Il-ferħ tagħna hu li nevanġelizzaw

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 14 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma tal-Quddiesa tat-tberik taż-żjut f’Ħamis ix-Xirka. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Nimmaġina li wħud minna waslu hawn għajjenin, minħabba fil-ħidma u x-xogħol li kellna f’dawn l-aħħar ġranet. Naħseb oħrajn minna forsi nistgħu nħossuna għajjenin fil-qalb jew fil-moħħ. Imma, kollox ma’ kollox, ilkoll kemm aħna żgur li nippruvaw nagħmlu l-ħila tagħna, kulħadd bil-kapaċitajiet u bil-limiti tiegħu, biex din il-missjoni li mhix tagħna, li aħna rċivejna – illum l-Evanġelju (Lq 4:16-21) jagħmel enfasi li din mhix tagħna – nippruvaw inwettquha mill-aħjar li nistgħu.

Il-ħsieb tiegħi dalgħodu hu meħud minn diversi sitwazzjonijiet li għexna dan l-aħħar. Għamilna l-Eżami tal-Kuxjenza f’kull wieħed mill-presbiterji tagħna; imma fuq kollox kellna Żjara tas-Suċċessur ta’ Pietru, tal-Vigarju ta’ Kristu fostna. U żgur li għadu jidwi f’widnejna u jinħass f’qalbna l-hena – tagħna u tal-poplu ta’ Alla – li ġabet magħha l-miġja tal-Papa Franġisku fostna. Kif tafu intom, il-qofol tad-diskors tal-Papa kienet dik il-frażi li rrepeta għal seba’ darbiet, diskors li jekk Alla jrid fl-aħħar ta’ din il-quddiesa ser nagħtuhulkom miktub: ser nagħtukom daqsxejn ta’ librett bħala tifkira, mhux biss ta’ żjara tal-Papa, imma wkoll ta’ din l-Ewkaristija ta’ dalgħodu.

Għadha tidwi f’widnejna dik il-frażi tal-Papa: il-ferħ tal-Knisja hu li twassal l-aħbar ta’ ferħ… “Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza”. Irrepetieha għal seba’ darbiet il-Papa. Seba’ darbiet, numru perfett, bħallikieku ried idaħħalhielna f’rasna, f’moħħna, fil-qalb tagħna. U mhux b’kumbinazzjoni li proprju dalgħodu, fiċ-ċentru tas-silta f’kapitlu 4 mill-Evanġelju ta’ San Luqa, nerġgħu nsibu għal darb’oħra din il-frażi, għal darbtejn b’modi diversi. Erġajna sibnieha wkoll fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija (61:1-3a,6a,8b,9). L-iskop tal-ħajja tagħna, ċar daqs il-kristall, mhux għajr li nwasslu l-aħbar ta’ ferħ, l-Aħbar it-Tajba.

Il-kelma euangélion fl-etimoloġija u l-essenza tagħha tfisser, mhux biss li twassal aħbar ta’ ferħ li għandek int, u li allura trid tgħaddiha bilfors lil ħaddieħor, imma tfisser iktar minn hekk. Tfisser aħbar ta’ ferħ addattata għas-sitwazzjoni ta’ dawk li ser jisimgħuha; kważi kważi, aħbar li ttaffi l-għatx ta’ dawk li jixtiequ jisimgħuha, aħbar li hija attenta għall-bżonnijiet tad-destinatarji. Din lilna tpoġġina lkoll kemm aħna f’responsabbiltà. Ilkoll kemm aħna għandna x-xorti, il-grazzja, id-don ta’ din il-griżma, ta’ din id-dilka; imma kull wieħed minna għandu d-dmir, il-missjoni, marbuta speċifikament mal-persuna tagħna, mal-kelma tagħna: li nwasslu l-Aħbar it-Tajba, li nkunu attenti għal dawk li l-Mulej poġġielna fit-triq tagħna, għan-nies li nagħmluha magħhom u li jagħmluha magħna, għal dak li jixtiequ huma, għall-bżonnijiet tagħhom. Nippruvaw ngħinuhom jedukawhom, għax mhux kull bżonn, mhux kull xewqa nistgħu neħduha kif inhi. Mhux kull xewqa, meta naqtgħuha, tagħmel il-ġid; imma kull xewqa taħbi taħtha domanda iktar pura, iktar sempliċi, xewqa diretta għall-bżonn ta’ Alla.

L-iskop tagħna prinċipalment hu marbut mal-evanġelizzazzjoni, l-ewwel u qabel kollox. U l-Papa dan qalhulna mhux darba jew tnejn, imma ħafna drabi, bħallikieku aħna stess. Jekk dik il-kelma tal-Papa hija Vanġelu, jekk dik il-kelma tal-Papa kienet attenta għall-bżonnijiet tagħna, għall-bżonnijiet tad-Djoċesi tagħna, għall-bżonnijiet tagħna s-saċerdoti ta’ din id-Djoċesi, allura jfisser li l-kelma li qalilna l-Papa mhix biss aħbar tajba tiegħu, imma wkoll taqta’ l-għatx veru, l-għatx profond li hemm fil-qalb tagħna, tagħna l-ministri, l-imsejħa fil-qalb tal-poplu ta’ Alla.

L-Evanġelju tal-lum jitkellem mhux biss fuq l-iskop, imma wkoll l-identità, dak li aħna. Fl-iskop irridu noqogħdu ħafna attenti għalih, għax faċli nitilfuh, għax jispiċċaw jagħmluhulna d-destinatarji; faċli nikkuntentaw lill-oħrajn; faċli jkun, kif qalilna l-Papa, li niksbu jew li nżommu status soċjali; faċli li l-iskop tagħna jsir li ma jkollniex kunflitti ma’ nies tagħna, li nżommu kwiet fil-post fejn naħdmu u nitilfu d-direzzjoni, nitilfu dak li aħna maħturin, magħmulin, ikkonsagrati għalih.

Xi tfisser il-kelma kkonsagrat? X’inhi l-ispeċifiċità tagħna? X’jagħmilna dak li aħna? Huwa l-Ispirtu ta’ Alla. L-Evanġelju huwa ċar u sabiħ. Jippreżentalna lil Ġesù, li jmur lura “kif kien imdorri jagħmel” (v. 6), imur lura fl-istorja, fid-drawwiet ta’ żmienu, għall-konswetudni u l-konvinzjonijiet li kienu jgħixu fihom in-nies ta’ qablu u hu stess kien sar parti minnhom. Ġesù joħroġ minn din il-konswetudni, ma jibżax joħroġ minn din id-drawwa, ma jibżax ifittex hu s-silta mill-ktieb, għalkemm ma kienx ir-rwol tiegħu li jfittixha hu, għax kienet diġà ppreżentata mir-Rabbi tas-Sinagoga. Ifittixha hu, jgħidilna l-Evanġelju, u mhux biss.

Aħna nafu x’ġara wara dik il-prietka qasira ħafna, imma effettiva, ta’ disa’ kelmiet illi Ġesù jagħmel wara s-silta tal-Profeta Iżaija. In-nies tħawdu u tgerfxu. Mhux talli hekk, minflok in-nies qalu: ‘X’inhu jiġri? M’aħniex nifhmu sew, le!’, qalu li Ġesù żbaljat, ‘inħaġġruh, nitfgħuh minn fuq l-għolja għal isfel’. Ma beżax Ġesù jgħin lin-nies jedukaw id-domanda tagħhom. Ma beżax Ġesù jgħin lin-nies jindunaw liema Messija kellhom bżonn. Ma beżax Ġesù lanqas miċ-ċaħda tal-poplu. Dan kollu jkompli jurina x’jiġifieri li l-iskop hu li nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Imma hemm bżonn li jkollna l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fina, għax jekk ma jkollniex l-Ispirtu ta’ Alla, ser nitkaxkru mill-ispirtu ta’ xi ħadd ieħor: jew mill-ispirtu tagħna, jew mill-ispirtu ta’ dawk li aħna nippruvaw naqdu. Faċli ħafna. Iktar diffiċli biex ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna.

Fl-Evanġelju l-kelma kkonsagrani (Lq 4:18) qiegħda fl-awrist. L-awrist hu tense Grieg, li jibda imma li ma jispiċċax, jibqa’ għaddej fil-preżent. Jien għadni kkonsagrat, kull wieħed minna hu kkonsagrat, permezz tal-konsagrazzjoni tal-Ordinazzjoni. Din il-konsagrazzjoni ta’ kull wieħed minna tibqa’… imma l-konsagrazzjoni, li hi don ta’ Alla, ma taħdimx waħidha. Alla ma jaħdimx waħdu mingħajr il-bniedem. Hemm bżonn kontinwament tal-akkoljenza, tal-ħidma, tal-għotja sħiħa tagħna; fi kliem ieħor, tal-qdusija tagħna, bħala risposta għall-konsagrazzjoni li tana l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla, u li jagħtina kontiwament fil-ħajja saċerdotali tagħna. Din ma tiġix mill-ajru, weħidha.

Għandna bżonn noqorbu lejn l-Ispirtu, jew aħjar, għandna bżonn li nnaddfu kontinwament fil-qalb tagħna, fil-qalb tiegħi l-ewwel wieħed. Għandna bżonn innaddfu, ħalli joħroġ l-Ispirtu li rċivejna fis-sempliċità tiegħu, fil-purezza tiegħu, fil-qalb tagħna. Għax b’xorti ħażina lkoll kemm aħna nafu x’jiġri, ilkoll kemm aħna għandna d-dgħufijiet tagħna, ilkoll kemm aħna għandna d-dnub, l-għadu l-ħażin, li jinkwetana, li jittantana. Faċli ħafna li jkaxkarna, faċli ħafna li jsir normalità ġdida, in-normalità żbaljata tad-dnub, kif qegħdin nitkellmu issa fuq in-normalità ġdida tal-Covid. Kważi kważi aħna, biex ngħid hekk, għandna diġà esperjenza ta’ diversi tipi ta’ normalità ġdida, għax inkunu kapaċi nikkuntrattaw mad-dnub, inkunu kapaċi ngħixu mad-dnub. Ma nibqgħux naraw it-tbatija li fih id-dnub, it-tbatija li jġib lilna u li jġib lil dawk ta’ madwarna. Ma nibqgħux nagħrfu u nħossu, ma nibqgħux induqu l-morr li jġib id-dnub. Ikollna niffurmaw fina tip ta’ anestesija morali, tip ta’ anestesija emottiva fejn jidħol id-dnub. Jekk aħna nagħmlu l-loppju biex nistordu fejn hemm id-dnub, dak il-loppju jispiċċa biex jistordi l-persuna sħiħa tagħna; jispiċċa biex ma jħalliniex iktar f’kuntatt reali mal-emozzjonijiet tal-oħrajn. Għax kif jiena nkun konxju mill-emozzjonijiet veri tiegħi, ser jitla’ l-guilt feeling, ser jitla’ l-ħażen, ser jitla’ s-sens li hemm xi ħaġa li mhix sewwa fija. Allura kuntent li ngħix barra minni, kuntent ngħix ’il bogħod mill-Ispirtu ta’ Alla, ’il bogħod minni, ’il bogħod mill-poplu. Dan hu li jagħmilli d-dnub, dan hu li tagħmilli n-normalità tal-ħażen, jekk jien nidra ngħix fiha.

Illum, frott l-eżami tal-kuxjenza li għamilna bħala kleru djoċesan, frott l-istedina mqanqla tal-Papa li għamlilna fid-diskors tiegħu, aħna l-evanġelizzaturi, verament, mat-Tiġdid tal-Wegħdiet tagħna nixtiequ nġeddu u napprofondixxu l-identità tagħna bħala saċerdoti, bħala ministri ta’ Alla, bħala kkonsagrati. Intom immaġinaw kieku kellu jidħol xi ħadd fil-knisja, jaqbad il-kalċijiet, il-ħwejjeġ sagri, l-oġġetti sagri, u jeħodhom għal serata tat-tbaħrid… x’ngħidu aħna? Kif inħossuna aħna? Kieku kellu jidħol xi ħadd hawn fil-knisja u jagħmel minnha maqjel, juża l-knisja għal skopijiet differenti minn dak li hi magħmula għalih, ikkonsagrata… kif inħossuna aħna? X’naħsbu aħna? Noqogħdu attenti li dak li nħossu għall-oġġetti, inħossuh ukoll għalina!

Kull wieħed minna, aħna kkonsagrati tal-Mulej, aħna midlukin mill-Mulej. Din hi l-identità tagħna. Xi ħaġa sabiħa ħafna, xi ħaġa kbira, imma magħha ġġib ħafna dmirijiet, iġġib ħafna responsabbiltà li ma nistgħux ninsewha, ma nistgħux inwarrbuha, jekk aħna rridu lill-poplu tagħna jiġġedded, jekk aħna nixtiequ li l-poplu tagħna jkollu fih is-sens tad-dnub. Kemm ngħiduha! ‘M’għadu xejn ħażin, kollox beda jgħaddi!’. Noqogħdu attenti li ma jibdiex jgħaddi kollox għalina. Noqgħod attent jien li l-ħażin ma nibdiex ngħidlu tajjeb. Noqgħod attent jien li dak li darba kien żball, ma nidrax fih, ma jsirx l-istil tal-ħajja tiegħi. Ejjew nitolbuh dalgħodu lill-Mulej biex din il-qawwa tal-Ispirtu verament tidħol ġo fina, tidħol f’kull wieħed minna, biex verament il-qawwa tal-Ispirtu tagħtina l-qawwa fejn m’għandniex… għax aħna dgħajfin.

Ma ninsewx lit-Tnax għaddew mill-istess esperjenzi tagħna: wieħed biegħu, l-ieħor ċaħdu, u l-għaxra l-oħra ħarbu. Lil dawn it-tnax, l-ewwel tnax, kienet il-qawwa tal-Ispirtu li għarrfithom, li għenithom jindunaw b’dan kollu. M’għalqux għajnejhom bħalma kien jiġrilhom il-Fariżej – għal dawn id-dnub sar in-normalità, il-ħażen sar in-normalità, in-nuqqas ta’ impenn, in-nuqqas tat-twettiq tad-dmirijiet isir normalità. M’għamlux hekk id-dixxipli. Bil-qawwa tal-Ispirtu ħallewh jaħdem fihom. Tnax-il persuna rnexxielhom ibiddlu l-univers, irnexxielhom ibiddlu d-dinja. Ejjew nitolbuh lill-Mulej din il-qawwa dalgħodu.

Ikompli l-Evanġelju jurina min huma d-destinatarji tal-Aħbar it-Tajba. Ma’ min irridu naħdmu aħna? Dan ipoġġina f’dawl, ikompli jgħinna neżaminaw, nirriflettu jekk id-destinatarji ta’ Ġesù, f’dan id-diskors programmatiku tiegħu, fis-Sinagoga ta’ Nazaret, jekk humiex l-istess destinatarji tagħna.

Ġesù jsemmi l-imjassrin: “Inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin” (Lq 4:18). Min huma l-imjassrin? Il-Profeta Iżaija jgħid li dawk li għandhom qalbhom muġugħa flimkien, dawk li għandhom qalbhom mitħuna flimkien. Allura l-mistoqsija tiegħi – jien, Dun Anton, u kull wieħed minna dalgħodu – trid tkun: Jien kemm qed infittex lil dawk li huma mitħunin? Lil dawk li għandhom qalbhom mgħaffġa? Kemm qed immur l-isptar, kemm qed immur għand il-morda? Kemm qed immur għand il-familji, li huma fit-tbatija? Din hi waħda mill-erba’ tipoloġiji li jsemmilna Ġesù fid-diskors programmatiku tiegħu. Ma jsemmix lil dawk li jiġu kuljum il-knisja. Mhux għax lil dawk irridu nittraskurawhom. Ma jsemmix lil dawk li m’għandhomx problema biex jitolbu, biex imorru fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Imma jsemmi fuq kollox dawk li huma l-iktar imbegħdin, dawk li huma l-iktar imwarrbin.

“L-għomja”. Il-kelma speċifika li għandna fl-Evanġelju turina pożizzjoni partikulari ta’ dan l-għama, bħallikieku persuna tinstab f’qiegħ ta’ bir fond, ta’ spiera fonda, tara biss dak li jidher miċ-ċirku tal-bokka: dak id-dawl, dak is-sema kaħlani, dak iċ-ċirku ristrett li jidher mill-bokka. Dak hu l-agħma. Nistgħu nidentifikaw mhux biss lin-nies tagħna ma’ dan l-agħma, imma kultant lilna nfusna, kultant lili nnifsi. Għax kultant l-affarijiet kif narahom jien biss, kultant il-viżjoni tiegħi tkun ristretta, li nedukaw lin-nies, li ngħinu lin-nies ikollhom viżjoni aktar wiesgħa tal-fidi, li ma nikkuntentawx b’dawk li jiġu b’viżjoni ristretta, imma ngħinuhom verament jikkonvertu fil-mentalità, it-tifsira vera tal-konverżjoni, tal-bidla tal-moħħ u l-bidla tal-qalb.

Isemmi wkoll lil dawk li huma mjassrin, dawk li huma maqfulin fil-jasar tagħhom. Min huma l-imjassrin? L-imjassrin huma dawk li huma skjavi… nista’ nkun jien skjav ta’ vizzju. Għandna ħafna madwarna jitolbu l-libertà, jitolbu l-ħelsien, għax qed iħossuhom imjassrin, kultant saħansitra bl-affarijiet li huma ħwejjeġ tajbin. Il-vizzju tal-pornografija, il-vizzju tax-xorb, il-vizzju tad-droga… u nistgħu nibqgħu sejrin. Għandna ħafna jasar madwarna. Kemm huma fiċ-ċentru tal-appostolat tiegħi? Għalija, Dun Anton, kemm huma fiċ-ċentru? Kemm huma għall-qalb tiegħi? Kemm naħli enerġija kuljum, jew matul is-sena, biex infittex lil dawn u ngħin lil dawn? Jew għalija – qed nitkellem bl-ikbar sinċerità, personali – dawn għadhom dik l-inizjattiva ta’ darba, li kważi kważi tagħmilni kuntent, għax għamilt xi ħaġa ta’ barra minn hawn, li mhux tas-soltu? Għal Ġesù hija n-normalità!

Il-ptochos, il-“foqra”: destinatarji oħra, ir-raba’ tip ta’ destinatarji. Min huma dawn il-ptochos? Fl-etimoloġija ta’ din il-kelma, il-ptochos huma dawk l-annimali żgħar li kif iħossu l-preżenza tal-bniedem, jaħarbu, jistaħbew. Kemm għandna minn dawn, kemm għandna nies minn dawn bla dinjità, bla identità! Ħarsu lejn l-immigrazzjoni, lejn il-persuni li kif aħna ngħaddu minn fejnhom, indawru wiċċna n-naħa l-oħra. Kemm persuni fid-djar tagħna, nisa u rġiel, tfal, m’għandhomx identità, huma kkalpestati fil-persuna tagħhom! Dawn huma d-destinatarji li Ġesù jridni nfittxu. Lil dawn iridna nwasslu l-Aħbar it-Tajba.

Aħna mibgħutin, mhux fuq inizjattiva personali. Li kieku l-vokazzjoni tagħna hija inizjattiva personali, allura lili ħadd mhu ħa jżommni fil-proġetti tiegħi u l-pjanijiet tiegħi. Le! Aħna mibgħutin: mhumiex il-proġetti tiegħi, mhumiex il-pjanijiet tiegħi. Is-saċerdozju tiegħi mhux ħidma għal Alla, imma l-ħidma ta’ Alla fija; tagħmel differenza kbira. Il-bidu tal-ħidma, mhux jien, imma Alla. Dan jitlob dixxerniment, dan jitlob il-ħajja spiritwali, dan jitlob kontinwità fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Inkella nispiċċaw nagħmlu l-proġetti tagħna, imbagħad noffruhom għal Alla… nagħmluhom għal Alla. Le, bil-maqlub: Alla għandu l-proġetti u l-pjan tiegħu. Jien irrid infittex b’responsabbiltà, għax hemm nies li poġġa fit-triq tiegħi, nies li fdali f’idejja. Allura, b’responsabbiltà, irrid niddixxerni, u mhux waħdi. Id-dixxerniment qatt ma jsir weħidna, imma jsir dejjem ma’ nies tagħna, f’komunjoni mas-saċerdoti tagħna, f’komunjoni mal-Isqof, flimkien. Lanqas jien, m’għandi l-ebda jedd nagħmel dixxerniment waħdi. Id-dixxerniment hu azzjoni tal-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu hemm il-komunità, u azzjoni komunitarja.

Dalgħodu jien nixtieq li veru tkun bidu ta’ sena pastorali… jekk Alla jrid, minn Settembru li ġej ’il quddiem. Nixtieq li niddedikaw verament il-formazzjoni tas-saċerdoti, biex nerġgħu niskopru dak li hu sabiħ: il-kobor li hemm fina, is-sabiħ li hemm fina, is-sabiħ li d-dinja għandha bżonn, l-ispeċifiċità tagħna. Allura b’qalbi kollha nħeġġiġkom biex inkunu preżenti għall-inizjattivi li l-Uffiċċju Kleru joffri minn żmien għal żmien. Kemm jiddispjaċini, sinċerament – mingħajr ma nagħmel l-ebda ġudizzju, għax m’għandi l-ebda dritt – meta nagħmlu rtir u jkun hemm ħmistax; imbagħad nagħmlu rtir ieħor u jkun hemm ħmistax oħra. Nifhem li dak li jkun ma jistax, nifhem li dak li jkun għandu x’jagħmel, nifhimha. Nistaqsi jien, lili nnifsi l-ewwel: Jien nemmen fihom dawn l-affarijiet? Irrid nagħmilhom? Importanti għalija dawn l-affarijiet jew le? Jekk mhumiex importanti, mela x’inhu importanti għalija li jien saċerdot? X’inhu importanti għalija saċerdot?

Allura bil-ħeġġa kollha ta’ qalbi nħoss verament li Alla jixtieq minna, jixtieq minn kull wieħed minna, li nieħdu aktar bis-serjetà l-ħajja saċerdotali tagħna, li nieħdu aktar bis-serjetà l-missjoni tagħna. Għaliex x’jiġrilna? Nispiċċaw fil-kompensazzjonijiet: flus, nisa, sess, pornografija. Dan lesti biex nagħmluh aħna wkoll. M’għandna xejn aħjar minn ħaddieħor, jekk ma jkollniex l-Ispirtu ta’ Alla, li kontinwament iħarisna u jieħu ħsiebna. Dak li kienu jgħidu l-qaddisin, San Filippu Neri, jgħodd għalija l-ewwel wieħed: “Żomm idejk fuq Filippu, għax Filippu jittradik!”. Hekk kien San Filippu Neri. Għandna bżonn li l-Ispirtu jkun magħna; għandna bżonn li nħalluh ikun magħna. Għandna bżonn niddedikaw ħin, nagħmlu ħin; jekk m’għandniex, nagħmlu ħin għal iktar affarijiet essenzjali fil-ħajja tas-saċerdozju tagħna. Inkella l-biża’ tiegħi x’inhu? Il-biża’ tiegħi hu, jew li ngħixu bħal Ġuda – inkunu hawn preżenti, nagħmlu l-ġesti kollha preċiżi, liturġija preċiża, imma l-qalb tagħna Alla biss jaf fejn hi ’l bogħod –; jew inkella ngħixu mdejqin, iffrustrati. Għax m’hemmx mod ieħor: jew tikkompensa, jew tgħix iffrustrat u mdejjaq. Il-Mulej jixtieq għalina ħafna isbaħ u ħafna aħjar!

San Pietru: “Tħeġġu, biex tgħixu s-sejħa tagħkom kif għandkom tgħixuha” (ara 2 Piet 1:10). Il-ferħ tagħna nsibuh fis-sejħa tagħna, fl-approfondiment tal-identità saċerdotali tas-sejħa tagħna. Hemmhekk jinsab il-ferħ tagħna… Il-bqija, induru kemm induru, nispiċċaw mhux inkunu biss delużi, imma naqgħu fid-dipressjoni.

Leave a Reply

%d bloggers like this: