonist. U jibda jirrealizza li hemm missieru ta’ did-dinja, Ġużeppi, imma x’jgħidlhom? “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li għandi jien wkoll inkun f’dak li hu ta’ missieri?” (Lq 2:49). Issa dan il-kliem li qal, Marija u Ġużeppi ma fehmuhx.

Imma Marija baqgħet taħseb fuq dak li qal Ġesù (ara Lq 2:52). Mela qiegħed quddiem missieru Ġużeppi u qed jitkellem fuq missier ieħor, il-Missier li l-kelma tiegħu tinqara fit-tempju, fis-sinagoga. Il-Missier li d-dar tiegħu hi kullimkien imma li t-tempju hu t-tempju tal-Muej, ta’ Missieru.

U jerġa’ jiġi Nazaret u jobdihom (Lq 2:50). L-Evanġelju ta’ San Luqa, għalkemm jikteb din il-bawxata ta’ Ġesù, l-ewwel darba li hemm differenza bejn missier li hu Ġużeppi u Missier li hu fis-sema għal Ġesù. Jgħid li kien jobdihom u kien joqgħod għalihom f’kollox. Baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja (Lq 2:52).

Aħna din hi t-talba għaż-żgħażagħ tagħna għax ta’ 12-il sena ż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-Griżma. Uħud minnhom jiġu għall-Griżma imma mbagħad biex tarahom il-Knisja, jekk tarahom b’nemes, kif ngħidu bil-Malti. Anzi Ġesù ta’ 12-il sena ħa pjaċir jibqa’ fit-tempju. Ta’ min naħsbu fuqha din b’mod speċjali dawk li għamlu l-Griżma jew se jagħmlu l-Griżma għax l-istess età ta’ 12-il sena. Imma hu li issa adolexxent kellu din il-grazzja, kellu omm u missier jieħdu ħsiebu, baqa’ jikber fil-għerf, fis-snin, fil-grazzja.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri għalhekk mhix żgħira għax il-Mulej jieħu ħsiebna mit-tnissil u aħna qegħdin nikbru permezz tal-ġenituri tagħna. Illum fil-festa tal-Familja Mqaddsa nitolbu ħafna għall-ġenituri.

Din is-sena nixtieq nagħmel talba speċjali għall-ġenituri anke dawk li forsi m’għandhomx ix-xorti d-dar li jsibu ż-żewġ ġenituri – min għal raġuni jew għal oħra – imma għal kull min għandu dan ir-rwol, il-missier u l-omm jew l-omm u l-missier li jridu jrabbu l-ulied. It-talba tiegħi din is-sena hi li nagħmlu ħilitna għax iż-żgħażagħ tagħna għandhom ir-rieda tagħhom.

Ġesù qabad u għamel li fettillu. L-Iben ta’ Alla għamel li fettillu. Lanqas qalilhom u qasmilhom qalbhom. Iż-żgħażagħ għandhom ir-rieda tagħhom u jridu jagħmlu l-għażliet tagħhom, ma tistax toqgħod fil-but magħhom. Għalhekk ta’ 12-il sena l-Knisja issawwab fuqhom bit-talb, bit-tqegħid u d-dilka tal-isqof id-don tal-Ispirtu s-Santu – tal-għaqal, tal-qawwa biex jgħidu ‘iva’ għat-tajjeb u ‘le’ għal-ħażin. Ma tistax tkun miegħu jew magħha l-ħin kollu imma d-dar mingħajr vjolenza, mingħajr storbju, mingħajr għajjat, trid iddarrihom li r-rieda tagħhom tinġibed għat-tajjeb għax hemm wisq affarijiet hemm barra, jekk mhux fid-dar ukoll li jiġbdu għall-ħażin. Il-ġenituri ma jistgħux ikunu magħhom il-ħin kollu wliedhom – la l-iskola, la fil-postijiet ta’ divertiment, imkien.

U llum dak li konna ngħidulu ħażin, ngħidulu tajjeb u minflok qasrija tal-galletti jista’ jkollok qsari oħrajn, bil-liġi wkoll u tpejjiphom jekk trid, u x’se tgħidlu meta jagħlaq 18-il sena, dan? Inti trid tkun biex lil uliedek tgħallimhom jagħżlu t-tajjeb. Jgħiduli kultant igerrfxuha. Mhux kulħadd igerrfixha? It-talba tagħna tkun li ma jgerrfxuhiex b’mod li jagħmlu ħsara lil moħħhom u lil ġisimhom u li d-dar ma jġibux trakk inkwiet. Dik il-kelma li qed nirrepetu l-isqfijiet niżirgħu r-riħ u naħsdu r-riefnu. Ifhmuna! Ifhmuna! U ħafna drabi nġibuha b’idejna din il-ħaġa.

Għalhekk nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-Familja Mqaddsa llum ta’ Marija, ta’ Ġużeppi, ta’ Ġesù biex jiddefendu, huma jkunu li jiddefendu lill-ulied tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, u l-familji tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 1:20-22.24-28
Salm: 83 (84):2-3. 5-6. 9-10
Qari II: 1 Ġw 3:1-2, 21-24
L-Evanġelju: Lq 2:41-52

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: