L-edukazzjoni hija ħaġa tal-qalb

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 30 ta’ Jannar 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Ġwann Bosco. Kappella tal-Oratorju Don Bosco, Victoria.

Omelija fil-Festa ta’ San Ġwann Bosco
Kappella tal-Oratorju Don Bosco, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 30 ta’ Jannar 2022
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

L-EDUKAZZJONI HIJA ĦAĠA TAL-QALB

“Io sono la stoffa, lei ne sia il sarto. Vengo con ella, perche insieme possiamo fare un bel vestito per il Signore”. Ma nafx jekk tiftakrux min qalha din il-frażi u lil min qalha: “Jiena biċċa drapp u inti l-ħajjat. Nixtieq niġi miegħek biex flimkien nagħmlu libsa sabiħa li jieħu gost biha l-Mulej”. Dan il-kliem qalu San Domenico Savio lil San Ġwann Bosco. F’din il-frażi nistgħu niġbru s-sistema edukattiva, is-sistema preventiva kollha li ħoloq Don Bosco, li s-Salesjani u dawk kollha li huma ispirati minn dan il-bniedem edukatur kbir jippruvaw iħaddmu fil-ħajja, b’mod speċjali mat-tfal u ż-żgħażagħ.

Jiena nixtieq li nirrifettu ftit fuq din il-frażi dalgħodu, għax żgur li għandna bżonn direzzjoni fejn tidħol l-edukazzjoni. Ilkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, edukaturi; għax jekk ngħixu flimkien, aħna nistgħu noħorġu minn xulxin jew it-tajjeb jew il-ħażin. Il-kelma edukazzjoni ġejja mill-kelma Latina educere, li tfisser ‘toħroġ minn’. Minn biċċa drapp toħroġ libsa, minn massa ta’ rħam toħroġ statwa. Meta niltaqgħu flimkien, irridu u ma rridux, aħna noħorġu xi ħaġa mill-qalb ta’ xulxin. Imma din il-kelma edukazzjoni tapplika b’mod iktar partikolari u iktar veru mhux biss għall-għalliema. Għall-għalliema tapplika bħala missjoni speċifika, dak li huma msejħin jagħmlu, imma jiena nħoss li fuq kollox tapplika għall-ġenituri, għall-familji: il-kapaċità li fir-relazzjoni tagħna ma’ wliedna, imma mhux biss, fir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin fil-familja, inkunu kapaċi noħorġu minn xulxin – educere – dak li hu tajjeb. Jekk jista’ jkun, inkunu kapaċi nfejqu, nagħtu direzzjoni lil enerġiji negattivi li jista’ jkollna fina.

“Io sono la stoffa”, qallu San Domenico Savio li Don Bosco. X’jiġifieri? Ma rridux ninsew li aħna persuni li lkoll kemm aħna għandna l-kapaċità li nsiru aħjar jew agħar. Bħalma kull biċċa drapp tista’ sservi jew għal-libsa sabiħa, jew biex tużaha bħala tapit, jew biex tużaha biex timsaħ biha, paljazza xi mkien, hekk ukoll kull bniedem għandu fih il-kapaċità li jsir aħjar jew agħar – dik li ngħidulha l-libertà. San Ġwann Bosco llum jistieden lil kull wieħed u kull waħda minna biex nerġgħu nsibu ftit id-direzzjoni fejn tidħol il-libertà, fejn tidħol din il-biċċa drapp.

Intom tafu li qed ngħixu fi żmien ta’ kriżi kbira edukattiva. Ħadd ma jaf xi jrid jgħallem; ħadd ma jaf fejn irid iwassal lill-persuna li qed jgħallem; ħadd ma jaf x’ser jiġri fil-futur mill-persuni li qegħdin nedukaw. Din hi sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira fejn tidħol l-edukazzjoni, li ġejja minħabba diversi fatturi. L-ewwel u qabel kollox, intom tafu li mill-Gwerra ’l hawn kien hawn bidla kbira fl-iskop tal-edukazzjoni tal-persuni. Jekk għal missirijietna l-iktar kwalità importanti tal-persuna kienet il-karattru, il-personalità, l-irġulija, jew li tkun mara matura, illum m’għadux dak l-iskop tal-edukazzjoni. L-iskop tal-edukazzjoni llum saru l-profitt, l-ekonomija, kemm ser indaħħlu flus. Li kieku kellna nibqgħu fuq il-metafora ta’ San Domenico Savio u San Ġwann Bosco, konna ngħidu: dik il-biċċa drapp ejjew naraw kemm nistgħu nagħmlu flus minnha; ejjew ħa naraw kif nistgħu nisfruttawha, ħalli xi ħadd jaqla’ l-flus minnha.

B’xorti ħażina, forsi mingħajr ma nafu, forsi anki b’ċerta inġenwità, ninsabu f’din is-sitwazzjoni edukattiva. Fi kliem iktar sempliċi, intom tafu bħali li l-edukazzjoni m’għadhiex iktar timmira biex tagħti formazzjoni lill-qlub tal-persuni, jew kif kien jgħid San Ġwann Bosco, tagħti lir-ruħ tal-persuni, “Da Mihi Animas”. Ir-ruħ mhux fis-sens ta’ tir fl-ajru li ma tarahiex, imma r-ruħ fis-sens ta’ nukleu l-iktar ċentrali tal-personalità, dak li jagħmel lill-bniedem bniedem, dak li jagħmel lir-raġel raġel, dak li jagħmel lill-mara mara. Illum l-edukazzjoni m’għadhiex titħabat, m’għadhiex timmira u tistinka biex tifforma persuni; imma llum l-edukazzjoni titħabat u tistinka biex tifforma roti ta’ magni, jekk mhux magni, li jistgħu jiffunzjonaw flimkien biex joħolqu sistema soċjali, biex ninserixxu ruħna fis-soċjetà b’tali mod li jkun hemm il-profitt.

Dan kollu qiegħed iwassal biex il-persuni jiswew mhux minħabba l-fatt li huma persuni, imma jkollhom valur daqskemm huma kapaċi jipproduċu. B’dan warrabna fil-ġenb lill-bniedem fiċ-ċkunija tiegħu, fit-tfulija tiegħu, kważi kważi lanqas irridu iktar li jkollna tfal. Warrabna fil-ġenb ukoll lill-anzjani, lil dawk li stinkaw, li ħadmu, lil dawk li bl-għaraq ta’ ġbinhom ħejjewlna dinja li fiha aħna nistgħu ngawdu u ngħixu. Għaliex? Għax dawk huma xkiel għall-produzzjoni, m’għadhomx jipproduċu. Dan huwa l-effett ta’ edukazzjoni li timmira iktar għal mudell ekonomiku milli għal-libertà u l-formazzjoni tal-persuna.

Minħabba f’hekk ġralna li ma baqgħalniex l-adulti ideali li lejhom irridu nimmiraw biex insiru aktar maturi bħala persuni. Jekk qabel konna ngħidu li t-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna għandhom iħarsu lejn l-adulti u jaraw fihom mudell ta’ fejn jixtiequ jaslu, illum – u għiduli hux veru – ninsabu f’konfużjoni sħiħa, għax aħna l-adulti rridu nsiru adolexxenti. L-adolexxent jesperimenta l-ħin kollu, jgħix f’insikurezza kbira, mhux biss fuq livell soċjali imma wkoll fuq livell personali. Jesperimenta minn filgħodu sa filgħaxija. M’hemm xejn fiss, m’hemm xejn stabbli, m’hemm xejn veru.

Tgħiduli, aħna x’għandna x’naqsmu ma’ dan id-diskors? U żgur li għandna x’naqsmu. Għax aħna qegħdin ngħixu f’dan il-baħar, f’dan l-ilma. F’dan kollu, f’din is-sitwazzjoni soċjali kollha, aħna rridu nkunu edukaturi bħalma kien Don Bosco, jekk aħna veri devoti tiegħu, jekk aħna nħossuna xi ftit jew wisq mill-qrib jew mill-bogħod bl-ispirtu Salesjan.

X’ġara? Meta naqas il-mudell tal-adult, spiċċaw il-valuri. L-uniku valur illi fuqu timxi l-parti l-kbira tas-soċjetà huwa dak li nħoss jien. Jekk xi ħadd jgħid kif iħossu, inti ma tistax tmerih! Naqbel perfettament li dak li qed tħoss int, jien ma nistax nikkundizzjonak fih, jew nippretendi li tħoss mod ieħor. Imma dak li tħoss int u dak li nħoss jien irridu nqabbluh ma’ realtà ikbar minna, ma’ xi ħaġa li hi ’l fuq minna. Almenu rridu nqabbluh mal-fatt li rridu ngħixu b’serenità flimkien. Għax jien inħoss xi ħaġa u ngħid li jien konvint minnha, ma nistax nirfes fuq saqajk; għax jien inħoss xi ħaġa u ngħid li jien konvint minnha, ma nistax nagħmel inġustizzja miegħek. Qed ngħixu f’dinja fejn il-valuri huma fi kriżi.

Imma dan kollu m’għandux jaqtgħalna qalbna, anzi dan kollu għandu jqanqalna iktar biex infittxu u nqallbu, fl-ispirtu ta’ dawn in-nies il-kbar, bħalma kien San Ġwann Bosco. Nistaqsu: Fejn kienet il-kapaċità, il-kwalità edukattiva ta’ dan il-bniedem, li għadna niċċelebraw u nfaħħru, li għadna nfakkru sal-ġurnata tal-lum? X’għamlu kbir lil San Ġwann Bosco? Ser insemmilkom xi prinċipji żgħar u sempliċi li nikkonkludi bihom, imma jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għal kull edukatur, għalija l-ewwel wieħed, għall-ġenituri, imma għal kull bniedem, b’mod speċjali għal dawk li jaħdmu fis-settur edukattiv.

San Ġwann Bosco ma kienx jagħmel distinzjoni, kif nagħmlu aħna, bejn il-persuna u dak li taf, bejn il-persuna u l-kontenut li ser twassal. San Ġwann Bosco ma kienx jagħmel differenza bejn il-persuna u l-funzjoni tagħha, u x-xogħol tagħha. Jekk jien għalliem, jekk jien edukatur, jien imsejjaħ mhux biss biex nagħti kontenuti, mhux biss biex nagħmel struzzjoni, mhux biss biex nagħti pariri, biex nagħmel ir-regoli, imma fuq kollox biex ngħix skont il-valuri, biex inkun jien il-persuna tiegħi, minnha nfisha l-edukatur; biex inkun jien, minni nnifsi, l-edukatur ta’ dawk li jien niltaqa’ magħhom. Mhux tant dak li naf, mhux tant dak li nħoss, imma dak li jien. Minn fejn nista’ nġib dan kollu? Minn fejn nista’ nġib dik li jgħidulha l-integrità… fi kliem ieħor, din l-unità fil-persuna, din il-maturità? San Ġwann Bosco kellu għajn ċerta, li kienet ir-relazzjoni intima tiegħu ma’ Alla. Kien jemmen San Ġwann Bosco li meta niltaqa’ ma’ Alla, Alla kapaċi joħroġ minni u minnek, minn kull bniedem, educere. Alla jeduka l-poplu tiegħu, meta jersaq lejh; joħroġ it-tajjeb, joħroġ l-isbaħ, joħroġ l-aħjar.

San Ġwann Bosco l-ewwel u qabel kollox jistedinna b’qawwa kbira biex nidħlu fl-iskola, fis-sistema edukattiva ta’ Alla, biex nidħlu u nibqgħu f’relazzjoni: inħallu lil Alla jiffurmana, jedukana. Kif tafu intom, l-edukazzjoni ma ssirx fi tliet kwarti, ma ssirx f’kors ta’ ġimgħa. L-edukazzjoni ssir in a life long process”, fi proċess li jieħu l-ħajja kollha, kollha kemm hi. Għandna bżonn li jkollna relazzjoni kontinwa ma’ Alla. Għandna bżonn nerġgħu niskopru, nirkupraw din ir-relazzjoni, jekk l-ewwel u qabel kollox aħna rridu nkunu aħna fil-persuna tagħna edukaturi. Mhux biss f’dak li ngħidu jew dak li nagħmlu, mhux biss fil-metodi, imma fil-persuna, fl-għajn tal-azzjonijiet kollha tagħna.

It-tieni suġġeriment li jagħtina San Ġwann Bosco, li mhux ta’ inqas importanza mill-ewwel wieħed, huwa l-kapaċità, jew aħjar id-disponibbiltà, li nkunu ma’ dawk li rridu nedukaw: il-preżenza edukattiva. Kemm aħna neqsin minn din il-preżenza edukattiva f’ħajjitna, fis-soċjetà tagħna! Din il-preżenza hija tant importanti, mhux biss għax jitlobha l-Evanġelju: imħabba li hija konkreta, imħabba li ma tiqafx biss fil-paroli u fl-emozzjonijiet, imma mħabba li ssir disponibbiltà ta’ preżenza kontinwa, imma wkoll preżenza li llum tant jisħqu fuqha x-xjenzi umani. Għandna bżonn ta’ iktar preżenza. Aħna, bl-iskuża tal-quality time, irriduċejna u naqqasna l-ħin li għandna flimkien, kemm bħala koppji u kemm bħala ġenituri. Imma kif jista’ jkun hemm ħin ta’ kwalità jekk ma jkunx hemm minimu ta’ ħin ta’ kwantità! Jien għalija din tal-‘ħin ta’ kwalità’ hija l-ikbar skuża li jsib il-bniedem, li jsib ġenitur, biex jevita li jkun preżenti, li jkun ma’ wliedu.

Mingħand min nerġgħu nġibuha din il-preżenza edukattiva? Mingħand l-Imgħallem il-kbir. L-Imgħallem il-kbir fl-għerf tiegħu ppjana u ddeċieda li jibqa’ magħna, li jkun preżenti. Dak hu li qed nagħmlu dalgħodu fl-Ewkaristija! L-Imgħallem il-kbir iħoss il-bżonn li jkun preżenti magħna… u aħna kif aħna! Għax ma tantx jagħmel suċċess l-Imgħallem il-kbir fl-edukazzjoni, filli joħorġilna t-tajjeb lilna. Mhux dejjem! Jien bħalissa ngħid li mhux qed jagħmel suċċessi kbar, minkejja li hu preżenti. Immaġinaw: aħna limitati, bnedmin, kulħadd bid-dgħufija u bl-egoċentriżmu tiegħu, l-ewwel wieħed jien… immaġinaw kif ser noħorġu t-tajjeb mingħand xulxin, b’mod speċjali mingħand uliedna, jekk ma nkunux preżenti.

Allura jien nissuġġerilkom bil-qawwa dawn iż-żewġ proposti edukattivi li tant għandna bżonn, mhux biss intom li qegħdin hawn, imma s-soċjetà Għawdxija u Maltija ta’ żmienna… anki dawk li għandhom il-poter, li jagħmlu l-liġijiet fejn tidħol l-edukazzjoni. Anki hemmhekk b’xorti ħażina qed nesperimentaw 365 ġurnata fis-sena; l-għalliema jafu xi ħaġa! Jekk ma jibqagħlek xejn stabbli u xejn fiss, bilfors tispiċċa tesperimenta, għax m’inti qatt ċert minn dak li qed tagħmel. Ejjew nitolbu lil San Ġwann Bosco biex lil kull wieħed u lil kull waħda minna jagħtina dawn iż-żewġ konvinzjonijiet tiegħu: l-ewwel u qabel kollox li nħallu lil Alla joħroġ minna t-tajjeb – ir-relazzjoni tajba ma’ Alla; it-tieni, nippruvaw li nkunu preżenti. Jien ma nistax nippretendi li ibni jew binti jaġixxu kif nixtieq jien, jew skont il-valuri li għandi jien, jekk lanqas biss għandhom ħin jarawni.

Leave a Reply

%d bloggers like this: