Ersqu lejn il-Mulej għax hu jħenn għalikom fid-dgħufija u l-faqar tagħkom

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 2 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej u l-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kelma ‘epifanija’ ġejja mill-Grieg u tispjegalna kif f’dan il-jum il-Mulej juri lilu nnifsu lill-ġnus. F’dan il-jum qaddis tal-Epifanija, il-Knisja f’Malta qiegħda tilqa’ tliet żgħażagħ fit-triq tagħhom lejn is-saċerdozju u li llum se jiġu istitwiti ministri akkoliti. Akkoliti huma dawk li f’ċirkustanzi straordinarji għandhom is-setgħa jwasslu t-tqarbin lill-poplu ta’ Alla.

Illum wara l-Evanġelju smajna t-taħbira sabiħa tal-jum qaddis tal-Għid li dis-sena jaħbat fis-17 ta’ April. Permezz ta’ dan il-ġest, wara l-Evanġelju tal-jum tal-Epifanija, jew inkella kif nafuh aħna l-Maltin it-Tre Re, il-Knisja tħabbar id-data tal-Għid. Dan il-ġest jgħaqqad il-festi tal-Milied li jispiċċaw l-Ħadd li ġej bil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej mal-Għid il-Kbir. Għaliex il-qawwa tal-misteri kollha li qegħdin niċċelebraw tinbet fil-misteru tal-Mulej imsallab u li miet u qam mill-mewt għalina. Il-komunità Nisranija setgħet tirrifletti fuq il-kobor tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fid-dawl tal-misteru tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Is-salm responsorjali sabiħ ħafna li smajna llum jiġbor fih il-misteru li qegħin niċċelebraw u jfakkarna li l-ġnus kollha tal-art jagħtu qima lill-Mulej. F’dan is-salm hemm riferiment għal dak li jirrakkonta l-Evanġelju skont San Mattew: “Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali, is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu. Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu” (S 71:10-11).

Wieħed jifhem għaliex dawn il-maġi, dawn l-għorrief tal-Lvant, meta fittxew lis-Sultan tal-Lhud li għadu kif twieled, marru f’Ġerusalemm, belt antika u prestiġġjuża u li fiha kien jgħix ukoll is-sultan Erodi. Mhux hemmhekk għandu jitwieled dan is-Sultan tal-Lhud? Anke Erodi tħawwad bil-miġja tal-Maġi jfittxu lil dan it-tifel li għadu kemm twieled. Imma s-sinjal li jingħata permezz tal-Kelma ta’ Alla huwa s-sinjal taċ-ċokon. “U int Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħu Iżrael” (Mt 2: 6).

Nistgħu ngħidu li f’din il-profezija meħuda mill-ktieb tal-Profeta Mikea, il-Mulej diġà jissejjaħ ragħaj. Ftakru li hu wkoll isejjaħ lilu nnifsu bħala r-‘Ragħaj it-Tajjeb’ li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. “Minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Il-maġi kellhom jifhmu li għalkemm il-ħolma tagħhom kienet li jiltaqgħu ma’ xi ħadd kbir, qawwi, għaref u setgħan — u r-rigali tagħhom kienu jesprimu din l-idea li kellhom — it-tarbija li sabu kienet tarbija f’familja fqira li fit-twelid tagħha, peress li ma kiex hemm post għalihom fil-lukanda, ommha fisqietha u medditha f’maxtura. Għaliex il-Mulej li kellhom jiltaqgħu miegħu s-slaten maġi fil-misteru li qegħdin niċċelebraw llum, huwa dak li “jeħles lill-fqir li jsejjaħlu u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu” (S 71:12).

Dan ir-re li twieled u li huma ġew imsejħa permezz ta’ kewkba biex jiltaqgħu miegħu u jqimuh, “iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar il-ħajja tal-fqajrin isalva” (S 71:13). Il-maġi terrqu min jaf kemm jiem u min jaf kemm tbatija msejħa b’kewkba li mliethom bil-ferħ u ltaqgħu mar-re li twieled fil-faqar biex ikun jista’ “jħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar u l-ħajja tal-fqajrin isalva”.

Għeżież seminaristi, il-Knisja llum tilqa’ t-talba tagħkom li intom tiġu istitwiti akkoliti. Għeżież, tinsewx li intom, bil-mod il-mod, qed tiġu magħżula u msejħa biex tkunu qaddejja ta’ dan is-sid u ragħaj li jħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar. Għażiż Gylan, għażiż Ian, u għażiż Clive, tgħallmu ersqu u komplu ersqu lejn il-Mulej Ġesù bħala dak li jħenn għalikom fid-dgħufija u l-faqar tagħkom u hekk titgħallmu minnu x’jiġifieri tkun ragħaj li tagħti ħajtek għall-merħla.

Tradizzjonalment it-tliet tipi ta’ rigali li offrew il-maġi jiġu interpretati fl-inċens mogħti lid-divinità lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, fid-deheb mogħti lir-regalità li l-fatt l-Iben ta’ Alla huwa s-sultan tas-slaten u sid il-ħolqien, u fil-mirra li fih wieħed jagħraf l-umanità tiegħu li tmut bħal ħabba li taqa’ fl-art u tmut biex ma tibqax weħidha imma biex tagħmel ħafna frott (Ġw 12:24). Il-mirra, li hija wkoll element importanti u prezzjuż fil-mediċina, mhijiex biss dik li tipprepara l-ġisem għażiż għall-kefen imma hija wkoll parti mit-terapija u mill-fejqan.

Hu jafda lilu nnifsu f’idejkom; għalissa b’mod straordinajru, u ’l quddiem f’ministeru tad-djakonat u l-presbiterat b’mod stabbilit u ordinarju. Agħtuh il-qima tar-ragħaj li jagħti ħajtu u itolbuh li intom ukoll, bħalu, tagħtu ħajjitkom lill-poplu tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60, 1-6
Salm: 71 (72),1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a,5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: