Papa lir-Rota Rumana: Isimgħu b’qalb pastorali

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 21 ta’ Jannar 2022, il-Papa Franġisku indirizza lill-uffiċjali tat-Tribunal tar-Rota Rumana fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tagħhom. Waqt li tkellem ma’ dawk miġbura, l-Qdusija Tiegħu rrifletta fuq it-tema tas-sinodalità fir-rigward tal-kawżi ta’ annullament, u fakkarhom li l-missjoni tagħhom hi li jkunu għas-servizz tal-familji.

Il-Papa enfasizza li l-ħidma sinodali għandha tara d-djalogu mqiegħed flimkien mal-attività ġudizzjarja, sabiex jinkoraġġixxi ħsieb mill-ġdid aktar ġenerali tal-importanza tal-proċess kanoniku “għal dawk li esperjenzaw tkissir taż-żwieġ, u fl-istess ħin, għall-armonija tar-relazzjonijiet fi ħdan il-komunità ekkleżjali”.

Is-sinodalità, qal il-Papa Franġisku, “timplika li nimxu flimkien”. Kompla jgħid, “jeħtieġ li nerġgħu niskopru li l-parteċipanti kollha fil-proċess huma msejħin biex jikkontribwixxu għall-istess għan, dak li jitfgħu dawl fuq il-verità dwar l-għaqda konkreta bejn raġel u mara, u jaslu għal konklużjoni dwar jekk hemmx żwieġ veru bejniethom jew le”.

Saħaq li anke fl-istadju preliminari, meta l-fidili jfittxu l-għajnuna pastorali, “għandu jkun hemm sforz biex niskopru l-verità dwar l-għaqda tagħhom, prerekwiżit indispensabbli għall-fejqan tal-feriti”. Il-Papa żied jgħid, “meta tiġi ppreżentata l-possibbiltà ta’ nullità, jeħtieġ li l-fidili jirriflettu fuq ir-raġunijiet li jwassluhom biex jitolbu d-dikjarazzjoni tan-nullità tal-kunsens matrimonjali”. Huwa nnota li l-istess għan ta’ tfittxija kondiviża għall-verità “għandu jikkaratterizza kull stadju tal-proċess ġudizzjarju”.

Kwalunkwe alterazzjoni jew manipulazzjoni deliberata tal-fatti “sabiex jinkiseb riżultat mixtieq b’mod prammatiku hija inammissibbli”, huwa qal. “Anke l-avukati”, żied jgħid il-Papa Franġisku, “jistgħu jagħmlu ħsara terribbli”. Il-fat li jimxu flimkien fis-sentenza “huwa validu għall-partijiet u l-patruni tagħhom, għax-xhieda sejħa biex jiddikjaraw skont il-verità, għall-esperti li jridu jpoġġu l-għarfien tagħhom għas-servizz tal-proċess, kif ukoll b’mod partikolari, għall-imħallfin”.

Aspett ieħor tas-sinodalità, rrimarka l-Papa, huwa l-importanza tad-dixxerniment. “Dan id-dixxerniment huwa bbażat fuq il-mixi flimkien u s-smigħ, u jippermetti lis-sitwazzjoni matriminjali konkreta tinqara fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u l-Maġisteru tal-Knisja”, qal. “Ir-riżultat ta’ din it-triq huwa l-ġudizzju,” innota l-Papa Franġisku, “frott ta’ dixxerniment bir-reqqa li jwassal għal kelma awtorevoli ta’ verità fuq l-esperjenza personali, u b’hekk jenfasizza t-toroq li jistgħu jinfetħu minn hemm”.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading