Ġwanni Pawlu II fil-Kulleġġ Pontifiċju Filippin

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-KULLEĠĠ PONTIFIĊJU FILIPPIN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 30 ta’ Jannar 1982


Eminenzi, 
ħuti Isqfijiet maħbuba.

Il-messaġġ tiegħi llum huwa dirett b’mod speċjali lis-saċerdoti li jikkostitwixxu l-korp studentesk tal-Kulleġġ Filippin hawn f’Ruma. U b’mod partikolari lilkom, ħuti saċerdoti, li ġejtu hawn. Fl-istess ħin naħseb dwar il-poplu Filippin kollu, waqt li niftakar bi pjaċir iż-żjara tiegħi f’pajjiżkom, tifkira li, f’għaqda ma’ Kristu, noffri lill-Missier f’dan is-Sagrifiċċju ewkaristiku.

1. F’dan il-wara nofsinhar Ġesù jiġborna hawn f’għaqda bħala dixxipli tiegħu. Aħna qegħdin niċċelebraw issa l-għaqda tagħna miegħu. Qegħin niċċelebraw l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu, patt ta’ mħabba li huwa issinifikat fis-sagrament taż-żwieg. U bħal fil-festa tat-tieġ ta’ Kana iċ-ċelebrazzjoni tagħna tallum hija sħiħa: billi aħna dixxipli ta’ Kristu aħna ninsabu miġburin madwar Ġesù, biex inkunu mqawwija mill-kumpanija miegħu, biex nidħlu b’mod iktar profond fil-ħbiberija tiegħu u biex nieħdu sehem fiċ-Ċena Paskwali tiegħu. Fl-istess ħin nafu li Omm Ġesù hija hawn preżenti. Inħossuna fis-sliem; inħossuna sikuri fir-rigward tal-vjaġġ li qiegħed jistenniena f’ħajjitna, ladarba iltqajna taħt il-protezzjoni ta’ Marija, “Nuestra Senõra de la Paz y Buen Viaje”, li lilha huwa ddedikat dan il-Kulleġġ.

2. Il-ġrajja tallum tqanqal ir-realtà sħiħa tal-istorja reliġjuża tal-poplu Filippin. Xi żgħażagħ jintbagħtu mill-Isqfijiet tagħhom f’dan il-Kulleġġ sabiex ikunu jistgħu iħejju ruħhom biex jidħlu fit-tradizzjoni issa ċentinarja ta’ fedeltà u ta’ evanġelizzazzjoni. Dawn iż-żgħażagħ jaslu hawn biex iħejju ruħhom għall-kawża tal-Vanġelu. Bħal ma Ġwanni XXIII enfasizza fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni ta’ dan il-Kulleġġ, din l-istituzzjoni tikkostitwixxi wkoll rabta partikolari bejn il-Filippini u s-Sedja ta’ Pietru.

Hawn, għall-grazzja ta’ Alla, l-ideali tas-saċerdozju jridu jkunu migħuxa mis-saċerdoti ndividwali li jkunu sostnuti minn komunità li, fl-istess ħin, tħaddan u tippromwovi dawk l-istess ideali. Minn hawn dawn l-ideali jridu jkunu trażmessi lis-seminarji u lill-parroċċi, kullimkien fil-Filippini. Hawn is-saċerdoti żgħażagħ jistgħu jirriflettu b’mod profond dwar dak li jfisser tkunu mibgħuta biex ixxandru l-Vanġelu tas-salvazzjoni. Liema tama kbira jikkostitwixxi mela dan l-istitut għall-poplu  Filippin kollu; dan jirrapreżenta it-tama tiegħu u s-suppliki tiegħu lil Alla biex ikollu saċerdoti li jkunu jsegwu lil Kristu.

Fid-diskors tiegħi lis-saċerdoti u lis-seminaristi f’Ċebu, jien għidt kemm il-Knisja tinħtieġ is-saċerdoti. U llum irrid inżid kemm il-Kulleġġ Filippin jistà jagħmel biex jgħin lis-saċerdoti jwettqu l-missjoni tagħhom u b’din ir-raġuni jilħaq l-bżonnijiet tal-Knisja. Hawn intom għandkom l-opportunità li tiffurmaw, permezz tal-Ewkaristija, komunità vera li tesprimi ruħha fit-talb, fil-karità u fiż-żelu. Waqt li tħejju ruħkom biex issiru ministri ta’ rikonċiljazzjoni għall-Poplu ta’ Alla, ħabbara awtentiċi tal-konverżjoni nterna, intom għandkom l-opportunità meraviljuża li titgħallmu, waqt li tagħmlu esperjenza intom stess, l-imħabba  għas-sagrament tal-Penitenza u li tagħtuh dik il-prijorità li hu għandu jkollu fil-Knisja tallum. Fil-komunità tagħkom għandkom ukoll l-opportunità li tħarsu lejn il-futur, billi tirriflettu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, dwar is-sitwazzjoni ekkleżjali li qiegħda tistenniekom fid-diċojesijiet rispettivi tagħkom. Fit-talb u fil-meditazzjoni permezz tad-dedikazzjoni tagħkom għall-istudju, il-Mulej ikellimkom u jħeġġeġ qlubkom biż-żelu għas-saħħa tal-poplu Filippin.

Tibdew tintebħu dejjem iktar kemm urġenti hija l-kawża tal-evanġeliżżazzjoni, kemm il-Knisja għandha bżonnkom biex tkompli l-missjoni speċifika tagħha. Imma fl-istess ħin taraw li jeżistu kondizzjonijiet għal saċerdozju rjali, għal kollaborazzjoni reali u effettiva ma’ Kristu Saċerdot Suprem.

3. F’ Ċebu tkellimt dwar tlieta minn dawn il-kondizzjonijiet. Hemm fuq kollox il-bżonn tal-għaqda interna ma’ Kristu – dik it-tip ta’ għaqda interna li għaliha Kristu sejjaħ l-Appostli. Huma kienu l-aħjar ħbieb, is-sieħba li huwa kien għażel personalment, dawk li magħhom kien qasam ħsibijietu u li lilhom fl-aħħar huwa afda l-missjoni li kien irċieva mingħand il-Missier.

Kondizzjoni sekondarja għal saċerdozju effikaċi hija n-neċessità assoluta tal-għaqda mal-Isqof, fil-fratellanza tal-presbiterju. Ġesù jixtieq li l-għaqda viżibbli tagħna fis-saċerdozju tirrifletti is-sors tad-dinamiżmu ntern tiegħu: l-għaqda tiegħu mal-Missier. Minn żminijiet tassew antiki is-Santi Padri tal-Knisja jipproklamaw din il-verità b’elokwenza u insistenza. Kundizzjoni terzjarja għal servizz fruttuż lill-Poplu ta’ Alla huwa d-don totali tal-eżistenza tagħna lil Kristu. Fl-għoti sħiħ tagħna nfusna lilu – permezz tad-don li nagħmlu biċ-ċelibat tagħna – nirċievu bħala don ta’ Kristu il-poter li nħobbu b’mod iktar profond  lil dawk kollha li jikkostitwixxu l-“ġisem ta’ Kristu”, Waqt li jsejħilna għas-saċerdozju, Ġesù jsejħilna għal imħabba ġeneruża u lesta għas-saġrifiċċju.

4. Permezz tal-Magħmudija tagħna fi Kristu, aħna msejħin mill-Missier għall-qdusija, bħal ma jfakkarna San Pawl fil-qari tallum wara nofsinhar: “Qabel ma nħolqot id-dinja, huwa għażilna, għażilna fi Kristu, biex inkunu qaddisin u immakulati u jgħixu fl-imħabba” (Ef 1,4). Dan il-kliem jakkwista għalina hawn preżenti intensità partikolari. Ngħixu bħala wlied addottivi tfisser ferm iktar għalina jekk naħsbu li aħna identifikati ma’ Kristu, l-uniku Iben tal-Missier, fl-irwol tiegħu ta’ Saċerdot Suprem, kostitwit bħala tali fil-waqt tal-Inkarnazzjoni fil-ġuf tal-Verġni Marija. Marija tippresiedi fuq id-destin ta’ dan il-Kulleġġ, propju kif ippresediet għal sekli għall-evanġelizzazzjoni tal-Filippini. Hija hi qrib ta’ dawk kollha li jaqsmu s-saċerdozju ta’ Binha. Fil-Vanġelu tallum hija tikser is-skiet li soltu jdawwarha biex tlissen dan il-kliem ta’ parir: “Agħmlu dak li jgħidilkom” (Ġw 2,5). Il-Vanġelu jirrakkonta kif billi segwew is-suġġeriment ta’ Marija u b’ubbidjenza għall-kliem ta’ Kristu irriżultaw effetti mhux mistennija. Ġesù wettaq l-“ewwel sinjal” tal-ministeru evanġeliku tiegħu.

Illum Marija tirrepetilna: “Agħmlu dak li jgħidilkom”. U permezz tal-fedeltà lejha u b’ubbidjenza għal Ġesù, sikurament inkomplu jkollna riżultati. Aħna nemmnu li Ġesù jwettaq “sinjali” oħra tal-qawwa tiegħu u ta’ mħabbtu, biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-Knisja tiegħu, minkejja d-difetti tal-qaddejja tagħha.

5. Jekk nisimgħu attentament, Ġesù jgħidilna biex nitħejjew għall-missjoni tagħna ta’ evanġelizzazzjoni, hekk li nkunu nistgħu navanzaw fil-predikazzjoni tal-Vanġelu tas-salvazzjoni, fix-xandir tal-Bxara t-Tajba li hija ndirizzata għall-ġnus kollha, fil-proklamazzjoni, fil-kliem stess ta’ Ġesù, li “Alla tant ħabb lid-dinja li ta lill-uniku Iben, sabiex min jemmen Fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja eterna, għaliex Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja, mhux biex jikkundanna lid-dinja, imma sabiex id-dinja tkun tistà ssalva lilha nfisha permezz tiegħu” (Ġw 3,16-17). Jekk nisimgħu lil Marija u nobdu lil Ġesù il-ministeru tagħna ta’ evanġelizzazzjoni jkun imbierek. Għal din ir-raġuni aħna konvinti li dan huwa jum ta’ tama għal dan il-Kulleġġ u għall-istudenti u għall-istaff kollu. Bl-għajnuna ta’ Alla dan l-istitut  iwettaq  attwalment fil-verità l-irwol providenzjali tiegħu għas-servizz tal-kontinwità tal-evanġelizzazzjoni fil-Filippini kollha. Dan huwa jum ta’ tama għall-Asja kollha, fid-dawl ta’ Kristu li jiddi mill-Filippini.

6. Għeżież ħuti, ftakru dejjem li Omm Ġesù hija hawn magħkom; hija hi magħna llum u se tkompli tkun magħkom fit-tħejjija tagħkom għall-missjoni futura tagħkom f’Art Twelidkom. Hija se takkompanjakom fil-vjaġġ tagħkom ta’ evanġelizzazzjoni f’pajjiżkom. Ġibu ruħkom skont kliemha: isimgħu lil Ġesù meta jistedinkom biex tapprofondixxu l-għaqda nterna miegħu, l-għaqda mal-Isqfijiet tagħkom u dedikazzjoni mġedda għall-imħabba ġeneruża u fidila fis-servizz għall-evanġelizzazzjoni. Jalla jkun dejjem hekk. Kulfejn tkunu tistgħu dejjem tgħidu: Omm Ġesù qiegħda hawn!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: