Int persuna speċjali għalija

Print Friendly, PDF & Email

Kont ilni ftit ma mmur il-kappella tal-adorazzjoni tar-raħal biex inqatta’ ftit minuti fil-kwiet mal-Mulej.  Kif dħalt u għamilt viżta, qgħadt bil-qiegħda. Fil-pront għaddieli minn moħħi li kull meta niġi hawn aktarx noqgħod ingerger u neqred lill-Mulej biex jgħin lil dik, u jfejjaq lill-oħra – tal-familja jew xi ħbieb.  Għalhekk illum qtajtha li nbiddel id-diska, u ngħaddi dan il-ftit quiet time infaħħar lil Alla u nroddlu ħajr ta’ dawn is-sebgħin sena li għaddew minn fuqi.

Bdejt b’Salm 8 (Infaħħrek Mulej ma nixbax) u Salm 135 (Faħħru lkoll lill-Mulej għaliex hu tajjeb) li naf bl-amment. Imbagħad għidt bejni u bejn ruħi, “Min fejn se nibda biex inrodd ħajr lill-Mulej?” U ħsibt li nibda mill-bidu. Niżżieh ħajr talli ġejt fid-dinja, tal-ġenituri, tal-familja, tat-tfulija, skola, ħbieb, għalliema, katekisti, żogħżija, universita’, professuri, karriera, eċċ. Ġibt quddiem għajnejja ċerti okkażżjonijiet speċjali, bħal meta darba ħlist minn ħalq il-mewt: kont ngħallem f’Kulleġġ, u kif spiċċaw l-eżamijiet tas-sajf, mort nagħti l-karti kkoreġuti. Kif dħalt indunajt li kienu bdew jibdlu s-soqfa tat-tielet sular. Wara li tajt il-karti lir-rettur fit-tieni sular, dħalt fil-librerija għax kien ikun hemm il-gazzetti kollha tal-jum. Domt xi nofs siegħa. Appena kif ħriġt,  ħassejt il-bini jitriegħed.  Għall-ewwel ħsibt li kien xi terrimot, imma mbagħad sirt naf li l-konkos frisk tal-bejt sfronda u waqa’ fuq is-saqaf tal-librerija u sfrondah, u waqa’ eżatt fejn kont qiegħed bil-qiegħda jien naqra l-gazzetti ftit sekondi qabel.  U min jaf kemm drabi oħra l-Mulej ħelishieli bla ma ndunajt, biex ma nsemmix il-perikli għar-ruħ.

Ta’ dawn il-grazzji kollha, bdew nirrejalizza kemm jien bniedem speċali għal Alla. Fil-pront, ħassejt lill-Mulej jgħidli, “Kull persuna hija speċjali għalija.”  “Imma Mulej,” qbiżt jien, “mhux kulħadd jafu dan.”  “Dak għax mhux qed jirrejalizzaw, jew għax ma jridux jammettu.”  “Allura jiħtieġ li xi ħadd imur jgħidilhom,” għedtlu jien bil-ħeġġa kollha. “Eżatt.  Tista’ tibda int!”  “Jien, Mulej?”  “Iva int.  Għala le?”

Ħriġt mill-kappella, mort id-dar u ktibt dan l-artiklu, biex nibda minnek, int li qed taqra din il-paġna.  Ftakar x’qed jgħidlek kuljum il-Mulej:  “INT PERSUNA SPEĊJALI GĦALIJA.  Tista’ omm tinsa l-binha fil-ġuf?  Amki jekk din tinsa, jien ma ninsikx.  Ara, jien naqqaxt ismek fuq il-pala ta’ idi” (Is. 49: 15-16).

%d bloggers like this: