Il-Ħadd, 20 ta’ Frar 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tat-tberik tat-tarbija fil-ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof Anton Teuma
Il-Vanġelu tal-lum (Lq 6:27-38), għalkemm twil, għandu ħsieb wieħed idur ġo fih, u jien se nipprova niġbru b’sentenza waħda li għall-aħħar tiegħu jlissen Ġesù: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom”.
Kieku jkollna mmorru għall-oriġinal, għal-Lhudi, li bih inkiteb il-ktieb tad-Dewteronomju, insibu żewġ kelmiet: ani rahum. Xi jfissru dawn iż-żewġ kelmiet? Qiegħed jitkellem Alla l-Missier: “Jiena ġuf”. Fi kliem ieħor: “Jiena nagħmel dak li jagħmel il-ġuf”. Aħna m’għandniex traduzzjoni preċiża, allura t-traduzzjoni li għamilna kienet: “Jiena nħenn”. “Ħennu”, qalilna Ġesù, “bħalma hu ħanin Missierkom”. “Jiena nagħmel dak li jagħmel il-ġuf”. X’jagħmel il-ġuf? Il-ġuf joħloq, il-ġuf jagħti l-ħajja, il-ġuf jipproteġi wkoll, il-ġuf iħares, il-ġuf imantni, il-ġuf jagħti dak kollu li hu pożittiv, il-ġuf ikennen, il-ġuf igeżwer, il-ġuf iħobb, il-ġuf jikkomunika l-protezzjoni, l-imħabba, jikkomunika l-ħajja tal-omm lill-ħlejqa l-ġdida. Dan kollu jagħmlu l-ġuf. Dan kollu mhux għajr il-ħniena, l-imħabba. U jekk aħna meta nikbru jkollna ftit ħniena, ikollna ftit imħabba, nitgħallmu nipproteġu, ninġibdu lejn xulxin u nibdew inħobbu lil xulxin, nibnu relazzjoni, nidħlu fiż-żwieġ, nibnu familja – kollox beda mill-imħabba li tgħallimna, li ħassejna, li esperjenzajna fil-ġuf. Fi kliem ieħor, kollox jibda mill-imħabba oriġinali li hija l-enerġija ta’ Alla. Ġesù, meta jqabbel l-imħabba, iqabbilha mal-ġuf. Ma jqabbilx l-imħabba mal-persuna tal-mara, jew mal-persuna tar-raġel. Le, mal-ġuf. U għalkemm il-ġuf ngħidu li huwa tal-mara, imma l-ġuf huwa dak il-post sagru fejn Alla jista’ jħobb, iħenn, jagħti l-ħajja, jipproteġi, igeżwer il-persuna sa mill-oriġni tagħha, biex imbagħad nibqgħu nħossu dan il-bżonn matul l-esperjenza kollha tal-ħajja tagħna.
U allura jkompli Ġesù fil-Vanġelu tal-lum li rridu nitgħallmu nħobbu fil-ħajja. Inħobbu mhux biss bħala impuls, stint uman, imma mmorru lil hinn minn daqshekk. Il-bniedem li jitwieled fil-ġuf, li jitrabba fil-ġuf mhux biżżejjed li jħaddem l-imħabba li jesperjenza fil-ġuf ta’ ommu, jew fil-ħdan tal-familja li fiha jkun għex u kiber. Imma kull bniedem irid jitgħallem iħobb bl-imħabba tal-Vanġelu, bl-imħabba ta’ Ġesù, biex il-ħajja tkun fil-milja tagħha. U fi ftit kliem, kif nistgħu niġbru l-Vanġelu tal-lum? Ġesù llum jisfidana b’mod qawwi. Jagħtina skoss kbir, xokk kbir. Għaliex? Għax jgħidilna: “Biex l-imħabba tagħkom tkun bħal tal-Missier, tridu tħobbu b’xejn, mingħajr ma tistennew xejn lura”. Tħobb, u int u tħobb, għandek l-istonku tiegħek li jitkemmex, li jinġabar, qed tiddejjaq, għax qed tħobb. Dik hija l-imħabba gratuwita tal-Missier. Inti tħobb, u waqt li qed tħobb qed tbati għax qed tħobb. Ma tfittex l-ebda ritorn għall-att ta’ mħabba li inti tagħmel. Din hija l-imħabba ta’ Alla. U għalhekk aħna ma nħossuniex f’sintonija mija fil-mija ma’ din l-imħabba, għax din mhix l-imħabba tiegħek, mhix l-imħabba tiegħi – din hi l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk ta’ ġo fina kultant jitqalleb meta nippruvaw inħobbu b’dan il-mod, għax qed nagħmlu xi ħaġa li bil-ħila tagħna biss, bil-qawwa tagħna biss, bis-saħħa tagħna biss kieku ma nagħmluhiex. Imma din l-imħabba hi importanti ħafna fil-ħajja tagħna.
Qegħdin hawn niċċelebraw il-ħajja, niċċelebraw l-imħabba, niċċelebraw il-ġuf. Irridu noqogħdu attenti ħafna. Għaliex? Għax minkejja dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li qed nagħmlu, minkejja dan il-ferħ li qegħdin inġarrbu, mingħajr ma nindunaw nistgħu bil-mod il-mod inħejju għal soċjetà qerrieda, għal soċjetà li flok ma tagħti l-ħajja, flok ma tkun ġuf, tispiċċa qabar; soċjetà li flok tħobb, tħenn, tagħder, tispiċċa teqred, tispiċċa tkisser. Tgħiduli: “Kif?”. Ara taħsbu li l-abort jew l-ewtanasja jsiru mil-lejl għan-nhar. Ara taħsbu li mentalità tinbidel bħal swiċċ. Il-mentalità tinbidel bil-mod il-mod… U l-mod kif naġixxu aħna, il-mod kif niddeċiedu aħna, jibda jħejji, mingħajr ma nindunaw, biex imbagħad fl-aħħar l-abort, l-ewtanasja, jidħlu mingħajr ebda problemi. Araw jekk inkunux ġuf jekk lill-anzjan, jekk lil dak li ma jiflaħx, lil dak li m’għadux kapaċi jipproduċi, nibdew inwarrbuh fil-ġenb bil-mod il-mod! L-ewwel nitfgħuh f’kamra differenti u ma jibqax fiċ-ċentru tad-dar, biex ma jagħtix fastidju. Imbagħad bil-mod il-mod naqilgħuh ’il barra. L-ewwel forsi l-isptar għax għandu bżonn. Imma mbagħad, biex ma jkunx ta’ xkiel, inbegħduh iktar minna, ħalli jieħu ħsiebu xi ħadd ieħor. Għiduli intom jekk aħna bil-mod il-mod, mingħajr ma nindunaw, inkunux qegħdin inħejju biex hu jew ta’ madwaru, bid-distakk affettiv li jkun inħoloq, jistaqsi u jgħid: “Jien għalfejn qiegħed hawn? Jien għalfejn qiegħed hawn? Xi skop baqagħli biex ngħix?”. Tgħiduli: “Imma mhux kulħadd jista’ jżommu d-dar lill-anzjan u lill-marid”. Veru. Mhux kulħadd. Imma jien nerġa’ nsaqsi: “Imma veru li jien ma nistax inżommu d-dar? Imma veru ma nistgħux niftiehmu kif se nieħdu ħsiebu? Imma veru għandna daqshekk bżonn ta’ ħinijiet twal ta’ xogħol għax inkella mmutu bil-ġuħ, inkella ma nħallsux id-djun, biex m’għandniex ħin għal dak li ta ħajtu, għal dik li tat ħajjitha għalina? Imma veru?”. Jekk inhu veru, mexxi, ibqa’ miexi. Imma jekk mhux veru, staqsi lilek innifsek jekk intix bil-mod il-mod qiegħed tibni qabar, jekk aħniex bil-mod il-mod inħejju s-soċjetà tagħna biex jasal mument u tgħid: “Isma’… l-ewtanasja”.
L-istess l-abort. Ara taħsbu li l-abort se jiġi kemm infaqqgħu subgħajna! Imma bil-mod il-mod dieħel l-abort. Għaliex? X’reazzjoni jkollna aħna quddiem il-wild, quddiem it-tfal? Kif qegħdin inqisuhom it-tfal? It-tfal li anki għandna fil-ġuf, forsi bħalissa. Huma rigal, don ta’ Alla, jew inkella ppjanajtu jien, kif ridtu jien, meta ridtu jien, kif deherli jien? Iktar u iktar illum bl-inġinerija ġenetika. Tgħiduli: “X’hemm ħażin?”. F’dan kollu donnu apparentement m’hemm xejn ħażin, imma fil-fatt minn taħt qed tiġri xi ħaġa li m’aħniex nindunaw biha. X’inhu jiġri? Jekk il-kriterju ta’ nġibx jew ma nġibx it-tarbija fid-dinja jkun kemm se nkun sew jien jew le; jekk it-tarbija tiġi sempliċement tissodisfa l-bżonn tiegħi u ta’ żewġi, jew il-bżonn tiegħi u ta’ marti, jew il-bżonn ta’ ommi u ta’ missieri – u nieqaf hemm; jekk it-tarbija hi sempliċement oġġett li jissodisfali jew le l-bżonnijiet tiegħi, jien bil-mod il-mod qiegħed inħejji t-triq għall-abort. Mhux tiegħi, imma għal din il-mentalità. Għaliex? Għax illum it-tarbija hi bżonn – għandi bżonnha, għandi bżonnha jien biex timlieli qalbi, biex timlieli s-sens ta’ maternità u l-bżonn ta’ maternità li għandi. Imma ladarba l-kriterju huwa l-bżonn tiegħi, għada jekk it-tarbija ma jkollix bżonnha, allura biex nimla, bl-istess mod, bżonn tiegħi, sodisfazzjon tiegħi, ngħid: “It-tarbija issa le”. Ippruvaw irriflettu naqra liema linja, liema triq, qegħdin nieħdu. Mhux tant fid-deċiżjonijiet prattiċi – inżommx it-tarbija jew le – imma fil-mentalità li bil-mod il-mod qegħdin noħolqu.
Imma iktar. Jekk it-tfal tagħna u s-soċjetà – hawnhekk tidħol responsabbli s-soċjetà b’mod ġenerali – jekk it-tfal tagħna, it-trabi tagħna, qegħdin inħossuhom bħala xkiel meta għadhom żgħar għax ma nistgħux noqogħdu magħhom, għax niddejqu magħhom, għax inħossu l-pressjoni tax-xogħol ta’ min iħaddimna tfixkilna milli nibqgħu magħhom, u allura ‘nipparkjawhom’ u nbegħduhom bil-mod il-mod mill-familja, inkunu qegħdin nidħlu dejjem iktar f’din il-mentalità li t-tfal mhumiex persuni tal-istess rispett u stima li jien nixtieq li jkolli jien. Le, imma t-tfal jispiċċaw sempliċement oġġett, kif semmejna diġà, li jista’ jissodisfa jew ma jissodisfax il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tiegħi.
Allura l-Vanġelu tal-lum, li huwa bbażat fuq l-imħabba gratuwita, fuq l-imħabba b’xejn lejn il-persuni, huwa importanti għalina issa. X’jiġifieri tħobb kif qed jitlobna Ġesù llum? Li meta niltaqa’ miegħek jien, inħoss li int iltqajt ma’ persuna tal-istess dinjità bħali, preċiż, la inqas u lanqas iktar. Imma aħna mingħajr ma nindunaw, l-ewwel wieħed jien, meta niltaqgħu ma’ xi ħadd x’nagħmlu? Nikklassifikaw… “Dan inqas minni, dan ogħla minni”. Il-Vanġelu tal-lum huwa sfida kbira: illi jien irrid inqis lil kulħadd – ibda mit-tarbija fil-ġuf, sa dak l-anzjan li hemm marid bid-demenzja u ma jafx li hu ħaj – bl-istess dinjità li nixtieq li niġi stmat biha jien. Jekk nimxu b’dan il-mod, kif iħares lejna l-Missier tagħna tas-Sema, nibdew bil-mod il-mod nimlew l-oqbra li qegħdin inħaffru, inkissru l-magna tal-qerda li s-soċjetà tagħna qed iddaħħalna fiha mingħajr ma nindunaw. U verament dak li qal Ġesù jista’ jkun possibbli: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom li hu fis-smewwiet.” Ani rahum – ħalli nkunu lkoll kemm aħna ġuf, ħalli ngħinu lkoll kemm aħna l-kultura tal-ħajja u qatt tal-mewt.