Biex inkunu tassew henjin

Print Friendly, PDF & Email

 Il-Ħadd, 13 ta’ Frar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tas-Sitt Ħadd tas-Sena. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Wieħed mill-kummenti li spiss nisimgħu hu li l-Knisja – meta ngħid il-Knisja, jiġifieri aħna lkoll li nemmnu fi Kristu – trid timxi maż-żminijiet. Dan huwa veru f’ħafna affarijiet, li l-Knisja trid tagħraf tadatta dak li għandu jkun adattat għaż-żminijiet. Imma kultant dan il-kumment jingħad f’sens ieħor: jiġifieri li f’dak li aħna nemmnu, għandek tħares lejn kif in-nies qegħdin jgħixu, u timxi ma’ dan; jekk illum qed jaħsbu hekk, tibda taħseb bħalhom; jekk illum qed jgħixu hekk, tibda tagħmel bħalhom.  

Hawnhekk fl-Evanġelju tal-lum għandna lil Ġesù li f’dak li jgħid imur eżatt il-kontra ta’ dak li diversi nies fi żmienu kienu jaħsbu. Għax anke ma’ Ġesù sar ħafna drabi dan il-kumment: li dak li kien jgħallem kien kultant f’kuntrast ma’ dak li n-nies kienu jaħsbu u jagħmlu.

Hawn għandna lil Ġesù li f’dan li jgħid, joħloq żgur reazzjoni kbira min-nies għax jgħid “henjin” lil dawk li fis-soċjetà kienu meqjusin mhux henjin. Meta qed ikellem lin-nies u jgħid: henjin intom il-foqra…intom li bil-ġuħ…intom li tibku…intom li ppersegwitati minħabba fih – il-kliem tiegħu huwa kliem li jagħti tama lil dawk li għaddejjin minn dan iż-żmien ta’ tbatija. Huwa f’kuntrast ma’ dak li ħafna nies kienu jaħsbu, għax anke fi żmien Ġesù, kienu meqjusin henjin l-għonja; henjin kienu dawk li kellhom biex jieklu u jiffangaw; henjin kienu dawk li kienu jehdew il-ħin kollu fil-pjaċir; henjin kienu dawk lil kellhom il-poter u jagħmlu li jridu.

Is-siwi tal-ħajja

Li jipproponi Ġesù għad-dixxipli tiegħu, għalina, hu li dejjem naraw il-valuri li fil-ħajja qed imexxuna. Ma nimxux ma’ dak li kulħadd qed jaħseb u qed jagħmel qisu dan bilfors hu tajjeb, imma naraw il-valuri.

Ġesù x’irid ifisser b’dan il-kliem li jgħid hawnhekk? Qed ifaħħar il-faqar, il-ġuħ, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni? Qed jgħid li aħna għandna naħdmu għal soċjetà fejn ħafna nies ikunu foqra, ikunu bil-ġuħ, jibku jew ikunu ppersegwitati? Le, mhux hekk qed jgħid. Ġesù lilna għallimna li għandna nieqfu ma’ min għaddej minn tbatija, li għandna nkunu ta’ spalla u ta’ appoġġ għal min b’xi mod jew ieħor hu vittma jew qed ibati, li l-isforzi u l-ħidma tagħna għandhom ikunu biex intejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Hekk għamel Ġesù nnifsu, u hekk għandna nagħmlu aħna b’impenn kbir.

Imma li qed jgħid Ġesù hu dan: aħseb kif se tkejjel is-siwi tal-ħajja. Ħajtek tiswa għal dak li għandek, u allura iktar ma jkollok iktar tiswa ħajtek? U iktar ma ġġib u forsi anke takkwista minn hawn u minn hemm, iktar tiswa ħajtek? Ħajtek tiswa daqskemm tieħu pjaċir? Ħajtek tiswa għax inti popolari jew għandek il-poter?

Ġesù qed jgħid: ma għandekx tkejjel b’dawn is-siwi ta’ ħajtek, torbotx is-siwi ta’ ħajtek ma’ dawn. Qed jgħid lilna: ħajjitna tiswa daqskemm aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej, u nħallu lilu jmexxina u jgħallimna tassew il-valuri li għandhom jibnu l-ħajja tagħna.

Il-fiduċja għandna nqegħduha f’Alla, il-Ħallieq, u mhux f’dak li hu maħluq; il-kuntentizza tagħna għandna nfittxuha f’Alla, mhux f’dak li jgħaddi. Meta nagħmlu hekk, qed nagħmlu l-għażla t-tajba li ġġibilna l-ferħ u l-paċi tassew.

Għażla bejn żewġ toroq

Il-kliem ta’ Ġesu lilna jsejħilna għal għażla. Hi l-istess għażla li smajna fl-ewwel qari mili-Profeta Ġeremija, li fissirha b’mod sabiħ u ċar: Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej… ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla li għandha għeruqha fil-wied u għalhekk tibqa’ dejjem tħaddar u tagħmel frott. L-istess ħsieb insibuh fis-Salm: “bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha u l-weraq tagħha ma jidbielx”. F’kuntrast ma’ dan hu l-bniedem li jwarrab lill-Mulej u jfittex il-qawwa tiegħu fih innifsu u f’dak li jgħaddi – ikun għal siġra fix-xagħri, li ma tara ebda ġid.

Għalhekk il-messaġġ li jagħti lilna l-Mulej bil-kelma tilegħu hu biex aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih, inserrħu fuqu, u fid-dawl tiegħu u tal-kelma tiegħu nagħrfu s-siwi tal-ħajja tagħna. Meta nserrħu fuqu, nagħrfu mbagħad dak li għandna nagħżlu u dak li għandna nwarrbu. U nagħrfu wkoll fejn għandna norbtu qalbna: li norbtu qalbna mhux ma’ dak li jgħaddi, imma ma’ dak li jibqa’. Jekk aħna nfittxu li nserrħu biss f’ħajjitna ma’ dak li jgħaddi, wara żmien nindunaw li jkun hemm biss vojt u ma jibqa’ xejn, kollox jitmermer. Jekk aħna nserrħu fuq dak li jibqa’, hemm xi ħaġa li minn issa diġa tagħtina l-paċi u tkompli fil-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbu llum lill-Mulej, fid-dawl tal-kelma tiegħu, biex aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih u fil-kelma tiegħu,  nagħrfu s-siwi ta’ ħajjitna fid-dawl tal-kelma tiegħu, u nitolbuh ikompli jgħinna biex nibnu l-ħajja tagħna fuq il-kelma tiegħu ħalli tħalli tassew frott.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: