Min iwissik, iħenn għalik

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 13 ta’ Frar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Sitt Ħadd matul is-sena. Kappella ta’ San Pawl Nawfragu, San Pawl tat-Tarġa, Naxxar.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jħares lejn kotra kbira ta’ dixxipli tiegħu u ġemgħa kbira ta’ nies; fosthom jara ħafna foqra, nies bil-ġuħ, qed jara ħafna nies imnikktin bil-ħajja. Nistgħu ngħidu li jekk illum ikollu jiġi l-Mulej jerġa’ jiltaqa’ magħna, aħna li ħafna drabi għandna diversi tip ta’ faqar u ta’ ġuħ, forsi nsofru wkoll xi inġustizzja.

Qed isejħilna ‘imberkin’. Xi ħaġa stramba biex tifhimha għaliex ħadd f’sensih mhu se jsejjaħ il-ġuħ, in-niket, il-faqar bħala barka fihom infushom. Mhuwiex l-hemm li jagħmilni hieni imma l-Mulej qiegħed jagħtini kelma ta’ faraġ.

Il-ħsieb tiegħi llum imur lejn tant persuni b’mod speċjali l-ġenituri li ħafna drabi fil-ħaja tal-familja jgħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultà kbira. Niftakar fl-effetti li qed tħalli l-pandemija fuq is-saħħa mentali ta’ ħafna minna. Il-Mulej jagħtina kelma ta’ faraġ. Juża il-kelma ta’ hena, ‘henjin’. Ovvjament ma jfissirx li se tisparixxi d-diffikultà li għaddejjin minnha jew it-toqol li qed itaqqalna, imma jixtieq li l-familja tiegħu, aħna li nemmnu, bis-sapport li nagħtu ’l xulxin, nibdew nibnu din il-barka. Wara kollox, l-hena u l-barka fil-kliem tal-Evanġelju għandhom l-istess għerq.

Il-profeta Ġeremija jqabbel lill-bniedem li jafda f’Alla ma’ siġra li l-għeruq tagħha dejjem qegħdin fil-wied u anke meta tiġi n-nixfa tibqa’ tħaddar u tagħmel il-frott (ara Ġer 17:8).

Ġesù għandu kelma iebsa għal min jafda ħafna u forsi wisq fl-għana ta’ din id-dinja. Il-ħsieb tiegħi imur ukoll lejn uħud minna li donnu għalina l-flus saru kollox. Imma veru għandna l-hena jekk kulma nagħmlu nagħmluh għall-flus?  Ġesù juża din il-kelma li hija iebsa ħafna: is-saħta. Imma għaliex? Irid ikissirna? Irid jikkastigana? Hija kelma li l-profeti jużaw biex jagħtuna twissija u allura din il-kelma iebsa ssir ukoll kelma ta’ ħniena. Għax min iwissik, iħenn għalik. Ta’ vera imma! Jurik ir-realtà kif inhi.

Ħabib, qed tistrieħ fuq il-flus, fuq l-għana li għandek, fuq is-saħħa u s-sbuħija ta’ ġismek forsi, fuq ir-relazzjonijiet mibnija mhux fuq il-lealtà imma għax dak jaf lil dak, dak ħabib ta’ dak. Ma tafx li kollox isir suf? Li l-ħbiberija li mhix mibnija fuq l-imħabba vera u r-rispett iddub bħalma tgħib in-nida? Allura mhux veru huwa miskin l-bniedem li jittama fih innifsu, fil-bnedmin (ara Ġer 17:5) mingħajr ma jara x’inhu jaħseb Alla? Tgħidli: ‘Jien Alla x’jimpurtah minni?’ Jew: ‘Jien x’jimpurtani minn Alla?’ Kultant meta jaqblilna ngħiduha wkoll din il-kelma. Alla jħobbok. Inti jista’ ma jimpurtakx imma hu se jimpurtah dejjem.

Il-barkiet li jagħti Ġesù li huma barkiet qawwija huma wkoll responsabbiltà għalina. Mhijiex barka li tkun fqir, mhijiex barka li tkun bil-ġuħ jew ippersegwitat imma aħna x’se nagħmlu? Se naqtgħu qalbna quddiem id-diffikultajiet? Qed naħseb f’nies li forsi tilfu x-xogħol għax kienu nies ta’ kuxjenza jew retti. Il-Mulej sejħilhom ‘imbierka’. Forsi sħabu jgħidulu stupidu, injorant, ma mexiex mal-linja. Imma min ixxaħħam b’inġustizzja, dak mhux hieni. Dak mhux hieni! Il-flus li jċekċku fil-but tiegħu huma misħuta. L-hena qiegħda f’li tagħmel is-sewwa u tkun lest li tħallas il-prezz.

Illum ta’ Ġesù llum mhuwiex kliem faċli imma nkunu qegħdin nonqsu jekk nippruvaw nagħmlulu l-icing sugar. Issa dalwaqt tiġi l-prinjolata u għada San Valentino, min jaf kem se nagħtu qlub u affarijiet biex ngħidu nħobbu ’l xulxin! Imma l-imħabba tgħaddi wkoll mill-verità, mis-sewwa mill-ġustizzja. Mingħajrhom m’hemmx imħabba vera.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 17:5-8
Salm: 1:1-2,3,4,6
Qari II: 1 Kor 15:12,16-20
L-Evanġelju: Lq 6:17,20-26

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: