Mal-Papa Franġisku mill-kwarantina tal-kunvent

Print Friendly, PDF & Email

Kont qed nistennieha bil-ħerqa ż-żjara tal-Papa Franġisku fostna l-Maltin u l-Għawdxin. U kont ukoll qed nistenna bil-ħerqa li nikkonċelebra miegħu illum il-Ħadd, 3 t’April 2022, fl-10.15 am, fil-quddiesa fuq il-Fosos. Sakemm irċevejt daqqa kbira: wieħed minn ħutna ħareġ pożittiv bil-covid u spiċċajna ilkoll kwarantina!

Għalkemm ma urejtx imma qalbi inqasmet f’elf biċċa meta sirt naf. Ma kienux biżżejjed erbat ijiem ħidma bla heda fl-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo mal-morda. Meta rġajt lura biex nistrieħ minn ambjent daqshekk diffiċli kelli nieħu daqqa oħra, kbira u taqta’ daqs ix-xfar. Kemm hi inġusta l-ħajja hux!

Imma illum, wara dan ix-xokk kbir, u, fuq kollox, wara li fil-kunvent, inkluż dan ħuna, jinsab tajjeb, ngħidlu GRAZZI lill-Mulej! Anki jekk f’qalbi għandi weġgħa kbira li tlift opportunità tad-deheb li nqaddes mal-Papa. Wara kollox, hu minn dawn l-esperjenzi li wieħed jikber u jissaħħaħ. U bihom jara veduti ġodda fil-ħajja ukoll.

L-aktar mument diffiċli li kelli nħabbat wiċċi miegħu kien li nerħi r-rieda tiegħi f’idejn il-Mulej. Id-diżappunt tassew iebes ħbieb! Jaf ma jħallikx tirraġuna wkoll. Madankollu, qatt ma naf li l-Mulej ħadem b’daqshekk imħabba u delikatezza miegħi daqs dawn il-ħamest ijiem ta’ tbatija kbira li għaddej minnhom.

Fil-fatt, fil-quddiesa komunitarja li qaddist ilbieraħ, is-Sibt 2 t’April 2022, il-Mulej tani l-grazzja li nitlob din it-talba sabiħa fuq l-offerti: Ilqa’ bis-sliem l-offerti tagħna, Mulej, u ġiegħel lir-rieda tagħna tilqa’ r-rieda tiegħek, ukoll jekk ma tridx toqgħod għalik. Ovvjament, l-emfażi qiegħdha fuq il-kelma ĠIEGĦEL. Imma kif se ġġegħlni noqgħod għar-rieda tiegħek Mulej li nissakkar fil-kunvent meta l-Papa Franġisku qiegħed fostna?

Niftakar li fl-irqad, ilbieraħ, għodu għodu, il-Mulej tani l-grazzja li nitolbu din it-talba: Mulej Ġesù noffrilek il-qalb muġugħa u maqsuma tiegħi għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għall-konverżjoni tal-midinbin. Hekk kif spiċċajt din it-talba r-rabja kbira li kelli telqet minni u stajt norqod raqda ħelwa u fil-paċi.

Irrid nagħmel kuraġġ lil min bħali, jew jinsab kwarantina intortament inkella għaddej minn ħafna u ħafna tbatija. Fl-esperjenza tiegħi din it-talba sibtha tgħinni ħafna u sserraħni. Il-Mulej ħanin!

Imma l-Mulej hu ġust ukoll! Għalhekk, u f’dan l-ispirtu tal-ġustizzja, li Papa Franġisku jitħaddet ħafna fuqha ukoll, nixtieq nappella li lilna l-Patrijiet tal-Kunvent tal-Marsa Trinità, li qegħdin kwarantina, tingħatalna l-opportunità li jkollna udjenza mal-Papa Franġisku fil-Vatikan f’Ruma. Napprezzaw immens li jew il-Provinċja Kapuċċina Maltija inkella l-Arċidjoċeżi ta’ Malta tagħtina din l-opportunità li tlaqqagħna mal-appostlu tal-ħniena, Papa Franġisku.

Fil-kuxjenza tiegħi inħoss li hu sewwa u xieraq li nagħmel din it-talba! Il-ħniena titlob ġustizzja!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: