Ġwanni Pawlu II fil-Magħmudija tat-trabi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-MAGĦMUDIJA TA’ TLETTAX IMWELDIN ĠODDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 10 ta’ Jannar 1982

1. “Int Ibni l-għażiż, fik jien tgħaxxaqt” (Mk 1,11).

Għeżież ħuti, dan il-kliem li jimmarka l-quċċata tan-narrazzjoni evanġelika tallum tal-Magħmudija ta’ Ġesù, li lilu hija kkonsagrata l-Liturġija ta’ dan il-Ħadd, jakkumpanja b’mod meraviljuż is-sagrament tal-Magħmudija, li jien se nagħti lil dawn l-Imweldin ġodda hawn preżenti.

Naf li dan huwa waqt ikkaratterizzat minn emozzjoni umana qawwija. B’mod speċjali għall-Ġenituri tat-trabi u għall-qraba l-iktar fil-qrib. Imma dak li aħna se nwettqu jsib is-sinifikat l-iktar profond tiegħu fil-fsatt li se nqegħdu fis-seħħ rapport ġdid u straordinarju ta’ grazzja bejn Alla u dawn il-krejaturi, li diġa huma persuni umani fis-sens sħiħ tal-kelma, li għalihom il-Parrini se jisilfu leħinhom u t-tweġiba.

2. “Int Ibni l-għażiż”! Il-leħen mis-sema, fil-Ġordan, kien fl-ogħla grad u inkumparabbli għal Ġesù, Iben uniku veru ta’ Alla minn dejjem, Imma llum u f’kull Magħmudija, huwa bħallikieku dak il-kliem ċelesti jiġi għal darb’oħra ppronunzjat, b’sinifikat mhux identiku imma simili għal dak evanġeliku, fuq kull imgħammed.B’dan is-sagrament, infatti, tiġi rregalata b’mod ġdid il-paternità ta’ Alla, u min jirċeviha jakkwista rapport ġdid ta’ filjolanza fil-konfront tiegħu. Tiġi b’dan il-mod instawrata kondizzjoni ta’ komonjoni ntima Miegħu, li tirrapreżenta is-superament ta’ kull aljenazzjoni nterna kkawżata mid-dnub, u allura l-formazzjoni, kif jikteb San Pawl, ta’ “ħolqien ġdid” (2Kor 5,17).

3. Il-Magħmudija, għalhekk, hija tassew twelid ġdid, twelid mill-ġdid, bħalma jesprimi l-istess Appostlu: “Banju ta’ riġenerazzjoni u ta’ tiġdid fl-Ispirtu Santu” (Tt 3,5). U huwa minħabba f’hekk li aħna lkoll, f’dan il-ħin, nifirħu b’mod ħaj ta’ ferħ spiritwali profond. Dan tagħna huwa l-ferħ tal-familja ekkleżjali, li jikkorrispondi eżattament għal dak tal-waqt tat-twelid, meta l-omm tifraħ għaliex “ġie fid-dinja bniedem” (Ġw 16,21). Hekk nagħmlu aħna, għaliex f’dan il-waqt xi membri ġodda jidħlu jagħmlu parti mill-familja ta’ Alla, u, jekk huma jakkwistaw fih Missier ġdid, isibu wkoll fina xi aħwa ġodda, lesti biex jilqgħuhom b’attenzjoni u b’esaltazzjoni fil-komunità kbira ta’ wlied Alla.

4. Dan jimponi, iżda dmir fuqna lkoll, u b’mod speċjali fuq il-ġenituri u l-parrinijiet: dak li jedukaw b’mod responsabbli lill-imgħammdin ġodda u li jgħinuhom jikbru b’mod nisrani. Mill-Atti tal-Appostli smajna li Ġesù, wara l-Magħmudija tiegħu, “għadda jibbenefika u jfejjaq lil kulħadd” (At 10,38). Il-Magħmudija għandha timmanifesta ruħha fil-ħajja konkreta, b’xhieda mdawla u adegwata fis-sisien riċevuti f’dak is-sagrament. Infatti, “permezz tal-Magħmudija ndfinna flimkien ma’ Kristu fil-mewt, sabiex bħalma Kristu kien irxuxtat mill-imwiet…, aħna wkoll inkunu nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6,4). Hemm bżonn li ż-żerriegħa tal-grazzja miżrugħa “fi qlubna” (Gal 4,6; Rm 5,5), u jiġifieri fl-intimu tal-imgħammdin, tikber u tiffruttifika b’abbundanza, u għal dan huwa determinant l-kontribut ta’ min hu l-iktar viċin li jsegwihom u jistà jikkondizzjona l-maturazzjoni nisranija tagħhom.

5. Għal dan kollu, ukoll intom ilkoll adulti intom imsejħa llum biex tgħixu l-magħmudija tagħkom, jiġifieri biex iġġeddu l-fidi tagħkom fil-Mulej u l-impenji ekkleżjali tagħkom, ladarba dan li issa niċċelebraw jinvolvina lkoll b’mod personali. Min-naħa tiegħi, nassikura t-talb tiegħi mhux biss għall-imgħammdin ċkejknin, imma wkoll għalikom, sabiex tkunu tistgħu tiffaċċjaw denjament d-dmirijiet insara tagħkom fir-rigward tagħhom. U ilkoll flimkien nitolbu lill-Mulej “li nkunu b’mod qawwi mqawwija mill-Ispirtu tiegħu fil-bniedem intern” (Ef 3,16) biex ngħixu dejjem għall-glorja kbira tiegħu.

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: