Dawk li ried

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tifkira ta’ Sant’Anjeże verġni u martri. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Sejjaħ lejh lil dawk li ried”. Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Mark fl-għażla tat-tnax-l appostlu li għamel Ġesù. Hawnhekk  għandna isimhom wieħed wieħed, u San Mark jispiċċa b’Ġuda l-Iskarjota “dak li ttradieh”.

Hi għażla misterjuża din ta’ Ġesù. Ma marx it-tempju jagħżel lil xi ħadd  mill-għorrief u lanqas jidher li fittex nies ta’ qdusija kbira. Imma sejjaħ lejh lil dawn, u meta naraw l-ismijiet u iktar ’il quddiem naqraw fuq dawn l-appostli, nindunaw li sejjaħ lejh nies midinba u b’ħafna limitazzjonijiet u difetti. Hawn Pietru, li għażlu mbagħad bħala kap ta’ Knisja, li ċaħdu; Tumas li ddubita fih; Ġakbu u Ġwanni li kellhom seba’ mitt sena biex ikollhom post ta’ privileġġ; kollha kemm huma barra Ġwanni, fil-Passjoni, fil-mument tal-akbar tbatija, ħarbu; u Ġuda li ttradih.  Ma setax jagħmel għażla aħjar?

L-Evanġelju jgħid “lil dawk li ried”. Ma jgħidx “lil dawk li kellu bżonn” imma “lil dawk li ried”. Ċertament Ġesù ma riedx lil min jiċħdu, li min jiddubita fih, li min ifittex post ta’ privileġġi, lil min jabbandunah, li min jittradieh. Imma Ġesù ried jagħżel nies midinba, bil-limitazzjonijiet u d-difetti, li jekk ikunu lesti jilqgħu l-kelma tiegħu, jibdilhom, jittrasformahom, u jagħmel minnhom xhieda tal-Evanġelju. Nafu li ħlief Ġuda, li ma aċċettax dan u li spiċċa ħażin, kollha kemm huma huma storja ta’ trasformazzjoni, ta’ bidla, li għamel Ġesù, minn nies bil-limitazzjonijet kollha tagħhom, midinba, għal appostli jxandru l-Evanġelju tiegħu.

Hawn San Mark jgħid tliet affarijiet importanti li ried minnhom Ġesù. L-ewwel, li “jibqgħu miegħu”. L-ewwel mhuwiex ix-xogħol wara xogħol li jridu jagħmlu, imma l-ewwel li jkunu miegħu, f’għaqda intima miegħu, għax hekk li seta’ jittrasformahom. Imbagħad: “biex jibgħathom jippridkaw” ħalli jistgħu jwasslu l-kelma, u jwasslu l-kelma sa truf l-art kollha, kif fil-fatt għamlu. Ukoll: “biex ikollhom is-setgħa jkeċċu x-xjaten”. Din hi importanti ħafna. Nafu li din mhijiex biss għal min ikun maħkum mix-xitan – każijiet rari li jeżistu u li wkoll din tgħodd. Imma x-xitan l-aktar li jaħdem hu bil-qerq, bl-ingann, bħalma jurina l-ktieb tal-Ġenesi; billi jidħaq bina. Għalhekk, l-appostli jkollhom is-setgħa ħalli jgħinu lin-nies ma jaqgħux f’dan l-ingann tax-xitan.

Aħna u naqraw din il-kelma llum, naraw ħafna li tista’ tgħidilna għal ħajja tagħna. Speċjalment tfakkarna li l-Knisja, li hi aħna, mibnija fuq l-appostli, mhijiex Knisja tal-perfetti imma Knisja tal-midinbin li lesti li jħallu lil Alla jibdilhom, jippurifikahom, iġeddidhom, u jagħmel minnhom xhieda tal-Evanġelju. Meta ngħidu li aħna Knisja tal-midinbin mhux biex nikkunslaw, jew biex noqogħdu fid-dnub tagħna, imma biex ikollna dik id-disponibiltà li kellhom dawn l-appostli li jħallu lil Alla jibdilhom, jilqgħuh f’qalbhom, ħalli minnhom jagħmel xhieda tal-Evanġelju.

Nitolbu llum lil Alla li aħna nibqgħu miegħu, bħalma xtaq mill-appostli, viċin tiegħu, u li din l-għaqda miegħu tgħinna billi tippurifikana, tnaddafna mid-dnub tagħna, ħalli nkunu nistgħu nagħtu xhieda tal-Evanġelju tiegħu u nkunu appostli fid-dinja tal-lum.  

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: