Eluf għall-quddiesa mal-Papa Franġisku fuq il-Fosos

Print Friendly, PDF & Email

Il‑Kumitat Organizzattiv Djoċesan għaż‑żjara tal‑Papa qed jippubblika impressjoni artistika tat‑tribuna li se tinbena fuq il‑Fosos u li minnha l‑Papa Franġisku se jiċċelebra l‑quddiesa tal‑Ħadd, 3 ta’ April 2022, fl‑10:15am. Din ġiet iddisinjata mid‑direttur artistiku Carlo Schembri bil‑kollaborazzjoni tal‑Perit Joe Bondin li qed jieħu ħsieb l‑istruttura tagħha u s-Sur Anton Attard li qed jieħu ħsieb il-loġistika.

Id‑disinn tat‑tribuna hu ispirat mill‑forma tal‑kurċifiss, biċ‑ċirku u r‑raġġi ħerġin minnu jirrappreżentaw l‑Ewkaristija. It‑tribuna hija wiesgħa 16‑il metru u fonda 14‑il metru. Fuq it‑tribuna se jkun hemm mas‑600 saċerdot li dakinhar se jikkonċelebraw mal‑Papa. 

Peress li ż‑żjara tal‑Papa se ssir fi żmien ir‑Randan, il‑kulur l‑aktar prominenti se jkun il‑vjola, il‑kulur liturġiku li jintuża matul l‑40 jum tar‑Randan. Flok fjuri, it‑tribuna se tkun imdawra b’fawna li nsibu f’Malta u li tissemma wkoll fil‑Bibbja. 

Fin‑nofs tat‑tribuna se jkun hemm kurċifiss, xogħol lokali x’aktarx ta’ tmiem is‑seklu 19, magħruf tradizzjonament bħala ‘Kristu tal‑Ġogi’ u li jinsab fil‑kappella tal‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana u jappartjeni lill‑Knisja ta’ San Nikola (Tal‑Erwieħ) tal‑Belt Valletta. Kurċifissi bħal dan kienu jintużaw waqt il‑priedka tradizzjonali tat‑tliet sigħat nhar il‑Ġimgħa il‑Kbira, għax kienu jippermettu li l‑idejn ta’ Kristu jinħallu minn mas‑salib u l‑korp jitniżżel qisu għad‑difna biex jitqiegħed għall‑qima tal‑fidili. 

Għall‑quddiesa tal‑Papa se jintużaw artal, ambone u sedja tal‑injam li kienu saru fis‑snin tmenin mill‑iskultur Malti Ġanni Bonnici, oriġinarjament għall‑knisja tal‑Mosta.

Fil‑ġenb tal‑artal se jkun hemm ukoll l‑ikona tal‑Madonna ta’ Damasku tas‑seklu 12, magħrufa bħala ‘Ta’ Damaxxena’, li bħalissa tinsab fil‑Knisja tal‑Griegi Kattoliċi fil‑Belt Valletta. L‑ikona kienet meqjuma f’Damasku, is‑Sirja, minn fejn ħadet isimha u kienet waslet Malta fl‑1530 minn sidtha Joanna Calamia, Griega distinta minn Rodi. Il‑Gran Mastru Jean Parisot de Valette kien devot ta’ din l‑ikona. Meta l‑Kavallieri ta’ San Ġwann u l‑Maltin għelbu lill‑Ottomani waqt l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565, il‑Gran Mastru de Valette ta l‑kappell u x‑xabla tiegħu bħala offerta vottiva lill‑Madonna ta’ Damasku.

Għall‑quddiesa se jkun hemm żona riservata għall‑persuni b’siġġu tar‑roti u żona għall‑persuni neqsin mis‑smigħ u li għandhom bżonn interpretu tal‑Lingwa tas‑Sinjali Maltija.

Fl‑ewwel jumejn meta fetħet ir‑reġistrazzjoni għall‑post bilqiegħda fuq il‑Fosos applikaw eluf ta’ nies. Kull min irreġistra se jirċievi biljett b’email li għandu jiġi ppreżentat dakinhar. Il‑Knisja qed tappella lin‑nies sabiex jaħsbu kmieni u jużaw it‑trasport pubbliku. 

Kull min għandu bżonn aktar tagħrif dwar il‑quddiesa mill‑Papa Franġisku jista’ jibgħat email fuq papalvisit@maltadiocese.org.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: