Ġwanni Pawlu II fis-Seminarju Pontifiċju

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI TAS-
SEMINARJU PONTIFIĊJU RUMAN MAĠĠURI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Pawlina, 22 ta’ Ottubru 1981

Nixtieq ngħidilkom qabel xejn il-ferħ profond li nħoss f’dan il-waqt li nsib ruħi hawn f’nofskom li intom il-ħabba ta’ għajnejja u t-tama tal-Knisja ta’ Ruma. Insellem b’tifwir tal-qalb lilkom ilkoll: kemm seminaristi Rumani kif ukoll lil dawk ġejjin minn kull parti tal-Italja  kif ukoll minn Pajjiżi oħra, fosthom żewġ seminaristi Pollakki. Ħsieb speċjali kordjali jmur lill-Kardinal Poletti, lill-Monsinjur Rettur u s-Superjuri l-oħra kollha, li akkumpanjawkom hawn, fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida.

1.Din il-laqgħa, li qiegħda sseħħ fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, hija okkażjoni  estremament favorevoli biex nistqarru flimkien il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, Qassis il-Kbir u etern, u biex ngħixu waqt privileġġjat ta’ komunjoni ekkleżjali qawwija, li għaliha diġa ħejjiena l-qari bibbliku, li għadna kemm smajna. Dan infatti jħeġġiġna biex inġeddu fi qlubna l-espressjoni ta’ mħabba reċiproka dejjem iktar profonda: “Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din; tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15,12-13). Din hawn hija l-imħabba propja tan-nisrani. Tal-imħabba tar-redentur li jeħles mill-iskjavitù tad-dnub u jsejjaħ għall-intimità u l-ħbiberija ma’ Kristu: “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, imma ħbieb” (Ġw 15,15). L-evanġelista Ġwanni biss, id-“dixxiplu tal-imħabba”, setà jirrivelalna fil-milja stupenda tagħha din l-imħabba ndeskrivibbli, tassew singulari, li tirrivela ruħha fil-ferħ: “…il-ferħ tiegħi jkun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15,11); din l-imħabba konfidenti tinfetaħ għat-tama, billi tegħleb kull biżà: “…intom ma rċivejtux Spirtu ta’ lsiera biex terġgħu taqgħu fil-biżà” (Rm 8,15). Hija din l-imħabba li tabita f’“dawk li huma ggwidati mill-Ispirtu” Din hija (Rm 8,14); f’dawk li jiġifieri huma maħfunin fl-eżistenza tagħhom u fl-operar tal-qwwa ta’ Alla u mħollija jgħaddu, mill-mewt għall-ħajja; f’dawk li, ladarba saru wlied addottivi, jistgħu jduru lejn Alla u jsejħulu Missier (Rm 8,15).

2. Hija appuntu din l-imħabba ndeskrivibbli u straordinarja, li titlaq minn Kristu u tgħaddas ruħha fil-qlub, biex twettaq għeġubijiet fil-Knisja u li taffaxxina l-qlub ta’ tant żgħażagħ sa ma ġġegħlhom jidħlu għas-segwitu tagħha diffiċli, imma suġġestiv. Huwa propju biex jkikkorrispondu għal din l-imħabba li intom, għeżież seminaristi, iddecidejtu li tiddedikaw ħajjitkom lil Kristu, billi xtaqtu ssiru parteċipi fis-Saċerdozju tiegħu. Dan kollu ma jistax ma jimliex lil ruħi b’emozzjoni profonda u ta’ mpuls amorevoli lejkom. Jekk kull Isqof isib fis-Seminarju tiegħu dak kollu li jirrendi ntima dar, li jagħmel denja skola, li jagħmel eżaltanti u anzjuża laqgħa, li jagħmel ferrieħa t-tama u t-talb żeluż: dan kollu jseħħ b’mod għal-kollox partikolari meta dan l-Isqof huwa dak ta’ Ruma, Ragħaj universali li fuqu jistrieħu l-għajnejn tad-dinja kollha.

Kif inhu magħruf, is-Seminarju huwa l-espressjoni tal-enerġija ta’ dijoċesi. Dan huwa t-terminu tax-xogħol żelanti tal-parroċċi u tal-edukaturi operanti fl-istrutturi parrokkjali u fl-iskejjel; huwa sinjal ċar li hemm komunitajiet insara lesti li jimmaturaw fi ħdanhom lil dawk li jum wieħed, imlibbsa mill-ġdid bil-karattru saċerdotali, se jkomplu f’nofshom l-opra ta’ Kristu; huwa indikazzjoni li l-familji għonja fil-virtù u fi spirtu ta’ sagrifiċċju immeritaw il-grazzja li jagħtu lil uliedhom lill-Knisja; huwa prova li d-dinja moderna, minkejja d-dellijiet li klultant iċajpruha, hija għanja bit-tamiet  u biċ-ċertezzi, għaliex tistà torbot fuq żgħażagħ qalbiena disposti li jagħtu ħajjithom għall-fidwa tagħha.

In-numru mkattar tagħkom, ukoll jekk mhux fid-daqs mitlub mill-bżonn tal-apostolat, ma jfissirx jewwilla li dan iż-żmien post-konċiljari mhux se jkun nieqes minn saċerdoti qalbiena li se jaħdmu biex jittraduċu fi prattika it-tagħlim u d-direttivi ta’ dik l-Assisi ekumenika?

Tistgħu mela timmaġinaw tajjeb liema delikatezza titqanqal f’ruħi li għandi quddiem għajnejja lilkom u li nafkom impenjati biex issiru ministri ta’ Kristu, xandara tal-Vanġelu u messaġġiera ta’ verità u ta’ fraternità f’nofs il-Poplu ta’ Alla. Minħabba dan il-Papa jħobbkom, jippreferikom u qiegħed qribkom kontinwament bil-ħsieb u bit-talb. Min-naħa tagħkom, intom ukoll mela tħobbu lill-Papa u lill-Knisja li intom lesti li taqdu, u għandkom ta’ Kristu, Sidna mbierek, imħabba appassjonata biex tkunu tiegħu dixxipli tassew, imitaturi regolari, segwaċi umli, ħbieb fidili, xhieda qalbiena u appostli nfatikabbli, kif jistgħu u kif għandhom ikunu dawk li, bis-saċerdozju, huma msejħa biex isiru “alter Christus”. Barra minn dan kunu afu tikkonservaw dak il-patrimonju ta’ fidi, ta’ virtù, ta’ għarfien u ta’ qdusija li s-Seminarju Ruman Maġġuri akkumula tul is-sekli.

Fuq kollox, l-istudju amoruż ta’ Sidna Ġesù jimla l-menti tagħkom u lil qlubkom sal-milja, jiġifieri “sakemm Kristu jissawwar fikom” (Gal 4,19). Biex issiru saċerdoti awtentiċi, illum iktar minn qatt qabel hemm bżonn li tixhdu quddiem id-dinja l-virtujiet tejologali tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba fraterna li minnha jinżlu,  f’waqthom, l-virtujiet l-oħra kollha li bihom għandu jkun imżejjen min iħejji ruħu għas-saċerdozju.

3. Jalla tkun għalikom ta’ sosten f’din l-opra ta’ formazzjoni l-għajnuna tal-Verġni Santissma tal-Fiduċja, il-Patruna ċelesti tagħkom. Jiena ċert li intom ma tgħejjewx li ssejħulha kuljum permezz tat-talba tar-Rużarju, bħala tradizzjoni devota tas-Seminarju tagħkom, u tal- ġakulatorja: “Mater mea, fiducia mea”. Hija ma tonqosx li tipproteġikom u tassistikom fid-diffikultajiet li tistgħu tiltaqgħu magħhom tul l-itinerarju li jwassal għall-altar.

U issa waqt li nkomplu ċ-ċelebrazzjoni liturġika, li fiha nerġgħu ngħixu d-dramm tal-imħabba misluba u li fiha tikkonsma ruħha u tissiġilla ruħha l-unità ekkleżjali perfetta, ejjew nitolbu lill-Mulej biex ikebbes fil-qalb ta’ żgħażagħ oħra numerużi l-ideal tas-saċerdozju u jdewwaqhom is-sbuħija u l-ferħ li jgħammru f’daru, skont il-kliem tas-Salmista: “Kemm huma ta’ min iħobbhom l-għamajjar tiegħek, o Mulej tal-eżerċti!” (Sal 83,1).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: