Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ Santa Maria della Salute

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’ SANTA MARIA DELLA SALUTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 15 ta’ Novembru 1981

Għeżież Fidili,

1. “Imbierek min jimxi fit-toroq tal-Mulej” (Sal 127,1).B’dan il-kliem tas-sagra liturġija nesprimilkom il-ferħ tiegħi li llum ninsab hawn f’nofskom, Rumani tal-kwartier ta’ Primavalle, u li nistà personalment nuri l-imħabba profonda tiegħi, billi b’hekk inwettaq wegħda magħmula minni lill-rasppreżentanza tagħkom f’Diċembru tas-sena l-oħra, fl-okkażjoni tat-tberik fil-Vatikan tax-xbiha tal-Madonna taċ-Ċentru sportiv tagħkom: kont għidtilhom li kont se niġi nżurkom fis-sedja parrokkjali tagħkom  .

Nixtieq għalhekk insellem qabel xejn lill-Kardinal Poletti u lill-Isqof Awżiljarju ta’ dan is-settur tad-dijoċesi ta’ Ruma, Monsinur Remigio Ragonesi; lill-kappillan, Patri Cosma di Mambro, li, flimkien, mal-konfratelli tiegħu tat-Terz’Ordni Regolari, imexxi din il-parroċċa, li ilha issa għal tletin sena punt ta’ referenza spiritwali u soċjali għall-popolazzjoni ta’ din iż-żona.

Nindirizza tislima kordjali wkoll lil dawk li jaħdmu u li jipprovdu ix-xandir tal-Vanġelu, għas-salvazzjoni u l-qdusija tal-erwieħ, u għall-għajnuna karitatevoli lil dawk li għandhom bżonn il-ħobż u s-sabar. B’mod speċjali, insellem lis-Sorijiet Sagramentini ta’ Bergamo, dawk tad-Demm Prezzjożissmu ta’ Monza, u tal-Imħabba ta’ Alla. Il-Piccole Operaie dei Sacri Cuori u l-Figlie della Sapienza, li l-Istituti meritorji tagħhom jiddedikaw ruħhom f’nofskom għall-edukazzjoni tat-tfal tal-Iskola materna u tat-tfal tal-iskejjel elementari, ukoll dawk li jattendu l-ilqugħ tal-fqar u tal-pellegrini; insellem ukoll lir-rappreżentanti tal-Kunsill Pastorali, il-Katekisti, id-diversi gruppi tal-Azzjoni Kattolika u ta’ Assoċjazzjonijiet ekkleżjali oħra, fosthom il-grupp Caritas parrokkjali u dak tal-Impenn Missjunarju, il-Kor “Canto Sagro”, il-grupp tal-Abbatini, kif ukoll dawk tal-Acli, tal-Kruċjata anti-blasfema, tal-Insara fl-iskola, tal-Istampa “Giovani d’Europa”, u tant oħrajn.

Nestendi t-tislima tiegħi imbagħad lill-familja kbira parrokkjali, bi ħsieb speċjali lejn it-tfal li huma l-konsolazzjoni u t-tama tal-familja, lill-morda u dawk il-persuni anzjani li jbatu minħabba diffikultajiet multipli li fihom isibu ruħhom, minħabba l-marda u minħabba s-solitudni.

Inħaddan ma’ qalbi lil kulħadd, fl-isem ta’ Kristu u tal-Verġni Santissma tas-Saħħa, il-Protetriċi ċelesti tagħkom.

2. “Imbierek il-bniedem li jibżà mill-Mulej” (Sal 127,4). Fil-liturġija tallum tat-XXXIII Ħadd “tas-sena”, li jħejjina għall-Avvent, issa tassew fil-qrib, il-Knisja tfakkarna f’impjieg għassies u dinamiku tat-talenti li l-Mulej afda lil kull wieħed u waħda minna u biex inkunu ġenerużi fil-korrispondenza mal-grazzji u mad-doni li Hu jiddestinalna. Mhumiex denji tal-Mulej, għalhekk, dik il-komunità jew dak l-individwu li, minħabba biżà li jikkompromettu ruħhom jingħalqu fihom infushom u jaljenaw ruħhom mir-realtà ta’ din id-dinja. Fil-Vanġelu tallum, għandna l-atteġġjament tipiku ta’ dak li ma jħaddimx id-doni li rċieva: “Sinjur, jiena naf li int bniedem iebes, li taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridx, minħabba l-biżà mort u ħbejt it-talent tiegħi taħt l-art” (Mt 25,24-25). Jistà wieħed jgħid dwaru li hu “beatu”, għaliex beżà mis-Sinjur”? Bla ebda dubju le! Dan ifehmulna l-istess kliem ta’ Kristu. Is-Sinjur tal-parabbola, infatti, jiċċensura l-imġieba tal-qaddej. Dan hu qaddej “ħażin u għażżien”, li ma utilizza xejn l-flus tiegħu, ma sfrutthomx, imma saħansitra ħliehom. U hawn hu dak li jgħid is-Sinjur: “Ħudulu mela t-talent, u tuh lil dak li għandu għaxar talenti. Għaliex lil kull mingħandu, jingħatalu u jkollu bl-abbundanza; imma lil min m’għandux, jitteħidlu wkoll dak li għandu” (Mt 25,28-29). Din il-parabbola tat-talenti tgħallimna niddistingwu il-veru biżà ta’ Alla minn dak falz. Il-veru biżà ta’ Alla mhuwiex biżà, imma pjuttost don tal-Ispirtu, li minħabba fih nibżgħu noffenduh, li ndejquh u li ma nagħmlux biżżejjed biex inkunu fidili għar-rieda tiegħu; waqt li l-biżà falz ta’ Alla huwa mibni fuq l-isfiduċja fih u fuq il-kalkulu uman miskin. Veru biżà ta’ Alla għandu dak li “jimxi fit-toroq tal-Mulej” (Sal 127,1), hekk bħal ma ntwera fl-imġieba tal-ewwel u t-tieni qaddej, it-tnejn imfaħħra mis-Sinjur bil-kliem: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil, kont fidil fil-ftit, se ntik poter fuq ħafna” (Mt 25,21.23).

3. Imma x’inhu s-sinifikat ta’ dawn it-talenti evanġeliċi? Kif inhu magħruf, dawn għandhom sens analoġiku u għalhekk jistgħu jisilfuna applikazzjonijiet differenti. Il-parabbola twieġeb qabel kollox għal kmandi tas-Saltna: jingannaw ruħhom dawk li jemmnu li jwettqu d-dover tagħhom fil-konfront ta’ Alla, billi jtuh dak li jaħsbu hu “tiegħu”, kif jgħid il-qaddej għażżien “hawn hu dak li hu tiegħek” (Mt 25,25), jiġifieri mingħajr ma jaħseb li dan huwa rapport eżistenzjali, li fih il-bniedem irid jikkorrispondi miegħu nnifsu kollu, mingħajr soluzzjonijiet ta’ konvenjenza jew ta’ biżgħat. Infatti l-parabbola, inkluża kif inhi fil-kuntest tal-Parusia, iġġegħlna naħsbu dwar il-milja tas-Saltna, bħala premju ta’ viġilanza li hija mistennija attiva,  li minħabba fiha wieħed ma jistax jikkuntenta ruħu li jżomm it-teżor, tant li l-fatt li wieħed iħalli ma jaħdmux id-doni tad-diversi talenti hija ħtija li ħaqqha “biki u theżżiż tas-snien” (Mt 25,30). Dan kollu jinvolvi għal kull nisrani mhux biss l-impenn li jikkorrispondi mal-grazzji divini fir-rigward tal-perseveranza finali, imma jesiġi wkoll ir-rieda li jibni dinja ġdida. F’dan il-kwartier ta’ Primavalle, per eżempju, dan ifisser li naħdmu biex nibdlu, b’mod dejjem ikbar il-parroċċa f’ċentru ta’ promozzjoni spiritwali, f’komunità vera ta’ mifdijin li jfaħħru lill-Mulej u li, f’ismu, jħobbu lil xulxin, dejjem lesti għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Tali sforz jimmira li jikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-iktar problemi soċjali gravi li jdejqu lill-abitanti ta’ din iż-żona, bħall-problemi tad-dar, tad-diżokkupazzjoni, tal-iskarsezza tal-meżżi tat-trasport u ta’ skejjel superjuri,  il-protezzjoni taċ-ċittadini quddiem il-fenomenu rikorrenti tal-vjolenza, tad-droga u tal-korruzzjoni, li spiss jheddu lill-iktar dgħajfin, inesperti u innoċenti.

4. Dawn il-fenomeni negattivi jheddu b’mod speċjali l-qdusija u l-integrità tal-familja. Is-silta mill-Ktieb tal-Provrerbji u s-Salm responsorjali li qrajna ftit ilu, huma tassew istruttivi, dwar dan ir-rigward. Fihom tiġi deskritta l-mara ideali, fi ħdan il-familja, u teżalta l-merti u l-ferħ li bihom hija kapaċi tfawwar lil darha. Il-kwalitajiet ewlenin tagħha:  ix-xogħol iebes, l-interess tal-foqra, l-għaqal, it-tjubija u d-donazzjoni totali lil żewġha u lil uliedha. B’dan il-mod, hija, waqt li tuża t-talent tagħha b’mod għaref, twettaq fil-milja tagħha l-vokazzjoni tagħha ta’ mara fl-isfera tal-familja tagħha u f’dik iktar vasta tal-Knisja u tas-soċjetà. Kullimkien billi l-mara tiffruttifika t-talent tagħha tal-fidi u tal-karità operuża, il-familja, li tagħha hija għassiesa għarfa u ispiratriċi, u “li fiha il-ġenerazzjonijiet differenti jiltaqgħu u jgħinu lil xulxin biex jilħqu għaqal uman iktar sħiħ u biex jikkomponu b’mod konvenjenti d-drittijiet tal-persuna flimkien mal-esiġenzi l-oħra tal-ħajja soċjali, issir verament is-sies tas-soċjetà” (Gaudium et Spes, 52).

5. Għalhekk mil-liturġija tallum jitnissel appell doppju biex nibqgħu fi Kristu, kif smajna fil-kant tal-Alleluia: “Għassu u kunu lesti, għaliex ma tafux f’liema jum se jiġi l-Mulej”, u biex tgħassu, skont kliem Pawlu lit-Tessalonkin. Ukoll hawn tirritorna t-tema ġenerali tal-użu ġeneruż tat-talenti, mogħtija minn Alla. In-nisrani mhuwiex dak li jitlef il-ħin jiddiskuti dwar il-jum u s-siegħa tal-miġja tal-Mulej, imma pjuttost dak li, edukat mill-kliem ta’ Ġesù, jgħix f’komunjoni miegħu, waqt li kostantament jgħasses. Din l-istennija, biex tkun awtentika, trid tkun operanti. Pawlu jinsisti mat-Tessalonkin sabiex ikunu attivi fil-ġid: il-ġid konkret, dak ta’ kuljum. Ikunu salvi dawk li huma viġilanti u moderati, mhux dawk li jorqdu. Ċertezza tmexxi l-ħajja tan-nisrani u tiddeċiedi l-kondotta tiegħu: Il-Mulej se jiġi! U l-miġja tiegħu mhix li titqies biss f’termini eskatoloġiċi, jiġifieri dak li se jseħħ fl-aħħar tad-dinja, imma wkoll dik li sseħħ fi żmienna u fil-ġrajja ta’ kuljum. Hawn titnissell ukoll r-responsabiltà tagħna quddiem id-dinja għall-paċi tagħha u għas-sikurezza tagħha (cf. 1Ts 5,3); imma mhux għal “dik il-paċi li ssaltan fost il-bnedmin, inaffidabbli, instabbli, tinbidel u inċerta… imma għal dik il-paċi li ġejja minn Ġerusalem”, bħal ma jispjega Santu Wistin (S. Wistin, Enarr. in Ps. 127,16), Jiġifieri għal dik il-paċi li hija ggarantita mill-Mulej. Ikompli l-qaddis Isqof ta’ Ippona: “Hija din il-paċi li aħna nippridkaw, li aħna stess inħobbu u nixtiequ li tkun maħbuba minnkom. Din hija paċi li jsegwu dawk li hawn fuq l-art kienu paċifiċi. Biex inkunu ta’ hemm fil-paċi, hemm bżonn li nkunu paċifiċi hawn. Tali paċifiċi idawru l-mejda tal-Mulej” (Ivi).

6. Għeżież fidili ta’ Primavalle, b’din il-paċi fil-qalb aħna wkoll issa neraqu lejn l-altar imqddes biex nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika. Ejjew nitolbu lill-Mulej Ġesù, li minn hawn u ftit ieħor jirrendi ruħu preżenti f’nofsna taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid, biex jikkonferma fi qlubna x-xewqat espressi f’din il-liturġija tal-Kelma, li jkunu jistgħu jerġgħu jibdew fl-impenn ta’ kuljum biex ikunu jafu jivvalutaw dejjem aħjar u dejjem iktar il-funzjoni nsostitwibbli tal-familja fil-Knisja u fis-soċjetà kontemporanja; l-istennija operanti u fiduċjuża tal-jum tal-Mulej, li tkun tali li tmexxi l-ħajja u tiddetermina l-kondotta, u fl-aħħarnett l-impieg għaref tat-talenti riċevuti mingħand Alla b’fiduċja amorevoli fil-Missier, mingħajr ma nħallu lilna nfusna ninħakmu mill-biżà tat-tielet qaddej, għaliex il-biżà fin-nisrani m’għandhiex teżisti, billi huwa sar, bil-Magħmudija, bin Alla u kowerriet ta’ Kristu.

Jalla kliem is-Sinjurr: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil…. Ħu sehem fil-ferħ ta’ Sidek” (Mt 25,21.23) jattwa ruħu u jitwettaq ukoll għal kull wieħed u waħda minnkom!

Nafda dawn il-wegħdi lil Marija Santissma tas-Saħħa. Hija tgħinkom biex tiskopru u tpoġġu fil-prattika t-talenti kollha tagħkom. Se tgħinkom biex tagħmlu l-aħjar użu. Hija, li hija saħħa tal-morda, mhix se tonqos milli ssalva l-erwieħ tagħkom u li tmexxikom lejn Ġesù, frott imbierek ta ġufha. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading